L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Mgħallem, x’nagħmel biex niret il-ħajja ta’ dejjem?” (Lq 10:25). Din hija l-mistoqsija li għamel wieħed għaref fil-Liġi lil Ġesù u, bis-saħħa ta’ din il-mistoqsija, Ġesù mbagħad qal l-istorja li hija tant magħrufa u tant qawwija wkoll: tas-Samaritan it-Tajjeb. Dal-bniedem ried ikun jaf x’jagħmel biex jiret il-ħajja ta’ dejjem, u Ġesù, flok daħal f’ħafna diskussjonijiet miegħu biex jispjegalu, qallu storja tassew sabiħa u qawwija li tagħti messaġġ mhux biss lil dan, imma lilna lkoll.

Meta Ġesù ifisser fil-parabbola kif dal-bniedem li kien għaddej, għamlu għalih il-ħallelin, biċċruh bis-swat, ħallewh hemmhekk għal mejjet, u spiċċa maġenb it-triq, imbagħad jispjega li għaddew minn hemm tlieta min-nies: il-qassis, il-levita u s-Samaritan. U minn dawn it-tlieta, kien biss is-Samaritan li waqaf biex jara x’għandu bżonn, biex jagħti l-għajnuna lil dak li kien mitluq hemmhekk għal mejjet, u jkompli miegħu sal-aħħar biex jara li jirċievi l-kura neċessarja.

Ġesù jsemmi li kien Samaritan, jiġifieri barrani, wieħed mhux mistenni li jieqaf jgħin – qisu qed jgħid illum li wieħed Lhudi waqaf jgħin lil wieħed Palestinjan li kien attakkat u mitluq għal għonq it-triq.  Meta hemm dal-konflitt bejn il-Lhud u l-Palestinjani, din tkun xi ħaġa kbira! Għalhekk Ġesù qed jgħid li wieħed li qatt ma tistennieh jieqaf, waqaf biex jgħin.

Il-laqgħa ma’ Ġesù

Hawnhekk għandna l-essenzjal għall-ħajja Nisranija tagħna. Nixtieq li nkellem l-ewwel nett lil dawn l-abbatini preżenti li fi żmien qasir se jmorru l-Vatikan, fil-Bażilka ta’ San Pietru, biex jagħtu servizz għal xi ġranet.

Għeżież abbatini, kull darba li sservu fil-quddiesa, tkunu ħafna qrib ta’ Ġesù. Kull darba li tkunu fuq l-artal, hemm tagħmlu ħilitkom biex tagħtu l-isbaħ u l-aħjar servizz biex ikun hemm ċelebrazzjoni xierqa għax hemm il-preżenza ħajja ta’ Ġesù. 

Li qed jgħid Ġesù hawnhekk huwa: sabiħ li tiltaqgħu miegħi fuq l-artal, imma ftakru wkoll li miegħi tiltaqgħu mhux biss fuq l-artal imma tiltaqgħu wkoll f’kull persuna li hija fil-bżonn. Għalhekk, filwaqt li fuq l-artal għandna nagħmlu servizz tajjeb għax hemm Ġesù qrib tagħna, imma ma’ Ġesù niltaqgħu fl-għajnuna lil persuna li hi fil-bżonn u għaddejja minn tbatija. Kif qalilna Ġesù stess, fl-Evanġelju skont San Mattew: “Kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 24:40). 

Bejn l-artal u l-ħajja ta’ kuljum

Għalhekk inħeġġiġkom biex dejjem iżżommu din ir-rabta bejn is-servizz sabiħ u tajjeb li tagħmlu fil-knisja, u l-imħabba li tkomplu turu wkoll, fil-ħajja ta’ kuljum, barra l-knisja. Anzi, li qed jgħid Ġesù hu li meta intom tiltaqgħu miegħu fl-Ewkaristija, meta tiltaqgħu miegħu fis-servizz bil-qalb, hu jagħtikom il-qawwa u  l-għajnuna biex l-istess imħabba tgħixuha ma’ dawk fil-bżonn. 

Din ngħixuha fil-ħajja ordinarja ta’ kuljum. Ma hemmx għalfejn tinqala’ okkażjoni partikulari. Bħas-Samaritan it-Tajjeb, irridu naraw lil min hu ma’ ġenb it-triq – lil min ħaddieħor jista’ jinjora. Xi drabi jkun xi ħadd li qed jgħaddi minn żmien diffiċli, xi ħadd li jinsab waħdu, jew xi membru tal-familja li għandu bżonn kelma tajba jew lil min jisimgħu. Ma’ dawn nuru l-istess imħabba li nuru lejn Ġesù fuq l-artal.

L-esperjenza fil-Vatikan

Nixtieq nagħmlilkom stedina, speċjalment intom li se tkunu l-Vatikan. Subject to correction –  imma ċċekkjaw intom meta tkunu hemm – ma hemmx fil-Vatikan, jiġifieri fil-Bażilka ta’ San Pietru u fil-mużej tal-Vatikan, xbieha tas-Samaritan it-tajjeb, ta’ din l-istorja li qal Ġesù  fl-Evanġelju. La pittura u lanqas skultura. Hemm ħafna pitturi u skulturi, imma safejn naf jien, ma hemmx waħda ta’ din il-parabbola li jsemmi Ġesù hawnhekk. Hemm skulturi reċenti li jsejħu għal ospitalità, li qegħdin naħa u oħra tal-Pjazza ta’ San Pietru – waħda Angels Unawares li turi 140 migrant u refuġjat u t-tbatija tagħhom, u l-oħra Be Welcoming li turi bniedem homeless – xogħlijiet tal-artist Timothy Schmalz. Imma mhux rappreżentazzjoni tas-Samaritan it-Tajjeb.

Għalhekk l-istedina li nagħmlilkom hija din: biex fiż-żmien li se tgħaddu l-Vatikan, tkunu intom xbieha tas-Samaritan it-Tajjeb – bil-mod kif tgħixu l-esperjenza tagħkom. Hi esperjenza speċjali ħafna, li tlaqqgħek ma’  Ġesù kontinwament – ma’ diversi saċerdoti li tkunu qed tgħinu, u persuni oħra. Jien għandi memorja sabiħa ħafna ta’ meta mort bħala abbati l-Vatikan – is-sena d-dieħla nagħlaq ħamsin sena minn dik l-esperjenza bħala fl-1976. Waħda mill-karatteristiċi sbieħ hi l-esperjenza flimkien bħala komunità, bl-imħabba lejn xulxin. Ftakru: kunu intom Samaritani t-Tajba fl-esperjenza tagħkom fil-Vatikan. 

Din tgħodd ukoll għalina, li m’aħniex se nkunu l-Vatikan, imma nkunu f’Malta jew postijiet oħra; insemmi b’mod speċjali dawk preżenti llum għall-quddiesa, li jiltaqgħu kull tieni Sibt tax-xahar hawnhekk fis-Seminarju biex jitolbu għall-vokazzjonijiet – inizjattiva ta’ ġid kbir għall-Knisja.

Inkun proxxmu jien

Nixtieqkom tinnutaw punt partikulari f’din fl-istorja tas-Samaritan it-Tajjeb. Meta l-għaref fil-Liġi staqsa lil Ġesù: “U l-proxxmu tiegħi min hu?” (Lq 10:29), Ġesù ma weġibx il-mistoqsija, imma bidel il-mistoqsija. Meta int tistaqsi “il-proxxmu tiegħi min hu?”, qisek qed tistaqsi: min jisħoqqlu l-imħabba tiegħi? Imma Ġesù qallu: kun int proxxmu għal ħaddieħor. Għalhekk mhux tara min hu proxxmu u min mhuwiex, imma kun int proxxmu – jiġifieri viċin ta’ ħaddieħor, speċjalment ta’ dawk li huma għaddejjin minn tbatija jew li huma f’xi bżonn.

Din hi l-istedina li jagħmel lilna lkoll Ġesù – biex aħna ngħixu dejjem b’dan l-ispirtu li nkunu proxxmu għall-oħrajn. Mhux li nagħżlu minn dawk li niltaqgħu magħhom lil min ngħinu u lil min inwarrbu, jew ma’ min nibqgħu indifferenti: imma kif inkunu proxxmu ma’ kulħadd, speċjalment ma’ dawk li niltaqgħu magħhom kuljum – fid-dar, fil-familja, fix-xogħol, fil-komunità. Hemmhekk inkunu tassew proxxmu għal ħaddieħor.

Fl-għeluq tal-Evanġelju, Ġesù jgħid: “Mur…u agħmel hekk int ukoll” (Lq 10:37). It-talba li nagħmel għalina lkoll hi biex aħna nagħmlu hekk aħna wkoll – kif stedinna Ġesù, inkunu, bħal dan is-Samaritan it-Tajjeb, proxxmu għall-oħrajn.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta