L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Qegħdin niċċelebraw, bħalma nagħmlu kull sena, Jum it-Tifkira, u f’dan il-jum għandna l-opportunità li nieqfu u mhux biss infakkru u nikkommemoraw imma wkoll b’sens ta’ gratitudni nerġgħu ngħixu t-tbatija li batew diversi minn ħutna minħabba l-kefrija tal-gwerra.
L-esperjenza tal-poplu tagħna hija esperjenza ta’ qsim il-qalb, b’mod speċjali fit-Tieni Gwerra Dinjija. Fl-Ewwel Gwerra Dinjija Malta saret l-infermiera tal-Mediterran u wriet li l-akkoljenza li timmarka l-isbaħ paġni tal-istorja ta’ pajjiżna, mhux hi biss akkoljenza fil-ferħ imma anke fin-niket. Aħna poplu li matul l-istorja wrejna li nafu nilqgħu lill-barrani, lil ħutna f’mumenti ta’ ferħ imma wkoll inkunu magħhom f’mumenti ta’ qtigħ il-qalb, ta’ bżonn u ta’ niket. It-Tieni Gwerra Dinjija laqtitna fl-laħam il-ħaj. Ma kellniex biss suldati Maltin u kolonjali jiġġieldu magħna għal-libertà tal-Oċċident, imma wkoll kellna tant vittmi minn fostna.
Illum id-dover tagħna li niftakru, ma jxekkilniex milli nkomplu naħdmu għar-rikonċiljazzjoni u għall-paċi. Imma allura għaliex niftakru, għaliex niftakru l-vittmi ta’ dawn il-kunflitti mondjali? Aħna pajjiż żgħir imma wieħed mill-membri tal-komunità internazzjonali li llum niftakru wkoll fil-vittmi mhux biss tal-gwerer li laqtuna direttament imma l-vittmi tal-kunflitti kollha fl-epoki kollha.
Nixtieq nislet silta mill-aħħar dokument sabiħ ħafna li ppromulga l-Papa Franġisku dwar il-fratellanza universali, dwar il-fatt li aħna l-bnedmin ilkoll aħwa. Beda dad-dokument b’żewġ kelmiet li uża San Franġisk t’Asissi f’ittra li kiteb lil sħabu kollha. San Franġisk beda din l-ittra bil-kliem ‘fratelli tutti’ u l-Papa uża dawn il-kliem li ma jiġux tradotti għaliex huma propju diretti mill-qalb ta’ San Franġisk.
Imma fil-paragrafu 249, il-Papa jitkellem dwar id-dover tal-memorja, id-dover li aħna niftakru. “Illum,” jgħid il-Papa Franġisku, “faċli naqgħu fit-tentazzjoni li naqilbu l-paġna u ngħidu li issa għadda ħafna żmien u li hemm bżonn nħarsu ’l quddiem”.
U t-tentazzjoni meta taħseb fl-ewwel gwerra dinjija ta’ 100 sena ilu u fit-Tieni Gwerra Dinjija ta’ iżjed minn 50 sena qiegħda hemm.
“Le” jgħid il-Papa, “f’ġieħ Alla”. Huma kliem qawwija tal-Papa Franġisku. “Bla memorja ma nimxu qatt ’il quddiem, ma nistgħux nikbru mingħajr memorja sħiħa u mdawla. Għandna bżonn inżommu ħajja l-fjamma tal-kuxjenza kollettiva u nagħtu xhieda lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajna tal-orrur ta’ dak li ġara, li żżomm ħajja l-memorja tal-vittmi, sabiex il-kuxjenza umana tissaħħaħ dejjem aktar quddiem kull kilba għall-poter u għall-qerda. Dan jeħtieġuh il-vittmi nfushom – persuni, gruppi soċjali, jew nazzjonijiet – biex ma jċedux għal-loġika li tasal biex tiġġustifika r-ritaljazzjoni u kull vjolenza f’isem il-ħsara kbira li jkunu ġarrbu. Għalhekk m’iniex nirreferi biss għall-memorja tal-orruri imma anke għat-tifkra ta’ dawk kollha li f’kuntest avvelenat u korrott, kellhom il-ħila jirkupraw id-dinjità u b’ġesti żgħar jew kbar għażlu s-solidarjetà, il-maħfra, il-fraternità. Jiswielna ta’ ġid kbir jekk nagħmlu memorja tat-tajjeb”.
Dan il-Papa qed jgħidilna li hija kwistjoni kważi ta’ ġustizzja li aħna niftakru fil-vittmi u li r-rikonċiljazzjoni u l-ħidma għall-paċi mhix kwestjoni li tinsa l-vittmi jew dak li ġara, imma li tibqa’ tiftakar biex tifhem xi tbatija u x’inġustizzja kien hemm biex ma terġax tirrepeti ruħha.
Aħna u nitolbu b’suffraġju għall-vittmi li fil-gwerer li laqtuna, iddefendewna u kienu vittmi huma stess, ejjew nimpenjaw ruħna biex inħallu lid-dinja aħjar milli sibnieha.
Dak li aħna ninsew, nistgħu nerġgħu nirrepetuh. Jekk niftakru, noqogħdu iżjed attenti. Dan li qed jgħidilna l-Papa. Jekk hemm ġenerazzjoni li kienet tifhem xi tfisser il-kelma ta’ Ġesù: “Ishru, mela għaliex la tafu l-jum u lanqas is-siegħa” (Mt 25:13), hi l-ġenerazzjoni li għaddiet mill-gwerer.
M’ilux ġew skoperti mill-ġdid xi xelters u mal-blat tagħhom sibna mnaqqxin immaġini u xbihat sbieħ tal-Madona tad-Duluri, tal-Qalb ta’ Ġesù, u tal-Familja Mqaddsa. Meta rajt il-filmati ta’ dak li skoprejna mill-ġdid, ħsibt fil-kelma sabiħa ta’ Dun Karm meta lill-Madonna jgħidilha: ‘Ismek imnaqqax fil-blat, f’kull rokna ta’ din il-gżira’. Imma dawk ix-xbihat f’dawk il-mumenti terribbli ta’ bumbardamenti, ta’ neċessità li ninżlu taħt l-art biex niddefendu lilna nfusna, x’kienu jfissru? Fik Mulej biss insib il-kenn tiegħi.
Din il-pandemija wkoll għandha l-vittmi tagħha. Din il-pandemija ukoll qed titlobna niftakru kemm l-għożża ta’ xulxin hi importanti.
Illum infakkru wkoll il-vittmi tad-deċiżjonijiet ta’ min fi żmien il-gwerer kellu l-poter. Min illum għandu r-responsabbiltà tat-tmexxija, tajjeb jiftakar kemm l-għażliet li għamlu ta’ qablu – u aħna fil-każ tagħna ma sarux hawn, saru barra minn Malta – kellhom prezz għoli li ħallasna anke aħna.
Il-Papa, fi Fratelli Tutti, jitkellem ukoll dwar l-imħabba politika. Illum l-imħabba politika tfisser li aħna min aħna naħdmu għas-solidarjetà bejn il-pajjiżi, għall-ġustizzja fid-dinja, naħdmu għal paċi ta’ vera. U fil-kuntest tal-pandemija nieħdu ħsieb li r-responsabbiltà li nużaw, tgħin biex ikollna inqas vittmi u mhux iżjed.
Jalla dak kollu li aħna bħala umanità qegħdin nonfqu fl-armamenti, nonfquh bi proporzjon ħafna iżjed fl-edukazzjoni ta’ wliedna, fis-servizzi tas-saħħa, u fil-ħarsien tal-ambjent. Kemm tkun dinja isbaħ.
Kif diġà għedt fl-omelija tal-Indipendenza, Malta għalkemm hi ċkejkna, għandha bżonn tfakkar lill-komunità internazzjonali li l-ġid li tagħti x-xjenza jrid ikun għal kulħadd mingħajr ebda preferenza, mingħajr ma l-komunità internazzjonali tħares lejn l-uċuħ jew, Allaħares qatt, il-kulur tal-ġilda jew is-sitwazzjoni ekonomika.
Imma aħna wkoll irridu naħdmu biex l-għożża li nuru għal xulxin, aħna u niġġieldu did-darba għadu li ma jidhirx imma li qiegħed fostna, tkun għożża umli u konkreta. Aħna u nitolbu b’suffraġju għall-vittmi li fil-gwerer li laqtuna, iddefendewna u kienu vittmi huma stess, ejjew nimpenjaw ruħna biex inħallu lid-dinja aħjar milli sibnieha.
Il-Papa, meta jitkellem fuq il-gwerra, jgħid li l-gwerra m’għandhiex rebbieħa, għandha biss telliefa. Jitkellem mhux biss dwar l-effett fuq il-popolazzjonijiet innoċenti imma jitkellem ukoll fuq l-ambjent. Kemm ħerba aħna l-bnedmin kapaċi nagħmlu minħabba l-interessi mijopiċi (li ma jarawx fil-bogħod) tagħna. Kemm hemm bżonn li l-kelma tal-Papa fuq il-fratellanza tagħna l-bnedmin, ulied l-istess Alla, tidħol u tinżel fil-qalb tagħna, aħna u nagħmlu d-dover tagħna u niftakru fil-vittmi tal-gwerer. Jalla dak kollu li aħna bħala umanità qegħdin nonfqu fl-armamenti, nonfquh bi proporzjon ħafna iżjed fl-edukazzjoni ta’ wliedna, fis-servizzi tas-saħħa, u fil-ħarsien tal-ambjent. Kemm tkun dinja isbaħ. Illum għandna d-dover niftakru, għandna d-dover ta’ kull sena nagħmlu Jum it-Tifkira għaliex din il-memorja tgħinna nibnu għal xulxin futur aħjar.
Agħtihom, o Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem, jistrieħu fis-sliem.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Għerf 6, 12-16
Salm: 62 (63), 2.3-4.5-6.7-8
Qari II: 1 Tes 4, 13-18
Evanġelju: Mt 25, 1-13