L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

L-Evanġelju tal-lum ilaqqagħna ma’ persunaġġ li jintroduċina għall-miġja fil-qrib ta’ Ġesù. Ġwanni huwa dak li mibgħut qabel il-Mulej. Fil-fatt, wieħed mit-titli ta’ Ġwanni huwa l-Prekursur: dak li jiġi qabel il-Mulej.

L-Evanġelju ta’ San Ġwann jintroduċih b’titlu ieħor: il-Battista, għaliex introduċa dan ir-rit ta’ magħmudija fix-xmara Ġordan. Hu stess jgħid li huwa rit sinjal ta’ ndiema, li inti qed tagħraf dnubietek u titlob maħfra ’l Alla. Imma jitkellem dwar Ġesù bħala dak li se jiġi b’magħmudija oħra. Jgħid li l-Mulej Ġesù ħa jgħammidna “bl-Ispirtu s-Santu u n-nar” (Mt 3:11). Din il-kelma li titgħammed bl-Ispirtu s-Santu tfisser li l-ħajja tiegħek tittieħed propju mill-għeruq, mill-qawwa u  mill-Ispirtu tal-Mulej. Il-profezija sabiħa li smajna llum mill-Profeta Iżaija titkellem fuq l-Ispirtu tal-Mulej: “L-ispirtu tal-għerf u d-dehen, l-ispirtu tal-għaqal u l-qawwa, l-ispirtu tal-għerf u l-biża’ tal-Mulej (Iż 11:2-3). Aħna nitkellmu dwar is-seba’ doni tal-Ispirtu s-Santu. Fil-fatt, il-lista tas-seba’ doni meħuda propju minn din il-profezija sabiħa ta’ Iżaija. 

L-appostlu Missierna jitkellem dwar elementi oħra tal-Ispirtu qaddis tal-Mulej: il-frott tal-Ispirtu, u allura d-doni tal-Ispirtu huma ħafna. Kulħadd jirċievi s-sehem tal-Ispirtu skont il-vokazzjoni tiegħu. Aħna nitolbu f’dan iż-żmien tal-Avvent li fuq il-kelma ta’ Ġwanni – l-isem Ġwanni jfisser il-Mulej iħenn, Joħanan – “inħejju t-triq tal-Mulej, niddrittaw il-mogħdijiet tiegħu” (Mt 3:3). Din il-kelma hija għażiża u importanti għaliex kienet tintuża biex tħejji l-miġja tas-sultan. Dak iż-żmien is-slaten kienu jivjaġġaw mhux bl-ajruplani – ma konniex għadna wasalna s’hemm – imma 2000 sena ilu s-sultan kellu jivjaġġa bil-karrijiet, biż-żwiemel u allura kien ikun hemm bżonn li t-toroq ikunu mħejjija għall-miġja tas-sultan. U kien jibgħat ambaxxaturi biex javżaw dwar il-miġja tas-sultan u jieħdu ħsieb li jħejju t-toroq, speċi ta’ Public Works tal-antik.

“Ħejju t-triq tal-Mulej, iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu”. U din it-tħabbira, li kienet tgħaddi minn villaġġ għall-ieħor, biex in-nies mhux biss jippreparaw ruħhom għall-miġja tas-sultan imma jħejju t-toroq, kienet tissejjaħ aħbar tajba, evanġelju. Il-kelma ‘evanġelju’ li aħna nużaw għall-Aħbar it-Tajba ta’ Ġesù hi meħuda minn din l-aħbar: ġej is-sultan, maranata, ġej is-sultan, ġej il-Mulej. 

Ġwanni huwa dak li jiġi qabel il-Mulej jagħtina din l-aħbar, aħbar tajba, Evanġelju. U dan huwa ż-żmien tal-Avvent, li aħna nirċievu din l-aħbar li ġej is-sultan u li hemm bżonn inħejju t-triq. It-triq hija qalbna. Il-Mulej kif se jasal għandna? Permezz ta’ qalbna. Mhux permezz ta’ moħħna imma permezz ta’ qalbna. 

Allura l-indiema li qed jipprietka Ġwanni biex inħejju t-triq tal-Mulej, mhix kwistjoni ta’ ġebel u terrapin, imma hija tal-qalb. L-indiema li tiġi propju minn dan l-atteġġjament li lill-Mulej tgħidlu: grazzi, Sinjur Alla imma aħfirli Sinjur Alla; li kontinwament lil Alla tgħidlu: Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok.

Innutajtu waqt li qed nisimgħu l-Evanġelju li Ġwanni ma tantx juża kliem ħelu lil min imur biex taparsi jitgħammed bil-magħmudija ta’ ndiema. Ħin minnhom, lill-Fariżej u s-Saduċej isejħilhom: “nisel il-lifgħat” (Mt 3:7). Ma tantx hija xi ħaġa sabiħa tgħid hekk lil xi ħadd, nifhmuha din. Imma jgħidilhom li mhux biżżejjed tgħidu ‘kemm intom bravi fil-liġi ta’ Alla’, imma l-qalb tagħkom kif inhi u fejn hi? Għax l-ewwel pass tal-indiema hu li nagħraf li għandi bżonn il-ħniena tal-Mulej u nilqagħha b’umiltà kbira.

San Pawl, l-appostlu Missierna, jagħtina kelma ta’ faraġ meta jitlobna bil-ħerqa, u jiena naħseb dan ukoll huwa mod kif inħejju ruħna għall-miġja tal-Mulej anke għall-Milied. Jgħid hekk: “Ilqgħu lil xulxin bħalma Kristu wkoll laqa’ lilkom għall-glorja t’Alla” (Rum 15:7). Kemm hi sabiħa din l-istedina tal-appostlu missierna. Kemm tkun ħaġa sabiħa li dan l-Avvent nirriflettu fuq din il-preparazzjoni. Aħna qed inżejnu d-djar tagħna, it-toroq tagħna, qed niċċelebraw il-festi ta’ qaddisin li jfakkruna fil-misteru kbir tal-Milied. 

Wieħed minnhom San Nikola. Għalhekk għażilt li niġi f’din il-kappella fil-kampanja fil-limiti tal-Qrendi, bejn il-Qrendi u s-Siġġiewi, iddedikata lil San Nikola minn żmien antik ħafna, propju jumejn qabel nagħmlu l-festa ta’ dan il-qaddis kbir. Jekk wieħed jinnota propju dan il-kwadru antik ta’ San Nikola li hawn f’dil-kappella, jinnota li San Nikola fuq il-ktieb tiegħu għandu tliet qishom globi tad-deheb u hemm ukoll tlett itfal. San Nikola huwa magħruf bħala l-protettur tad-dinjità tal-mara għaliex ħallas għad-dota ta’ tliet tfajliet biex huma ma jingħatawx għall-ħajja tat-triq, għall-ħajja tad-dnub. Salvahom, salva d-dinjità tagħhom minn flusu. Inħeba, imma mbagħad missierhom, mat-tielet darba, għamel għassa u nduna li kien Nikola li kien qed iwaddab mit-tieqa tad-dar fejn kienu joqogħdu dawn it-tliet tfajliet din il-borża deheb kull darba biex tfajla wara l-oħra jkollha biex tiżżewweġ, tinġabar, u missierha ma jkollux bżonn, biex jieklu u jixorbu, ibigħ lil uliedu għall-ħajja ta’ bla dinjità. Tifhmuni.

Imma hemm ukoll it-tlett itfal. Hemm leġġenda, storja qawwija, tradizzjoni. San Nikola salva tlett itfal li kienu ngħataw biex jitqattgħu biċċiet. San Nikola, difensur tad-dinjità tal-mara, imma wkoll difensur tad-dinjità ta’ wliedna, tat-tfal. 

Aħna l-Isqfijiet, illum bgħatna nota pastorali fil-parroċċi ta’ Malta u ta’ Għawdex u qed nagħmlu din it-talba ħerqana. Jiena hawnhekk, minn din il-knisja antika ddedikata lil San Nikola, propju nagħmel appell ħerqan lil min għandu responsabbiltà kbira, ħafna kbira, li aħna nibqgħu niddefendu lil uliedna b’mod speċjali lil uliedna fil-ġuf. Inti, biex issalva l-ħajja tal-omm, tagħmel kollox. Aħna m’aħniex qed nitkellnu fuq dik, imma jekk tgħidli: inti tista’ toqtol tarbija minħabba s-saħħa tal-omm. Hawnhekk, mhux fuq l-miżien, m’għandhomx l-istess piż, l-aħwa. Aħna, din hi d-diffikultà li nsibu ma’ din il-proposta tal-liġi; inti għandek toqtol biex tħossok aħjar? Dak hu l-prezz? U kif qiegħda l-liġi, dil-ħaġa tista’ ssir sat-twelid tat-tarbija. Immaġina inti, toqtol tarbija minħabba s-saħħa tal-omm. Il-ħajja tal-omm, ħajja u ħajja, qishom fuq l-istess miżien, hux? Fuq il-miżien hemm ħajja u ħajja,  imma l-ħajja u s-saħħa? Dik hi d-diffikultà li qed insibu, biex wieħed jifhem li mhux kapriċċ u m’għandekx inti tissoprimi l-ħajja ta’ xi ħadd b’kapriċċ. Mhux qed ngħid li ma jkunx hemm sitwazzjonijiet diffiċli, mhux qed nikkundanna kultant dak li jsir b’mod tant ta’ swied il-qalb għax isir b’mod leġġer, imma qabel il-liġi tippermetti xi ħaġa, irridu niddeċiedu xi rridu tassew. Ma nilagħbux bil-kliem. Il-qtil tal-innoċenti jibqa’ qtil tal-innoċenti. Ma nilagħbux bil-klieml. U ma nsibux skużi. Dan li qed nippruvaw ngħidu aħna l-Isqfijiet fi ftit kliem.

U jiena nitlob ħafna l-interċessjoni ta’ Sidtna Marija aħna nfakkru l-Isqfijiet, nhar il-Ħamis se nagħmlu festa kbira lill-Kunċizzjoni. Il-Kunċizzjoni x’inhi? Din it-tifla li tibda titnissel fil-ġuf ta’ ommha Anna u f’dak il-mument tat-tnissil tal-omm ta’ Ġesù fil-ġuf ta’ ommha Anna, il-Mulej jintervjeni billi jħarisha minn kull dnub għax aħna nemmnu fid-dinjità tal-ħajja umana sa mit-tnissil tagħha. Bħalma nagħmlu festa għat-tnissil tal-omm, hekk nagħmlu wkoll festa tat-tnissil ta’ Ġesù fil-25 ta’ Marzu, 9 xhur qabel il-Milied. U hekk ukoll se nagħmlu festa 9 xhur qabel it-twelid tal-Madonna li aħna niċċelebraw fit-8 ta’ Settembru: mit-8 ta’ Deċembru sat-8 ta’ Settembru jgħaddu 9 xhur.Dak hu l-kalkolu, li inti tibda tgħodd id-9 xhur tat-tqala tal-mamà tal-Madonna, ta’ Anna, mit-8 ta’ Diċembru u twasslek sat-8 ta’ Settembru, sat-twelid tagħha. U dawn huma festi antiki. Imma din mhix kwistjoni biss ta’ fidi, l-aħwa, hi kwistjoni ta’ xjenza. Illum għandna l-vantaġġ li tista’ tara t-tarbija tikber fil-ġuf, taraha bl-istrumenti. Għandna dan l-għarfien kollu! 

Ejjew nitolbu ħafna l-interċessjoni ta’ San Nikola, protettur tad-dinjità tal-mara, protettur tad-dinjità tat-tfal għal pajjiżna. 

✠ Charles Jude Scicluna
    Archbishop of Malta


Qari tal-Quddiesa
Qari I: Iż 11:1-10
Salm: 71(72):1,7-8,12-13,17
Qari II: Rum 15:4-9
L-Evanġelju: Mt 3:1-12

More Photos