L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Xejn la tibżgħu” (Lq 12:7). Dan huwa l-aħħar kliem li Ġesù llum jgħid fl-Evanġelju. Kien hemm folla kbira ta’ nies; l-Evanġelju jgħid: “in-nies bdiet tinġabar bl-eluf, kulħadd jgħaffeġ fuq xulxin” (Lq 12:1). U Ġesù, wara li jgħid li l-għasfur tal-bejt mhux minsi quddiem Alla, jgħidilhom: “Xejn la tibżgħu, għax intom aktar minn ħafna għasafar tal-bejt tiswew” (Lq 12:7).
“Xejn la tibżgħu”: dan huwa dak li l-Mulej jgħid kemm-il darba fl-Iskrittura. Kull meta jsejjaħ lil xi ħadd għall-missjoni, l-ewwel kliem hu kliem ta’ kuraġġ, u li jgħin lill-bniedem biex jegħleb il-biża’. Niftakru x’kien qal l-anġlu Gabrijel lil Marija: “Tibżax, Marija, għax inti sibt grazzja quddiem Alla” (Lq 1:30). Lil Ġużeppi wkoll l-anġlu qallu: “xejn la tibża’ tieħu għandek lil martek Marija” (Mt 1:20). Hawnhekk Ġesù qed jgħid lin-nies, lil kull wieħed u kull waħda, li huma jiswew quddiem Alla, u għalhekk ma għandhomx għalfejn jibżgħu.
Imma li jgħid hawn ikompli ma dak li jgħid ftit qabel, fejn lin-nies jgħidilhom ma jibżgħux minn dawk li jistgħu joqtlu l-ġisem. U jżid: “ħa nurikom jien minn min għandkom tibżgħu; ibżgħu minn dak li, wara li jkun qatlek, għandu s-setgħa jixħtek ġol-infern” (Lq 12:5). Ġesù qed jurina li jekk aħna jkollna fiduċja f’Alla, u nagħrfu li għalih niswew, ma għandniex għalfejn nibżgħu. Il-kliem tiegħu kien ta’ sostenn għal dawk kollha li fl-ewwel żminijiet tal-Knisja kienu għaddejjin minn persekuzzjoni. ġieli wħud minnhom spiċċaw martri. Nibżgħu minn dak li jista’ jeħodna ’l bogħod minn Alla, u jtellfilna ruħna. Minn dak għandna noqgħodu attenti.
Għalhekk li Ġesù jgħid lin-nies biex joqogħdu attenti “mill-ħmira tal-Fariżej, jiġifieri mill-wiċċ b’ieħor tagħhom” (Lq 12:1). Qed jgħid lilna li rridu noqogħdu attenti biex ma nħallu lil ħadd iqarraq bina. Nafu li dan huwa x-xogħol prinċipali tax-xitan: illi jqarraq bina, li jeħodna ’l bogħod minn Alla, u jġegħelna naħsbu li hu aħjar hekk. Li jġegħelna nsejħu tajjeb dak li hu ħażin, u nippruvaw niġġustifikawh. Li jdaħħlilna f’moħħna li nkunu qed naħdmu għas-saltna tad-dritt meta niċħdu d-dritt għall-ħajja lil min tnissel imma għadu ma twelidx. Li jġegħelna naħsbu li hemm min ma għandux valur quddiem Alla.
Dan huwa qerq. Min iqarraq bina jġegħelna naħsbu, kif juri Ġesù fl-Evanġelju, li fil-moħbi, fid-dlam, fil-mistur, nistgħu nagħmlu li rridu għax ħadd mhu se jinduna. Hija din il-mentalità li ġġiegħel li diversi nies jaħsbu li dak li jsir fid-dlam – bħal pereżempju l-korruzzjoni, is-serq minn taħt, il-qerq biex tieħu dak li ma għandekx dritt għalih, il-flus minn fuq dahar ħaddieħor, l-abbużi, dan kollu minn taħt isir – hemm minn jaħseb li dan se jibqa’ mistur.
Il-kliem ta’ Ġesù hu ċar: “Xejn ma hu mgħotti li ma jinkixifx, u xejn ma hu moħbi li ma jsirx magħruf” (Lq 12:2). Niftiehmu, mhux dejjem l-affarijiet ħżiena jinkixfu u jsiru magħrufa hawnhekk f’din id-dinja. Meta jsiru magħrufa, kultant joħolqu agħa; imma meta jkun hemm ħafna, imbagħad, waħda titfi lill-oħra. Imma anke jekk hawn jibqgħu mistura, quddiem Alla xejn ma hu moħbi, u xejn ma hu mgħotti, għax Alla jagħraf il-profondità tal-qalb.
Nitolbu lill-Mulej illum biex jagħtina s-sinċerità tal-qalb, l-attenzjoni biex aħna ma nitqarrqux, u l-konvinzjoni li aħna niswew quddiem Alla, li ħajjitna – il-ħajja ta’ kull wieħed u kull waħda minna – hija ta’ siwi kbir quddiemu.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta