Il-Metropolitan tal-Ortodossi tal-Lvant Job Getch, li hu l-Kopresident tal-Kummissjoni Teoloġika Internazzjonali għad-Djalogu bejn il-Knisja Kattolika Rumana u l-Knisja Ortodossa, kien qed jieħu sehem f’sessjoni pubblika li saret Malta li fiha aġġorna lill-pubbliku preżenti fuq l-aħħar żviluppi li għaddejjin bejn dawn iż-żewġ Knejjes.
F’kummenti lil Newsbook Malta Getcha saħaq li hemm bżonn inkunu nafu aktar dwar dan id-djalogu li qed isir. Hu spjega li l-ħidma ilha ssir mill-1979 u kien hemm seba’ dokumenti li qablu fuqhom. L-ewwel tlieta kienu jitrattaw fuq dak li hemm komuni bejn dawn iż-żewġ Knejjes. Kienu qablu li kellhom jitkellmu fuq dak li jgħaqqadhom aktar milli fuq dak illi jifridhom. It-tliet dokumenti l-oħra jitrattaw il-bidu u t-tema tas-sinodalità. Waħda mir-raġunijiet għall-qasma kienet l-irwol tal-Papa u l-ġurisidizzjoni tiegħu. Fl-ispirtu tas-sinodalità hu qal “ma tistax tkun l-ewwel jekk tkun waħdek u ma tistax tmexxi jekk ma għandek lil ħadd miegħek.”
Hu tkellem dwar id-dokument ta’ Alexandria li fih ukoll kien hemm dan l-ispirtu ta’ sinodalità. “Il-Knisja mhix biss piramida fejn għandek il-Papa fil-quċċata imma xorta waħda mhix federazzjoni ta’ Knejjes differenti” kompla jgħid Getcha li saħaq fuq l-importanza tal-unità bejn l-Insara.
L-għan tad-djalogu hu li tkun irrestawrata l-unità tal-Knejjes u qal li dawn id-dokumenti jridu jiġu diskussi fil-fakultajiet tat-teoloġija biex il-qassisin futuri taż-żewġ Knejjes ikunu konxji u jinfurmaw lill-fidili dwar il-progress li kien hemm bejn iż-żewġ Knejjes.
“Il-Papa Franġisku huwa persuna ta’ talb intensiv li jgħix dak li jipprietka”
Fid-dawl anke tas-sitwazzjoni medika tal-Papa Fraġisku, Getcha ntalab jikkummenta fuq xi memorji li għandu mal-Papa illi jibqgħu f’qalbu u semma li hu ltaqa’ miegħu kemm-il darba fil-Vatikan. Semma li hu persuna ta’ talb, “talb intensiv” u li jemmen dak li qed jipprietka filwaqt li jgħix dak li jipprietka. Faħħar il-kariżma tiegħu, qal li jinsab viċin tar-realtajiet tan-nies u għalaq billi qal li hu persuna b’sens tajjeb ta’ umoriżmu.
Minn Gabriel Lia
Sors: Newsbook Malta