L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Ilbieraħ ommi għalqet 25 sena mill-mewt tagħha, minn meta għaddiet għall-ħajja ta’ dejjem. Wieħed mill-messaġġi għeżież li dejjem tatni, lili u lill-familja kollha, u għamlet dan iktar b’ħajjitha milli sempliċiment bil-kelma, kien proprju dak li Ġesù jsemmi fl-Evanġelju tal-lum: fittex li tistagħna quddiem Alla; fittex l-ewwel dak li jibqa’, mhux dak li jgħaddi.

Għażlu li jistagħnu quddiem Alla

Illum qed niċċelebraw il-25 sena mill-Ordinazzjoni Presbiterali ta’ dawn il-ħames saċerdoti, li għandhom l-anniversarju ftit ġimgħat oħra.  Dak inhar tal-Ordinazzjoni għamlu din l-għażla kbira u sabiħa għal ħajjithom: li jfittxu li jkunu ta’ Alla, li jistagħnew quddiemu, li jqiegħdu l-ewwel dak li jibqa’, mhux dak li jgħaddi, u jagħtu xhieda b’ħajjithom ta’ dan. Għalhekk illum nirringrazzjaw lil Alla bil-qalb f’din l-okkażjoni sabiħa, u nirringrazzjawh tal-ġid li għamel magħhom u permezz tagħhom.

Ħa nħarsu lejn il-kelma ta’ Alla llum. Il-messaġġ Ġesù jagħtihulna b’mod li nifhmuh, u li narawh ħafna fil-ħajja. Ġesù fl-Evanġelju jgħid: “Iftħu għajnejkom u ħarsu rwieħkom minn kull regħba” (Lq 12:15). 

Il-ħsara li ġġib ir-regħba

Ir-regħba hija dik il-kilba biex ikollok, u jkollok aktar u aktar, u qatt ma inti kuntent jew kuntenta b’li għandek, u l-preokkupazzjoni tiegħek tkun kontinwament kif se takkumula l-ġid, bla ma tixba’. Ir-regħba tagħmel ħafna ħsara, kif tgħidilna l-kelma ta’ Alla u turina l-esperjenza tal-ħajja.

L-ewwel nett, ir-regħba tagħmel ħsara lilna nfusna għax qatt ma nistgħu nkunu fil-paċi. Meta int dejjem trid tikseb u takkumula, u taħseb kontinwament fuq kemm se jkollok aktar, ma għandekx paċi fil-qalb u ma jistax ikollok.

Ir-regħba tagħmel ħsara fir-relazzjonijiet mal-oħrajn, għax tibda tħares lejhom mhux b’rispett u b’imħabba imma biex tara x’se tikseb mingħandhom, kif se jservuk għall-iskopijiet tiegħek ħa jkollok aktar. Rajna fl-Evanġelju llum dar-raġel li jgħid lil Ġesù: “Mgħallem, għid lil ħija jaqsam il-wirt miegħi” (Lq 12:13). Nafu mill-esperjenza kemm il-wirt kultant iġib diviżjoni, joħloq firda fil-familji u nkwiet kbir – proprju minħabba li jkun hemm min ma jridx jimxi b’mod ġust immma bir-regħba.

Ir-regħba tagħmel ħsara wkoll lis-soċjetà. Din taraha, fost l-oħrajn, fil-korruzzjoni, fil-frodi, fil-ħasil tal-flus, fil-qerda tal-ambjent naturali, il-ħolqien ta’ Alla – kollha huma frott ir-regħba. Ġieli tara bini massiv li jkun proprju monument tar-regħba!

Il-ħajja ta’ dejjem

Ir-regħba, ukoll, iġġagħlek taħseb biss f’issa u ma tħallikx taħseb fil-ħajja ta’ dejjem. Dan hu messaġġ importanti li jagħtina Ġesù fil-parabbola jsemmi, fejn jgħid x’ġaralu dak ir-raġel li ħaseb biss kif se jaħżen għax kellu ħafna ġid. Qal: x’se nagħmel? Fejn se nqiegħed dan kollu li għandi? Ħa nibni mħażen ġodda. “Imbagħad ngħid lili nnifsi: Ruħi, għandek ħażna kbira ta’ ġid għal bosta snin; mela strieħ, kul, ixrob, ixxala!’” (Lq 12:19). Ġesù jkompli “Iżda qallu Alla: ‘Iblah li int! Dan il-lejl stess jitolbuk ruħek lura. U l-ħwejjeġ li ħejjejt għalik, ta’ min ikunu?’” (Lq 12:20) Dar-raġel ħaseb f’ħafna affarijiet imma ma ħasibx fil-ħajja ta’ dejjem.

Ġesù jfakkarna li f’dak il-mument li Alla jsejħilna, ma aħna se nieħdu xejn magħna. Ma nistgħux ngħidu: stenna, ħa nippakkja xi ħaġa mill-ġid li għandi, biex nieħdu miegħi. Xejn minn dan! Kollox inħallu warajna, u għal ta’ warajna. Li nieħdu magħna mhuwiex il-ġid li akkwistajna, imma l-ġid li nkunu għamilna mal-oħrajn, speċjalment ma’ dawk fil-bżonn. Għalhekk Ġesù jfakkarna li dejjem għandna naħsbu fil-ħajja ta’ dejjem.

Ġesù jgħidilna kif għandna nħarsu lejn il-ġid. Qatt mhu kontra li aħna naħdmu u nirsistu għall-ġid tagħna u tal-familja. Anzi, dan hu neċessarju. Ġesù mhux kontra l-ħolqien tal-ġid, imma jurina li għandna nużaw il-ġid li għandna b’mod li qatt ma nitilfu l-ġid li jibqa’ għal dejjem.

L-għażla sabiħa tas-saċerdoti

Għeżież saċerdoti li qed tiċċelebraw dan l-anniversarju sabiħ, intom għażiltu mhux li tibnu mħażen fejn tistgħu tqiegħdu l-ġid, imma li tibnu komunitajiet; għażiltu mhux li ġġemmgħu affarijiet materjali, imma li tagħmlu l-ġid ma’ tant nies speċjalment dawk fil-bżonn; għażiltu mhux li tfittxu lilkom infuskom, u dak li hu komdu għalikom, imma li tkunu ta’ servizz għall-oħrajn fil-waqtiet differenti ta’ ħajjithom; għażiltu mhux li taħsbu biss fil-ħajja ta’ issa imma li taħsbu u tgħinu lin-nies jaħsbu tassew fil-ħajja ta’ dejjem.

Illum ngħidu grazzi lill-Mulej tat-tweġiba tagħkom għas-sejħa tiegħu, u talli qdejtu dan il-ministeru fejn il-Mulej riedkom taqdu. Grazzi tax-xhieda sabiħa li tajtu u li tagħtu. Ħafna ħidma hija fil-kwiet u fis-skiet, fejn jaraha Alla biss. Ngħidu grazzi lil Alla wkoll għal dawk kollha li għenukom – ibda mill-ġenituri tagħkom, li diversi qegħdin hawn, u l-familji tagħkom. Irrid insemmi wkoll ix-xhieda sabiħa ta’ tant nies li intom iltqajtu magħhom tul dawn il-25 sena, u li bil-ħajja sempliċi u ordinarja tagħhom kienu u huma ta’ għajnuna għalikom għax għexu u jgħixu din il-kelma ta’ Alla – li jfittxu li jistagħnu quddiem Alla.

Illum nitolbu għalikom saċerdoti li qed tiċċelebraw il-25 anniversarju mill-Ordinazzjoni Presbiterali, u għalija li għada hu s-7 anniversarju mill-Ordinazzjoni Episkopali, ħalli Alla jberikna u jkompli jakkumpanjana fil-mixja ta’ ħajjitna, ħalli nkunu rgħajja skont qalbu u naqduh dejjem b’fedelta u b’ġenerożita. Nitolbu wkoll għalina lkoll preżenti f’din iċ-ċelebrazzjoni ħalli nieħdu dejjem bis-serjetà dil-kelma ta’ Ġesù u nfittxu li nistagħnu quddiem Alla, li nużaw il-ġid li jagħtina b’mod li qatt ma nitilfu l-ġid li jibqa’ għal dejjem.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta