L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Din is-silta mill-ewwel kapitlu: għadna fl-ewwel kapitlu tal-Evanġelju ta’ San Mark. Huwa Evanġelju li ma jagħtina xejn dwar it-twelid ta’ Ġesù u lanqas it-tfulija ta’ Ġesù. L-Evanġelju ta’ San Mark jibda bi Ġwanni l-Battista u bil-Magħmudija tal-Mulej. Għadna fl-ewwel kapitlu u nindunaw mill-ewwel il-bidu ta’ dik li aħna nsejħulha l-ħajja u l-ħidma pubblika ta’ Ġesù.
L-ewwel nett huwa magħruf, innutaw, bħala Ġesù ta’ Nazaret. L-ispirtu ħażin tant jaf min hu Ġesù li jafu propju bl-għeruq u x-xniexel tiegħu: Ġesù ta’ Nazaret. Hekk kien magħruf Ġesù, propju bir-raħal minn fejn trabba. Jgħidlu wkoll: “Int il-Qaddis ta’ Alla” (Mk 1:24). Mela l-ispirtu ħażin li għandu l-intelliġenza anġelika – għax l-ispirti ħżiena għandhom l-intelliġenza tal-anġli – jagħrfu lil Ġesù, jafu eżattament min hu. Imma hu għandu l-qawwa fuqhom, isikkithom (Mk 1:25).
Xi ħaġa oħra importanti li ninnutaw f’din l-ewwel silta importanti mill-Evanġelju ta’ San Mark dwar il-ħidma ta’ Ġesù hija li Ġesù minn Nazaret jibda jaħdem, il-hub tiegħu ssir Kafarnahum, post fuq ix-xtajta ta’ Tiberijade. Kafarnahum issir ir-raħal adottiv tiegħu, iħalli ’l Nazaret, jirritorna u jkollu ftit inkwiet ukoll għax ħin minnhom iridu jgarawlu l-ġebel u jwaddbuh għal isfel ukoll. Imma mil-lum ’il quddiem hija l-belt ta’ Kafarnahum, fuq ix-xtajta ta’ Tiberijade, jew inkella l-Baħar tal-Galilija, li hija ċ-ċentru tal-attività ta’ Ġesù fil-Galilija.
Xi ħaġa oħra li jgħidu n-nies u li tiġbor il-ħidma ta’ Ġesù huwa t-tagħlim tiegħu: dan huwa tagħlim ġdid, u t-tieni l-qawwa fuq il-ħażen (ara Mk 1:27). Meta nħarsu u nifhmu lil Ġesù, anke kif fl-Evanġelju jġib ruħu, kif jiltaqa’ mal-midneb, mal-marid, il-fejqan fiżiku fl-Evanġelju huwa dejjem sinjal ukoll tal-qawwa ta’ Ġesù fuq l-ispirtu tal-bniedem, fuq dak li ma jmut qatt, li ma jintemm qatt.
U aħna rridu nagħmlu propju att ta’ fidi fuq il-qawwa ta’ Ġesù. Wara kollox, meta għallimna nitolbu, x’għallimna? “Aħfrilna dnubietna” imma “eħlisna wkoll mit-tiġrib” (Lq 11:3-4), eħlisna mid-deni. U din hija talba li aħna nagħmluha b’fidi kbira fil-qawwa ta’ Ġesù.
Interessanti ħafna li Ġesù mhux interessat fl-istqarrija tal-ispirtu ħażin li jagħraf min hu. M’hemmx għalfejn jissottometti ruħu għal Ġesù: “Jiena naf min inti imma se nkompli anzi niġġilidlek”. Fil-fatt id-domanda hija: “Inti ġejt biex teqridna?” (Mk 1:24). U aħna nafu r-risposta x’inhi: Iva. Iva, ġejt biex teqridna? Iva, biex teqred is-saltna tal-ħażen. L-għażla f’idejna. Aħna ma’ min se nkunu?
✠ Charles Jude Scicluna
Archbishop of Malta
Qari tal-Quddies
Qari I: Lhud 2:5-12
Salm: 8:2a u 5,6-7,8-9
L-Evanġelju: Mk 1:21b-28