L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
L-ewwel kapitlu tal-Evanġelju ta’ San Mark jikkonkludi b’din is-silta li għadna kemm smajna u li qara Dun Chris, l-Arċipriet ta’ Ħal Tarxien.
Hemm xi elementi importanti ħafna li jagħtina dan l-Evanġelju li nixtieq naqsam magħkom f’dan il-jum li huwa ukoll għażiż għall-maħbubin. Il-ġurnata ta’ San Valentinu din is-sena inzertat il-Ħadd u allura l-Isqof ma jistax jinjora dan, avolja mhux parti mill-kalendajru universali tal-Knisja. Wara kollox, San Valentinu huwa meqjum ħafna fid-djoċesi ta’ Terni fejn kien isqof u mbagħad sar isqof martri għaliex iddefenda ħafna l-libertà taż-żgħażagħ li jiżżżewġu quddiem il-Mulej.
Ġesù jiltaqa’ ma’ lebbruż. Din hi xi ħaġa stramba għax aħna fl-Ewwel Qari (Lev 13:1-2.45-46) smajna l-liġi dwar il-lebbrużi. Il-lebbrużi kellhom jinqatgħu mill-villaġġi għaliex il-lebbra kienet marda li tittieħed. Allura, il-Liġi ta’ Mosè kienet ukoll liġi ta’ iġene. Aħna nafu x’jiġifieri għax għaddejjin minn pandemija u l-awtoritajiet tas-saħħa wkoll ippoġuna fi kwarantina, min ikun l-isptar ħadd ma jista’ jarah. B’xi mod aħna wkoll għaddejjin minn sitwazzjoni fejn l-esiġenzi tas-saħħa jitolbu li wħud minna jitwarrbu mill-oħrajn. Il-lebbra kienet ukoll kundanna allura wasslet għall-emarġinazzjoni soċjali u ma tibqax parti mill-komunità. Jekk għandek il-lebbra u trid tgħaddi mit-triq trid tgħajjat: “Lebbruż, lebbruż, tersqux lejja” (ara Lev 13:35).
Il-fejqan tiegħu kien propju li jħossu milqugħ.
Dan il-lebbruż jersaq fuq Ġesù, jinxteħet għarkupptejh quddiemu u jitolbu bil-ħerqa: “Jekk trid, tista’ tfejjaqni” (Mk 1:40). Għal-lebbruż il-fejqan ma kienx biss li ġismu jerġa’ jsir b’ġilda sabiħa, sana, imma wkoll li jerġa’ jiġi integrat, milqugħ fil-komunità tiegħu; ikun jista’ jiltaqa’ ma’ martu, ma’ wliedu, ma’ ħbiebu, jerġa’ jibda l-ħajja tax-xogħol, ma jiddependix biss mill-karità ta’ xi nies li jħallu l-ikel xi mkien fit-tarf tat-triq biex ikun jista’ jiekol jew inkella jiekol kif jista’ mill-għelieqi u mill-kampanja. Il-fejqan tiegħu kien propju li jħossu milqugħ.
Ġesù jirreaġixxi b’dawn it-tliet verbi li nixtieq naħsbu ħafna fuqhom illum. L-ewwel nett “Jitqanqal mill-ħniena, imidd idu fuqu, imissu, jgħidlu: ‘Irrid, kun imnaddaf’” (Mk 1:41). Hawnhekk San Mark, fl-ewwel kapitlu, jintroduċi dan l-atteġġjament qawwi, sabiħ, għażiż ta’ Ġesù. Ġesù, quddiem il-miżerja u t-tbatija tagħna, quddiem il-mard tagħna, u quddiem realtajiet fejn uħud minna jħossuhom imwarrbin, qishom għandhom il-lebbra, esklużi — mhux qed ngħid għall-mard fiżiku imma anke għas-sitwazzjoni psikoloġika — Ġesù “jitqanqal bil-ħniena”. Qed naħseb f’nies li għandhom problemi ta’ saħħa mentali, jew inkella nies li minħabba l-orjentazzjoni sesswali tagħhom huma mwarrbin, huma bullied, huma rridikolati. Quddiem dawn is-sitwazzjonijiet Ġesù “jitqanqal bil-ħniena”.
Il-verb li uża l-Evanġelju huwa verb antik u ftit ikkumplikat fl-għerq tiegħu ‘splankniżomai’ Tgħiduli biex ġej? Għax dan il-verb jintuża meta Ġesù, quddiem sitwazzjoni ta’ tbatija jitqanqal mill-vixxri, jitqanqal b’mod partikolari. Fil-fatt dan l-istess verb jużah ukoll San Luqa meta fil-parabbola tal-iben il-ħali li jagħtina f’kapitlu 15, il-missier jara lil ibnu ġej u anke hawnhekk San Luqa jgħidilna li l-missier tqanqal b’din il-ħniena, tqanqlu propju l-vixxri kollha tiegħu. Mela Ġesù, quddiem sitwazzjonijiet ta’ emarġinazzjoni, ta’ mard, u b’mod speċjali fis-sitwazzjonijiet kollha li dak li jkun iwarrbuh mis-soċjetà, jitqanqal bil-ħniena.
Kemm għandna konvenzjonijiet soċjali! Kemm għaddejna u għadna għaddejjin minn sistemi, minn liġijiet, anke tal-Knisja, li jeskludu lil xi ħadd?
Ġesù jafha l-Liġi ta’ Mosè imma ejjew nimmaġinaw x’inhu jagħmel quddiem lebbruż. “Imidd idu fuqu, imissu” (Mk 1:41). Din hi xi ħaġa straordinarja. Ġesù jaf li dan lebbruż qed imur lil hemm mil-Liġi. Kemm għandna konvenzjonijiet soċjali! Kemm għaddejna u għadna għaddejjin minn sistemi, minn liġijiet, anke tal-Knisja, li jeskludu lil xi ħadd? Quddiem din ir-realtà li ħafna drabi anke aħna nies tal-Knisja noħolqu bil-kliem iebes tagħna, bil-liġi li ma fhimniex l-ispirtu tagħha minħabba forsi l-biża’ anke minna nfusna, aħna niddejqu mmissu l-affarjiet imċappsin: “Mela le ma niċċappasx!”. Innuttaw aħna l-Maltin ukoll nużawha din l-espressjoni: “Se tiċċappas ma’ dak!” Ġesù ma jiddejjaqx jiċċappas magħna. Anzi, Ġesù stess qal lil-lebbruż “irrid”. Il-volontà ta’ Ġesù mhijiex biss volontà ta’ fejqan fiżiku imma rridek tkun parti mill-komunità. Jiena nilqghek f’isem il-komunità. Filfatt, apparti milli jfejqu jimponilu jagħmel ir-ritwal li ordna Mosè, jiġifieri li tmur quddiem is-saċerdot li jiċċertifika f’isem il-komunità li inti mfejjaq u allura tista’ tirritorna għall-ħajja li kellek, u s-soċjetà u l-komunità tilqgħek.
“Dak meta telaq, beda jxandar ma’ kullimkien u jxerred l-aħbar, hekk li Ġesù f’ebda belt ma seta’ iżjed jidħol bid-dieher, imma kien jibqa’ barra fil-kampanja” (Mk 1:45). Dan huwa mument kommoventi li jikkonkludi l-aħħar vers, jikkonkludi l-kapitlu li bih jibda l-Evanġelju ta’ San Mark. Huwa kapitlu twil f’Evanġelju qasir għax għandu 45 vers. Imma x’inhu jantiċipa San Mark b’dan id-dettall? Li Ġesù, bir-rieda tiegħu, jiċċappas ma’ dan il-lebbruż, spiċċa hu l-emarġinat u ma setax jidħol fl-ibliet bid-dieher u kellu jibqa’ barra fil-kampanja. Ħa fuqu il-kundizzjoni tal-lebbruż imma mhux għax kellu l-lebbra.’Il quddiem naraw li Ġesù jirritorna fl-ibliet imma minħabba li nxterdet il-kelma li mess lebbruż u fejqu, hu ma setax jidħol fl-ibliet. Ħa fuqu l-mard tagħna, ħa fuqu l-emarġinazzjoni ta’ ħutna, hu li kellu jissallab barra l-ħitan tal-belt.
Allura nirrealizzaw u anke napprezzaw li San Mark, bi ftit kliem, diġà qed jantiċipa l-mod kif il-Mulej jeħlisna: “Irrid, kun imnaddaf,”irrid, kun milqugħ.
Il-Papa Franġisku fl-ittra appostolika Patris Corde (B’qalb ta’ missier) dwar San Ġużepp għal matul din is-sena ddedikata lill-Patrun tal-Knisja universali, jitkellem dwar San Ġużepp bħala missier li jilqa’. Hu jgħid hekk: “Jerġa’ mill-ġdid ir-realiżmu Nisrani, li ma jarmi xejn minn dak li jeżisti. Ir-realtà, fl-irriduċibbiltà u l-kumplessità misterjuża tagħha, iġġorr fiha sens tal-eżistenza bid-dwal u d-dellijiet tagħha … Għaldaqsant għandna nbiegħdu minna l-ħsieb li l-fidi tfisser li nsibu soluzzjonijiet faċli biex ifarrġuna. Il-fidi li għallimna Kristu hi dik li naraw f’San Ġużepp, li ma jfittixx toroq faċli, imma jaffronta ‘b’għajnejh miftuħa” dak li qed jiġri f’ħajtu, u jerfa’ fuqu stess kull responsabbiltà.” (Patris corde nru 4).
“L-akkoljenza ta’ Ġużeppi tistedinna nilqgħu lill-oħrajn, mingħajr esklużjoni.” Il-Mulej jgħidlu: “Tibzax tilqa’ lil Marija” (Mt 1:20), Għas-soċjetà Marija hija adultera, eskluża mis-soċjetà, marret ma’ ħaddieħor — ħalliha li kien l-Ispirtu s-Santu — imma n-nies ma kinux jafu, u allura ta’ min iħaġġarha. Il-Mulej jgħidlu tibżax tilqa’ lil Marija. U għaliex Ġużeppi, raġel ġust, jilqa’ lil Marija, hu jsir dak li jħares lill-Feddej tagħna. Anzi l-Papa stess jgħid din l-espressjoni sabiħa: “Nixtieq nistħajjel li mill-imġiba ta’ Ġużeppi Ġesù ħa spunt għall-parabbola tal-iben il-ħali u tal-missier ħanin (ara Lq 15:11-32)”.
… il-lebbruż huwa kull wieħed u waħda minna.
Dan huwa l-Evanġelju. Aħna llum rridu nitolbu maħfra ta’ kemm-il darba nkunu tant iebsa ma’ xulxin u m’aħniex kapaċi nilqgħu lil xulxin meta jkun sar xi żball. Donnu min għamel xi żball jew min għandu kundizzjoni għalina mhuwiex normali, imma x’inhu normali? Quddiem il-Mulej m’hemmx normali u m’intix. Inti persuna li Alla jħobbok!
Għalhekk, il-lebbruż huwa kull wieħed u waħda minna. Mhuwiex biss dak li għandu l-marda tal-ġilda imma dak li huwa eskluż mit-tqassis tagħna, mill-kliem iebes tagħna, mil-liġijiet ħarxa tagħna li kultant huma liġijiet bla ħniena. Ta’ dan għandna bżonn nitolbu maħfra u nitolbu li l-ispirtu ta’ akkoljenza li juri Ġesù llum, ikun l-ispirtu li jmexxina anke fir-relazzjonijiet ta’ bejnietna.
Nawgura lill-għarajjes, lill-maħbubin, u lill-miżżewġin — nispera li għadhom ukoll maħbubin u mhux qishom kelb u qattus — sabiex jilqgħu lil xulxin, u ma jagħmlux lil xulxin bħal-lebbruż emarġinat.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Lev 13, 1-2.45-46
Salm: 31 (32), 1-2.5.11
Qari II: 1 Kor 10, 3-11,1
Evanġelju: Mk 1, 40-45