L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
“Il-Mulej kien jaħdem magħhom” (Mk16:20). Kemm hi kelma ta’ faraġ din il-kelma mill-Evanġelju skont San Mark li qrajna fil-festa ta’ San Ġorġ Preca u li naqraw ukoll fl-10 ta’ Frar. Kienet idea sabiħa tal-Knisja, li l-Evanġelju li jinqara meta nfakkru l-miġja tal-Appostlu Missierna San Pawl, nerġgħu naqrawh ukoll fid-9 ta’ Mejju meta nfakkru lil San Ġorġ Preca.
Fl-Evanġelju l-Mulej qed jagħti missjoni speċjali lid-dixxipli tiegħu. Qiegħed jibgħathom fid-dinja kollha biex iħabbru l-aħbar it-tajba, ixandru l-Evanġelju. San Mark jgħid “lill-ħolqien kollu” (Mk16:15). Iwegħidhom li se jkun magħhom, mhux se jitlaqhom waħedhom. Ma wegħidhomx ħajja faċli, imma wegħidhom il-faraġ tal-preżenża tiegħu. U aħna u naħsbu f’San Ġorġ Preca, f’Dun Ġorġ illum, ejjew nitolbu l-interċessjoni tiegħu biex aħna jkollna din il-fidi, din ir-relazzjoni speċjali ma’ Ġesù, li fil-qalb tagħna tixgħel xrara ta’ mħabba għalih u għall-proxxmu. U din ix-xrara ta’ mħabba jkollna bżonn il-ħeġġa li naqsmuha mal-ħolqien kollu, imfarrġin mill-preżenza tal-Imgħallem.
Din is-sena tal-grazzja, is-sena tal-Ġublew, ejjew nitolbu wkoll li bl-interċessjoni ta’ San Ġorġ niskopru l-ħniena ta’ Alla. Fis-salm ta’ Patri Franku, il-kitba poetika ta’ Dun Ġorġ, imma wkoll fis-salm fuq il-ġustizzja u l-ħniena t’Alla, Dun Ġorġ kiteb ħsibijiet straordinarji fuq il-ħniena tal-Mulej, ispirat minn Ġesù li aħna niltaqgħu miegħu fl-Evanġelju. Ġesù ħaj imma wkoll ispirat mis-saċerdozju tiegħu, li kien saċerdozju li farraġ lill-poplu Malti u Għawdxi. Min jaf kemm ta pariri Dun Ġorġ, min jaf kemm qarar. Min jaf ħaddem il-ministeru tal-ħniena! Ejjew nitolbuh biex aħna u niskopru l-ħlewwa tal-ħniena ta’ Alla u nkunu wkoll xandara ta’ din il-ħniena. Wara kollox il-Mulej stess għallimna nitolbu: “Aħfrilna dnubietna bħalma naħfru lil min hu ħati għalina.”
Dun Ġorġ meta saħaq fuq il-manswetudni, fuq il-maħfra tal-għedewwa, kien jifhem bħalma jispjega fl-ittra popolari dwar il-manswetudni, li inti u tiskopri l-ħniena ta’ Alla, ma tistax ma taqsamhiex ma’ ħaddieħor, saħansitra ma’ min għamillek il-ħsara. Il-manswetudni hi faċċata oħra tal-maħfra, li aħna naqsmu bejnietna ma’ xulxin. Id-dinja għandha bżonn ta’ dan il-messaġġ.
Il-Papa Ljun X1V, fl-ewwel kliem tiegħu, minn fuq il-loġġa tal-benedizzjonijiet, ilbieraħ ma taniex biss it-tislima ta’ Kristu Rxoxt, imma wkoll ħajjarna biex aħna niskopru għatx ġdid għall-paċi li jagħti Ġesù Kristu. Id-dinja għandha bżonn tal-paċi li jagħti l-Mulej. It-tislima li aħna naqsmu bejnietna: “il-paċi miegħek, il-paċi magħkom”, trid tkun stedina biex aħna niskopru l-paċi li ġejja mil-laqgħa tagħna mal-ħniena ta’ Alla. U aħna u niskopru l-ħniena ta’ Alla u nilqgħuha u nimtlew b’serħan kbir tal-qalb u tal-moħħ, u l-paċi kbira li ngawdu meta nħossuna maħfura, milqugħa, riġenerati, mogħtijin żogħżija ġdida.
Ejjew din l-esperjenza straordinarja naqsmuha bejnietna, f’dinja li għandha bżonn appostli tal-ħniena li għandhom l-umiltà neċessarja biex jaħfru u jkunu mansweti. Wara kollox il-Mulej stess qalilna tgħallmu minni: “Jiena ta’ qalb ħelwa u umli” (Mt 11:29).
F’Il-Mansjonijiet u Praeconia meta San Ġorġ Preca jimmedita fuq il-Qalb ta’ Ġesù, kemm jinsisti fuq il-fatt id-dixxiplu tal-Mulej irid ikollu dawn iż-żewġ valuri: “tgħallmu minni, għax jien ta’ qalb ħelwa u umli”. Il-ħlewwa bħala tenerezza, bħala manswetudni – il-maħfra. L-umiltà bħala l-verità fuq l-eżistenza tagħna.
Jiena nixtieq nitlob l-interċessjoni ta’ San Ġorġ, biex il-poplu tagħna, bħalma għamel dejjem, ikompli jagħżel il-ħajja. Għandna għażla quddiemna, din il-konsultazzjoni minn idejn l-awtoritajiet ċivili. Meta nersqu lejn il-mewt, xi rridu nagħmlu? Noqtlu lilna nfusna, jew nilqgħu kull għajnuna li twassalna lejn il-mewta naturali tagħna b’dinjità? Ejjew ma nibżgħux insemmgħu leħinna f’għażla favur il-ħajja, li twassalna għall-mewt naturali b’dinjità. Waħda mill-affarijiet li kienet tbeżża’ lil Dun Ġorġ hi li aħna nippretendu li aħna allat. Li aħna għandna l-poter fuq il-mewt u fuq il-ħajja tagħna nfusna u ta’ ħaddieħor.
It-talba li għallimna ‘Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok!’ hi talba profonda għax tpoġġini quddiem Alla fil-verità tiegħi, li kull nifs tiegħi ġej minnu u li l-ħajja hija don ta’ Alla. Hemm tentazzjoni kbira quddiem il-poplu tagħna li jagħżel il-mewt. Nitolbu li bl-interċessjoni ta’ San Ġorġ, li nkomplu nagħżlu l-ħajja, anke meta naffaċċjaw il-mewt, naffaċċjawha mhux bħala sidien ta’ ħajjitna – dik kienet l-ewwel tentazzjoni tal-ġenituri tagħna. Kunu bħal Alla, iddeċiedu intom x’inhu t-tajjeb u l-ħażin! Imma aħna wlied il-Missier, sottomessi għall-volontà tiegħu. Ix-xjenza tant ipprogrediet, li anke l-mument tal-mewt, li jibqa’ dejjem terribbli, it-tbatija tiegħu tista’ tittaffa. Imma żgur m’għandhiex tkun l-għażla tagħna, li għal ftit xhur nagħżlu li noqtlu lilna nfusna.
Kieku hawn Dun Ġorġ, min jaf x’erba’ kelmiet ivenven! Jitlob ħafna għalina.
✠ Charles Jude Scicluna
Archbishop of Malta
Qari I: Sir 21, 11-17, 21
Salm: 119: 33-42
L-Evanġelju: Mk 16, 14a. 15-20