L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Ġesu jagħżel 12 u jsejħilhom appostli. It-talba ta’ dan il-grupp hi t-talba f’isimna lkoll: “Kattar fina l-fidi” (Lq 17:5). Hi talba li għandna bżonnha. Ħafna drabi aħna marbutin mar-reliġjon u nagħmlu sewwa. Ir-religjon hi dak kollu li jgħinna niġu f’kuntatt ma’ Alla personalment u bħala komunità, bħala familja. Ir-reliġjon allura hi magħmula wkoll mis-sinjali konkreti, mir-ritwali tagħna. Aħna Malta għandna tradizzjonijiet qawwija u antiki. L-arkitettura ta’ pajjiżna hi mmarkata bis-sinjali sbieħ tar-reliġjon tagħna.

Imma t-talba li nagħmlu ’l Mulej illum hi talba iżjed profonda, għax bħalma jgħidu ħafna għorrief, jista’ jkollna ħafna reliġjon u fidi ftit li xejn. U l-appostli għamlu talba tajba li nixtieq nagħmilha għalija nnifsi u għall-poplu tagħna. Mhux iżjed reliġjon għandna bżonn imma iżjed fidi. Għax aħna għandna ħafna festi u purċissjonijiet u isqfijiet u kanonċi u monsinjuri, u dawn l-affarijiet jagħtuna ħafna ferħ. Nimmaġinaw il-festi li saru tant parti mill-folklor tagħna li qed nitħabtu biex ikunu rikonoxxuti bħala wirt intanġibbli tal-umanità. Imma dik hi r-reliġjon. Dan kollu mhux garanzija li jkollna l-fidi. U tgħiduli: allura d-differenza x’inhi, daqskemm nixegħlu xemgħat u nġorru statwi u naħarqu nar? X’inhi l-fidi?

Il-fidi l-ewwel nett tiġi minn għarfien profond li hemm Alla. San Ġorġ Preca kien iħobb jgħid hekk: ‘Inti taħseb li min ħalqek tara, ma jarax? Inti taħseb li min ħalqek tisma’, ma jismax?’ Bil-Malti kien jgħid: intom taħsbu li Alla hu iblah, li se nixtruh bir-reliġjon? Alla xi jrid minna? Alla jrid li nagħrfuh bħalma konna ngħidu fl-antik għal dak il-kliem tad-deheb u ma jispiċċa qatt. Għaliex ħalqek Alla? Biex nagħrfu, inħobbu u ngawdih għal dejjem. Nispera li t-tfal fadal xi ħadd jgħallimhom dawn it-tliet veritajiet. Aħna tgħallimnihom bl-amment meta konna ċkejknin. Imma llum forsi fis-snin nifhmu kemm mhumiex daqshekk awtomatiċi. Li tagħraf lil Alla. Kemm hemm nies li huma ammiraturi mwaħħlin mar-reliġjon tagħna imma mbagħad jgħixu bħallikieku Alla la jara, la jisma’. Un bel Babbo Natale.

Kultant anke aħna s-saċerdoti nonqsu għax nippreżentawh bħala dak li qisu l-babbu li jaħfirlek dejjem, ġara x’ġara. Veru. Illum fit-talba tal-Knisja nitolbuh li juri l-qawwa tiegħu billi jaħfrilna dnubietna. Hu jaħfer anke dak li jbeżżagħna fil-kuxjenza tagħna. Tolqotni din il-frażi tat-talba tal-quddiesa tal-lum, is-27 Ħadd ta’ matul is-sena: Alla kapaċi wkoll jeħlisna minn dak li jbeżżagħna fil-kuxjenza tagħna individwalment u bħala soċjetà, imma l-fidi l-ewwel nett tibda bl-għarfien u twassal għall-imħabba ta’ Alla.

Il-fidi ta’ vera twassal għal sens profond ta’ tama kontra kull tama u sens ta’ mħabba qawwija.

Allura t-talba tal-appostli hi talba li għandna bżonnha tassew: “Kattar fina l-fidi”. Lil mim jistaqsini: imma x’direzzjoni se tieħu l-Knisja f’Malta, donnha m’għandniex direzzjoni. Din hi d-direzzjoni li tagħha għandna bżonn li ninsistu fuq il-bieb tal-qalb ta’ Alla: “kattar fina l-fidi”, xettilha fejn m’hemmx. Ma nħallux ir-reliġjożità tagħna timpressjonana għax dik tista’ tkun għamad li kollox għaddej sew mentri jekk naqraw l-ewwel qari, Ħabakkuk jiġi kkonfrontat bl-inġustizzja u bil-korruzzjoni ta’ żmienu. U lil Alla jgħidlu: imma inti fejn qiegħed? Qed nara dan il-ħażen kollu (ara Ħab 1:2-3). Alla fir-risposta tiegħu – li rridu nammettu ma ġietx mill-ewwel – jiddelega u jaħtar lill-profeta stess biex ikun il-messaġġier tiegħu (ara Ħab 2:2-4). Il-ġust jgħix bil-fedeltà tiegħu.

Għax il-fidi li jsemmi wkoll l-Appostlu Missierna, hu u jikteb lil Timotju, hi fidi li twassal għat-tama u għall-imħabba, li nagħrfuk o Alla fl-imħabba tiegħek għalina u allura nirrispondu bi mħabba lejk. U għax inħobbuk, nisimgħuk, nobduk, nafdawk, inwasslu l-kelma tiegħek għax l-esperjenza ta’ dan l-għarfien mhix biss xi ħaġa tiegħi imma ta’ kull wieħed u waħda minna bħala familja. Aħna ngħidu: jiena nemmen, imma aħna nemmnu.

Aħna sempliċiment qaddejja. M’għandniex għalfejn ikollna pretensjonijiet oħrajn.

Hekk ukoll nistgħu nħarsu lejn Alla waqt li nerġgħu ngħidulu: “kattar fina l-fidi”, nitolbuh biex jagħtina l-fidi personalment, dan l-għarfien li jħobbna, dan l-għatx li nħobbuh anke f’ħutna. Meta Ġesù jitkellem fuq l-imħabba jgħid: “Ħobb lil Alla, tħobb lilek innifsek u lil għajrek bħalek innifsek”. Għax il-fidi ta’ vera, li mhijiex ir-reliġjon, il-fidi ta’ vera twassal għal sens profond ta’ tama kontra kull tama u sens ta’ mħabba qawwija.

Aħna rridu wkoll nitgħallmu li wara kollox din hi xi ħaġa li se timlilna qalbna u meta nkunu għamilna dak li l-Mulej jitlobna minna, aħna ngħidu kemm hi ħaġa sabiħa li għamilna kif qalilna l-Mulej, li emminna fih. Imma dan kien li jimla l-qalb tagħna, aħna qaddejja tiegħu. It-traduzzjoni tagħna bil-Malti tgħid: aħna qaddejja li niswew ftit, anzi “li ma niswew għal xejn” (Lq 17:5). Hemm traduzzjoni oħra li togħġobni iżjed: aħna sempliċiment qaddejja. M’għandniex għalfejn ikollna pretensjonijiet oħrajn. Jekk ngħixu l-ħajja tagħna b’din il-konvinzjoni, mhux qaddejja li ma niswew għalxejn – aħna niswew, aħna prezzjużi quddiem Alla u m’aħniex inutli għax għandu bżonna għall-ġustizzja għall-ġid fid-dinja, biex nieħdu ħsieb il-ħolqien u lil xulxin – m’aħniex inutli, niswew għal xi ħaġa imma aħna sempliċiment qaddejja. Għandna vokazzjoni, tkun xi tkun, u l-vokazzjoni hi fundamentalment vokazzjoni ta’ mħabba u ta’ servizz.

Aħna rridu nkunu hekk għal xulxin, mhux ninqdew b’ħaddieħor imma naqdu lil ħaddieħor.

Dak li jgħidilna l-Mulej: “Lestili x’niekol, ilbes il-fardal, newwilli” (Lq 17:8). Aħna rridu nkunu hekk għal xulxin, mhux ninqdew b’ħaddieħor imma naqdu lil ħaddieħor. Il-verbi li s-sid jagħti lill-qaddejja tiegħu huma l-istil tal-ħajja anke tal-Knisja u fil-Knisja.

U jiena nitolbu f’isimkom bħala l-isqof li l-Knisja tagħna f’Malta jippurifikana minn doża eċċessiva ta’ reliġjon u jħenn għalina għax dak jaf ikun kollox frugħa, u jagħtina l-fidi li biha nagħrfuh u nħobbuh.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Ħab 1:2-3; 2:2-4
Salm: 94 (95):1-2,6-7,8-9
Qari II: 2 Tim 1:6-8,13-14
L-Evanġelju: Lq 17:5-10