L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Qegħdin f’dan l-istaġun sabiħ li niftakru fl-imħabba ta’ Ġesù. Il-ġimgħa li għaddiet, jumejn ilu ċċelebrajna l-festa tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù. F’diversi parroċċi llum ukoll issir il-purċissjoni bl-Ewkaristija propju biex titfakkar din il-festa kbira tal-Qalb ta’ Ġesù li tfakkarna wkoll fl-imħabba tal-Mulej għalina.

Għaliex bdejt b’dan il-ħsieb? Għax l-Evanġelju tal-lum, meħud mill-kapitlu 9 tal-Evanġelju ta’  Mattew, jibda propju b’din il-ħarsa ta’ Ġesù fuq il-poplu li kien qed isegwih. L-Evanġelju jgħid hekk: “Ġesù ra n-nies u tħassarhom għax kienu mdejqa u mitluqa bħal nagħaġ bla ragħaj” (Mt 9:36). Bħal nagħaġ bla ragħaj!

Il-kelma li nużaw bil-Malti ‘tħassarhom’ tipprova tispjega x’hemm fil-kitba oriġinali. Intom tafu li l-Evanġelju miktub bil-Grieg u l-kelma tfisser li mhux biss titħassar lil xi ħadd imma qalbek kważi toħroġ għalih. Min hu missier u għandu l-ulied jifhimni mill-ewwel bħalma tifhimni kull omm. Meta tara lil uliedek f’sitwazzjoni ta’ diffikultà u bejn demgħa u oħra, forsi mingħajr ħafna diskors, mingħajr ma jarawk, titherra bl-inkwiet għalihom, qalbek u l-vixxri tiegħek idubu għalihom. U dan il-verb ‘tħassarhom’ propju qed jipprova jispjega l-Qalb ta’ Ġesù xi tħoss meta tarana f’diffikultà. “Ġesù ra n-nies, kienu mdejqa u mitluqa bħal nagħaġ bla ragħaj.”

Ġesù ħin minnhom jifhem li l-poplu għandu bżonn min ikun ta’ servizz għalih fit-tmexxija. Il-poplu induna li kien bħal nagħaġ mitluqa bla ragħaj u mill-ewwel jgħidilna: nitolbu biex il-Mulej jibgħat mexxejja għall-poplu tiegħu, fil-Knisja tiegħu (Mt 9:38). U juża tixbiha oħra, mhux tar-ragħaj issa, imma tal-ħaddiem fil-ħsad. Ġesù jgħaddi minn tixbiha għal oħra. Jara n-nies qishom nagħaġ mingħajr ragħaj imma meta jgħidilna nitolbu juża t-tixbiha tal-ħaddiem tal-ħsad: “Il-ħsad huwa kbir iżda l-ħaddiema ftit. Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu” (Mt 9: 37-38).

L-ewwel talba li nixtieq nagħmel illum fid-dawl ta’ din il-kelma ta’ Ġesù hi propju biex aħna jibqa’ jkollna mexxejja li huma ragħajja, l-ewwel nett mibgħuta mill-Mulej, minn Sid il-ħsad, li jkunu ħaddiema għall-ħsad mhux tagħhom imma tal-Mulej. Innutaw x’jgħid Ġesù: “itolbu biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu.” L-ewwel atteġġjament tal-isqof, tal-qassis, tar-ragħaj tal-merħla hu li jifhem li l-ħsad mhux tiegħu, mhux qiegħed hemm biex jimla l-but, jew biex jifraħ bl-unuri fiergħa ta’ din id-dinja: “B’xejn ħadtu, b’xejn agħtu” (Mt 10: 8). Il-poplu jieħu ħsiebna u jagħmel sew u hekk għandu jkun. Imma aħna m’aħniex qaddejja tal-poplu la għall-frugħa tal-vanità, ta’ xi titlu u lanqas biex insostnu l-interessi tagħna. Il-Mulej b’dik il-kelma ‘ħaddiema għall-ħsad tiegħu’ qed ifakkarna, lilna msejħin, isma’ l-ħsad, ħabib, mhux tiegħek, inti ħaddiem! Hemm Sid il-ħsad se jitolbok il-kont.

U b’xi mod din ukoll tgħodd għall-familja, għall-ġenituri. Illum niftakru fil-missirijiet. Waħda mit-tagħlimiet sbieħ li jagħtina l-Papa hu u jħares lejn San Ġużepp. Fid-dokument sabiħ li kiteb dwar San Ġużepp ‘Patris Corde – Bil-Qalb ta’ Missier’ jgħidilna li San Ġużepp irċieva din il-missjoni – m’applikax għaliha għax naħseb jiena kieku kien jaħrab – li jieħu ħsieb l-Iben ta’ Alla. Kulħadd irid jaħtfu u joqtlu miċ-ċokon. Salvah fil-ġuf ta’ ommu għax ta’ bniedem ġust li kien, kif induna li t-tarbija mhix tiegħu minflok qatel lill-mara, lil omm u ’l binha, qalilha: intelqek bil-kwiet. U l-anġu tal-Mulej qallu: “Tibżax tieħu lil Marija għax dak li għandha fil-ġuf ġej mill-qawwa tal-Ispirtu s-Santu” (Mt 1:20) u tah il-missjoni li jkun il-missier ta’ dan it-tifel. Imbagħad irid jipproteġih. Il-Papa jgħidilna: ara taħsbu li l-Mulej kien joqgħod jgħidlu ġurnata b’ġurnata x’għandu jagħmel. Kien jaf min hu San Ġużepp u San Ġużepp xammar il-kmiem, ta’ mastrudaxxa bravu li kien, u għamel kulma seta’.

Ħarab anke sal-Eġittu imwissi fil-ħolm mill-anġlu biex jipproteġi t-tifel. Dik kienet il-missjoni tiegħu. Beka meta ma sabuhx għal tlitt ijiem. Il-Madonna lil Ġesù tgħidlu: “Missierek u jien qalbna maqsuma konna qegħdin infittxuk” (Lq 2:48). Din hi l-qalb ta’ San Ġużepp li għandha tkun il-qalb ta’ kull missier li jirrealizza, li anke l-ulied li ngħatawlu fl-imħabba ma’ martu huma tiegħu, imma mhux għalih. Huma tiegħek, u ma tistax tgħid dak mhux it-tifel tiegħi, anke għax ikun jixbhek u ssib kappell tassew jiġik u tkun ġibtu inti fid-dinja verament ukoll, għax jieħu wkoll naqra minn tiegħek.

Kultant ninnota ftit il-missirijiet igergu fuq xi karetteristika tat-tfal u ma jirrealizzawx li jekk iħarsu lejn il-mera jarawha wkoll għax it-tfal minn fejn ikunu ġabuha din? ‘Ir-razza tiġbed’ – mhux hekk jgħidu bil-Malti? ‘Il-fula bint il-miżwed u r-razza dejjem tiġbed.’ Hekk, allura l-missier jara lilu nnifsu fl-ulied imma jrid jimmatura wkoll fil-paternità tiegħu. Isma’ dawk tahomli l-Bambin rigal u salib, croce delitia, irrid nieħu ħsiebhom. Imbagħad f’idejn Alla, mhumiex tiegħi.

Il-Mulej ukoll hu u jsejjaħ lil min jgħinu mill-qrib: it-tnax. Illum għandna l-lista tat-12-il appostlu li Ġesù għażel biex ikunu qrib tiegħu. Tahom ordnijiet biex ma jiddependux fuq il-bravura tagħhom imma jkunu ħsiebhom fil-missjoni li tahom. U qal xi ħaġa sabiħa, jerġa’ jirrepeti x-xbieha tal-merħla: “Fittxu n-nagħaġ il-mitlufa tad-dar ta’ Iżrael” (Mt 10:6). Issa f’kull familja jkollna l-mumenti sbieħ imma jkollna wkoll il-mumenti inqas sbieħ. U ejjew nitolbu biex aħna nkunu ħafna ikbar mill-inkwiet ta’ din il-ħajja. Kultant trid tisma’ wkoll il-kelma li jgħidilna Ġesù: “fittex in-nagħġa l-mitlufa” bit-talb, bil-paċenzja, bil-maħfra, bis-silenzju u dejjem bl-imħabba.

Aħna u nsellmu ’l missirijiet illum nitolbu li l-Mulej jagħti lill-Knisja, isejjaħ – għalhekk ngħidulha vokazzjoni – jagħti lill-Knisja vokazzjonijiet għal tmexxija qaddisa, għas-saċerdozju imma niftakru wkoll fil-missirijiet naturali tagħna, min hu ħaj u min hu mejjet, ilkoll missirijiet, ilkoll illum niftakru fihom, nafdawhom f’idejn Alla, Alla li waħdu jagħraf il-qalb, Alla li waħdu kapaċi jaħfer u kapaċi wkoll id-difetti tagħna joħroġ minnhom il-ġid.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Eż 19:2-6a
Salm: 99 (100):2,3,5
Qari II: Rum 5:6-11
L-Evanġelju: Mt 9:36 – 10:8

Aktar ritratti