L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Qegħdin fl-ewwel versi tal-Evanġelju skont San Mark. U l-ewwel kliem ta’ dan l-Evanġelju, li għadna kemm smajna, u li qralna Fr Aayrton, jispjegaw x’inhi din il-kelma Evanġelju. Fil-fatt, hekk jibda: “Il-Bidu tal-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu l-Iben ta’ Alla” (Mk 1:1). Imma minn fejn ġejja l-kelma Evanġelju? Bil-Grieg tfisser ‘Aħbar Tajba’. ‘Euangélion’ – Aħbar Tajba. Imma kellha sinifikat preċiż fi żmien Ġesù. Meta kien ikun ġej ir-Re, jew xi ħadd importanti ħafna, illum ngħidulu VIP, jew VVIP, kien ikollhom iħejju t-triqat. It-triqat ma kinux bħal tal-lum, u allura kien ikollhom xi ħadd li jmur qabel ir-Re, iħejji letteralment it-triq, u jħabbar il-wasla tas-Sultan. Kienu qishom il-public works ta’ xi żmien ilu; illum ma għadhomx jgħidulhom hekk. Meta kont ċkejken kienu jgħidulhom il-public works. Dawk li jieħdu ħsieb it-toroq, u jħejjuhom. 

Fil-fatt, l-istess San Mark, biex jikkonferma t-tifsira tal-kelma ‘Evanġelju’, jibda’ b’din is-silta mill-Profeta Iżaija, li nkitbet mijiet ta’ snin qabel Ġesù. “Bħalma hu miktub fil-ktieb ta’ Iżaija l-profeta, ‘Ara jien nibgħat qablek il-ħabbâr tiegħi biex iħejji triqtek. Leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert: Ħejju t-triq tal-Mulej, iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu’” (Mk 1:2-3). Għaliex dan kien l-Evanġelista, dak kien l-Evanġelju, t-taħbira li ġej xi ħadd importanti u għandna bżonn inlestu t-triq, minn fejn se jgħaddi. Imma fl-Evanġelju li għadna kemm smajna, din it-triq issir il-ħajja tagħna. Aħna u nippreparaw għall-miġja ta’ dan ir-Re, ta’ dan is-Sid, ta’ dan ir-Ragħaj. mhux kwistjoni ta’ public works, imma x-xogħol fuq il-qalb tagħna. Mela meta jgħidilna “Ħejju t-triq tal-Mulej, iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu” (Mk 1,3), qed jistedinna biex niċċekkjaw eżattament fejn qegħdin, niddrittaw dak li hu mgħawweġ kemm jista’ jkun, u nwittu dak li għandna bżonn inwittu fil-ħajja tagħna. 

Fil-fatt, l-ewwel ħaġa li jagħmel dan l-Evanġelista, dan il-ħabbâr li qed jgħidilna, ‘Issa ġej il-Mulej! Ejjew inħejju!’ X’jgħidilna? “Ixandar magħmudija ta’ ndiema għall-maħfra tad-dnubiet” (Mk 1:4). U hawnhekk niltaqgħu ma’ kelma oħra importanti. Din l-ewwel silta mill-Evanġelju ta’ San Mark, qisha dizzjunarju ċkejken tal-ewwel kliem li għandu bżonn jitgħallem in-Nisrani, qisu l-ABĊ. Għandna kelma oħra importanti: ‘Magħmudija’. Il-Magħmudija x’inhi? Il-kelma Magħmudija ġejja wkoll mill-għerq Grieg ‘baptizo’, li tfisser meta tgħaddas xi ħaġa, xi element fl-ilma. Aħna fis-sajf – issa naqra iżjed kiesaħ l-ilma – togħdos fl-ilma. Dik hija l-Magħmudija – baptizo. Imma hu jitkellem fuq il-Magħmudija ta’ ndiema. Mela qed jgħidilna, qis li ħajtek tkun immarkata b’din ir-rieda li tinbidel kontinwament. Għax l-indiema, mhux jiddispjaċini ta’ dak li ġara. Mulej għinni biex inkun aħjar. Dik hija l-indiema, l-aħwa. L-indiema, mhux ir-rimors li joqtolni, li jfarrakni, li jkissirni. L-indiema  hija pożittiva ħafna. Mulej, kemm nixtieq inkun aħjar. L-indiema hija wkoll, li meta jiena nirrealizza li jiena waqajt fil-vizzju antik f’xi ħaġa li tfixkilni, ma naqtax qalbi. Imma ngħidlu: Għinni Mulej, nixtieq li nkun aħjar. 

Allura l-Magħmudija tal-indiema li qed jipprietka Ġwanni, l-Għammied, il-Battista, hija atteġġjament, mod kif inti tħares lejk innifsek. Il-Lhudija kollha kienet tmur, u jitgħammdu, waqt li jistqarru dnubiethom. Dan huwa element importanti ħafna wkoll f’dan l-istaġun: li tistqarr dnubietek. Aħna ħafna drabi naħarbu minnha din. Nippreferu nagħtu tort lil kulħadd, imma mhux lilna nfusna. Il-Mulej qed jistedinna, ieqaf ftit, qabel tibda tgħid li t-tort tad-dinja kollha. Iċċekkja ftit jekk hemmx xi ħaġa li f’ħajtek tista’ tkun aħjar, anke l-mod li bih tħares lejn ħaddieħor, jew tiġġudikah forsi. 

Imbagħad jagħtina wegħda. Dan l-Evanġelista li qed jgħidilna ‘Ħejju t-triq’, qed jagħtina wegħda sabiħa. Dan li ġej, dak li qed nippreparaw għalih, mhux se jgħammidkom bl-indiema, il-Magħmudija tiegħu anqas ma hi bl-ilma, “iżda huwa jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu” (Mk 1,8). Aħna, mgħammdin bl-Ispirtu s-Santu, xi tfisser? Jiena ħajti tgħum fl-Ispirtu ta’ Ġesù, li huwa l-ispirtu tal-faraġ, l-ispirtu tal-paċi, l-ispirtu tal-ferħ, tal-maħfra. Għalhekk isseħħ fina, imgħammdin bl-Ispirtu s-Santu, il-konsolazzjoni, il-profezija sabiħa minn Iżaija, li qrajna fl-Ewwel Qari llum. “Farrġu, farrġu l-poplu tiegħi. Kellmu lil qalb Ġerusalemm u għidulha li ntemm il-jasar tagħha, tħallset ħżunitha” (Is 40,1-2). Kemm hi ħaġa sabiħa, li inti tisma’ lil xi ħadd u jgħidlek, dak kollu li għandek bżonn jinħafirlek, maħfur, id-dejn tiegħek maħfur. “Leħen jgħajjat: Ħejju t-triq għall-Mulej fid-deżert” (Is 40,3). Hija l-istess profezija, li mbagħad nerġgħu nisimgħuha fl-Evanġelju skont San Mark. Imma kemm hi kelma ta’ faraġ, dik li tisma’ lil xi ħadd jgħidlek, id-dejn tiegħek inħafirlek. Jaf xi ħaġa fuqha din, min għandu xi ftit dejn xi jħallas. Jiġi xi ħadd, tirċievi xi ittra, u minflok jgħidlek kemm għad baqagħlek tħallas, jgħidlek, Sinjur, għandi pjaċir navżak, li d-dejn tiegħek inħafirlek. Il-Mulej qed jgħidilna hekk. Diffiċli nirċevuha ittra bħal dik. Imma almenu d-dejn li għandna mal-Mulej, inserrħu rasna. Din hi l-Aħbar it-Tajba, l-Evanġelju li l-Mulej ifakkarna f’dan l-Avvent. 

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-Quddiesa

L-Ewwel Qari: Iż 40:1-5,9-11
Salm: 84(85):8-9ab,10-14
It-Tieni Qari: 2 Piet 3:8-14
L-Evanġelju: Mk 1:1-8

More Photos