-
-
Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
-
Knisja Parrokkjali ta’ Bormla
19 ta’ Novembru 2017
Ippermettuli nagħti tislima speċjali lir-respettabbli Sindku fl-okkażjoni anke ta’ Jum Bormla. Insellem ukoll lill-kunsilliera u lill-membri kollha tas-soċjetà ċivili.
Nixtieq noffri riflessjoni ċkejkna u qasir. Ilbieraħ bdejt ingawdi din il-knisja sabiħa b’patrimonju straordinajru, fl-idjoma bl-arkitettura Barokka, li għat-8 ta’ Diċembru, ta’ kull sena, titlibbes b’mod tassew meraviljuż u hija l-għaxqa u l-kburija tal-Bormliżi kollha.
Meta fil-gżejjer tagħna tgħid il-kelma ‘kunċizzjoni’ l-moħħ u l-qalb tiegħek, bla ma trid tlissen il-kelma ‘Bormla’ jew ‘il-Belt Cospicua’. U din hija responsabbiltà; huwa talent li l-Mulej qiegħed jafdalkom u li fil-parabbola li jagħtina llum jixtieq ħafna li twassluh għal ħafna frott.
L-ewwel nett nixtieq nirringrazzja lir-respettabbli Sindku u lill-kunsilliera talli f’dan il-jum, fost ħafna attivitajiet oħrajn li għandkom, ġejtu hawnhekk. Hija għażla li turi deċiżjoni u determinazzjoni li intom, ir-rappreżentanti tal-poplu Bormliż, tapprezzaw il-wirt tiegħu, it-tradizzjonijiet tiegħu. Intom ġejtu hawnhekk ukoll biex tkunu xhieda tal-imħabba li għandkom lejn il-Kunċizzjoni bħalma għandu u għandha kull Bormliż u kull Bormliża.
Aħna napprezzaw il-fatt li fi żmien riċenti Bormla sbieħet fl-infrastruttura, fil-ġonna. Hemm bżonn ukoll inkomplu naħdmu, għax naf li qed isir ħafna xogħol, biex it-tfal tagħna, iż-żgħażagħ tagħna jikbru f’ambjent, mhux biss arkitettonikament sabiħ u dan qed isir ħafna xogħol fuqu, imma anke soċjalment. Jiena nirringrazzjakom tal-għażla li tibdew il-ġurnata hawnhekk. U nixtieqkom twasslu l-apprezzament tiegħi lil sħabkom kollha, lill-Bormliżi kollha. L-appell li nagħmlilkom huwa li tkomplu taħdmu biex il-poplu Bormliż mhux biss ikompli japprezza l-patrimonju tiegħu imma bil-ħidma tagħkom u bil-ħidma ta’ kulħadd, jaħdem biex ikollu futur sabiħ b’mod speċjali għall-ġenerazzjonjiet futuri.
F’isem il-Knisja, inwiegħed il-koperazzjoni sħiħa mar-realtajiet ċiviċi u statali għall-ġid tal-komunità.
Il-Mulej, minna l-leaders se jitlob kont, se jgħidilna, “jiena fdajtlek poplu, fdajtlek kunsill lokali, fdajtlek komunità, fdajtlek parroċċa, x’għamilt? Tajt ħajtek għal dan il-poplu li fdajtlek?” Jalla aħna meta nidhru quddiemu biex nagħtu kont ngħidulu ‘għamilt li stajt’. Ma naħsibx li jippretendi xi ħaġa oħra. Mirakli ma nagħmlux, mhux hekk Sindku? Jekk nattrezzaw ruħna ndumu ħafna biex ngħaddu minn dak il-kors. Imma importanti u jiena nitlob ħafna għalik, għall-kunsill tiegħek li tmexxi, biex nagħmlu ħilitna, nagħmlu li nistgħu. Jiena, f’isem il-Knisja, inwiegħed il-koperazzjoni sħiħa mar-realtajiet ċiviċi u statali għall-ġid tal-komunità. Dan huwa dover sagrosant: li niġbdu lkoll ħabel wieħed għal Bormla. Jekk aħna qed niċċelebraw Jum Bormla qegħdin niċċelebrawh taħt id-dell tal-mant tal-Kunċizzjoni għax irridu naħdmu id f’id għall-ġid ta’ kull membru ta’ din il-komunità.
L-Evanġelju jgħallimna nieħdu ħsieb l-ewwel min għandu l-iżjed bżonn. F’kull komunità se nsibu min għandu bżonnijiet partikolari u speċjali. Ġesù stess qal: “il-fqar dejjem magħkom”. U allura aħna nitolbuh, la tana din il-fiduċja u din ir-responsabbiltà, biex jagħtina wkoll l-għajnuna ħalli din il-fiduċja li tatna l-providenza, permezz tal-għażla tal-poplu wkoll fil-każ tagħkom, permezz tal-għażla tal-Isqof fil-każ tal-Arċipriet, permezz tal-għażla tal-Papa fil-każ tiegħi, imma aħna lkoll magħżulin b’xi mod u għandna r-responsabbiltà.
Nitolbu ’l Mulej biex naqdu d-dover tagħna b’onestà, b’sinċerità, b’ħeġġa kbira u b’ġenerożità.
Minn hawn u ftit ieħor Bormla tkun festa kbira. Jiena nawgura li ma jkollniex il-maltemp ħalli Malta kollha tinġabar hawn għall-festa tal-Kunċizzjoni. Nifirħu flimkien fil-festa kbira tat-tnissil bla tebgħa ta’ omm Ġesù. U nitolbuha mhux biss tbierek lil din il-Belt Cospicua imma wkoll tati lil kull wieħed u waħda minna dan is-sens profond ta’ responsabbiltà. Jiena rrid nagħti kont tal-fiduċja li ngħatatli. U allura nitolbu ’l Mulej biex naqdu d-dover tagħna b’onestà, b’sinċerità, b’ħeġġa kbira u b’ġenerożità.
Nixtieq nitlob ukoll b’mod speċjali għall-familji ta’ din il-komunità. Kull familja hija soċjetà żgħira u l-ġenituri ġew afdati bihom infushom, huma afdati lil xulxin u l-wild li jkollhom huwa wkoll fiduċja li qed juri l-Mulej fihom. Għax meta ġġib tarbija fid-dinja hija frott tal-imħabba, sinjal ta’ tama u l-Mulej qed jafdahielek biex tieħu ħsiebha. Nieħu pjaċir nara tfal li qed jittrenjaw ikunu abbatini u fl-istess ħin nawgura li hekk it-tfal li se niltaqa’ magħhom f’dawn il-jiem permezz ta’ prattikament f’kull skola li hawn Bormla, hemm ikollhom din il-ħeġġa li jsalvaw, iħaddmu u jippromwovu l-patrimonju ta’ din il-belt, il-belt tagħna. Ftakru ftit kemm batiet fil-gwerra. Hemm bżonn li mhux biss tkompli tirxoxta imma bil-ħidma ta’ kulħadd ikollna futur sabiħ.
✠ Charles J.Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
-
-
Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni Kurja