Eċċellenza għażiż Isqof Henry,

Hu ta’ pjaċir kbir ħafna għalina li nilqgħuk fil-Knisja ta’ Malta, li tagħtek il-magħmudija, laqqgħatek ma’ Ġesù fl-Ewkaristija, u tagħtek is-siġill tal-Ispirtu s-Santu fil-griżma tal-isqof, li fiha kont inkardinat bħala djaknu, li fiha lqajt id-don tas-saċerdozju. Din il-parroċċa li tagħha inti kont ragħaj, li saret tafek kif nafuk: ta’ bniedem qalbu f’idu.

Inti rrispondejt għas-sejħa ta’ Ġesù biex tħejjilu l-mejda, biex tkun il-qaddej tal-aħwa, u fil-qalb tiegħek, li minn dejjem kienet qalb ferrieħa u missjunarja, smajt tidwi l-għajta tal-Poplu ta’ Alla: “kattar fina il-fidi” (Lq 17:6).

Din it-talba l-poplu jgħidha lill-Mulej. Imma l-poplu jifhem ukoll li meta jitlob lill-Mulej ikattarlu l-fidi, ikun qed jitlob ukoll id-don tar-ragħaj li jkattar il-fidi f’isem Ġesù. Li l-kelma tiegħu mhix il-kelma tiegħu imma bħalma smajna fil-profezija ta’ Ġeremija hi l-Kelma tal-Mulej: “Mur fejn nibgħatlek, għid kulma nordnalek (Ġer 1:7).” Il-profezija wkoll lill-profeta tgħidlu: “tibżax għax jiena miegħek biex neħilsek (Ġer 1:8).”

Min jaf kemm għandek x’tirrakkonta biex tikkonferma din il-profezija ta’ Ġeremija u hu jeħilsek il-Mulej minn tant tiġrib fid-deżert, fl-ivvjaġġar tiegħek bħala missjunarju, taqdi lill-Mulej, mhux biss f’nofsna imma wkoll fl-art maħbuba taċ-Ċilì. “Kattar fina l-fidi” (Lq 17:6). Inti smajt l-għajta tal-poplu u rrispondejt għaliha b’ġenerożità u b’disponibbiltà. Illum il-Mulej isejjaħlek biex tkun qaddej bħala isqof, u inti taf għażiż Dun Henry, għażiż ħija fl-episkopat, li l-episkopat mhux rigal tal-mertu, mhux rikonoxximent ta’ kapaċità li għandna aktar minn ħaddieħor, imma hi sejħa ulterjuri biex nimxu wara Ġesù, nerfgħu salibna kuljum u nimxu warajh. U jekk lill-Mulej nippruvaw ngħidulu fejn jimxi, jgħidilna: “wara jekk joġgħobkom”. “Min irid jimxi warajja, jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu kuljum u jimxi warajja (Mt 16:24).”

Il-Mulej fil-kelma tal-Evanġelju tal-lum jitkellem fuq it-tfixkil u jitkellem fuq il-korrezzjoni fratern. L-isqof hu dak li bil-kelma u bl-eżempju tiegħu, iwassal kelma ta’ faraġ u ta’ twiddib għax hu msejjaħ biex iħott is-saltna tal-ħażen, l-arroganza u s-suppervja u jibni l-komunjoni. Mhux bilfors jinftiehem, mhux bilfors iċapċpulu. Mons. Henry, forsi llum iċapċpulek, imma imbagħad tiġi l-Ġimgħa l-Kbira, u jċaċpuhielek. Imma tagħmilx kuraġġ bil-ħila tiegħek, imma agħmel kuraġġ bil-ħila tal-Mulej. Min jitbissimlek illum jista’ jkun li jħares lejk biċ-ċiera għada imma l-ħarsa tiegħek u r-rikonoxximent li titlob għall-kuxjenza tiegħek, mhux aħna, mhux il-bnedmin ta’ din id-dinja, imma Alla li jagħraf il-qalb.

Tibżax mill-ġudizzju aħrax tal-bnedmin, ibża’ biss mill-ġudizzju ta’ Alla. Imma waqt li tibża’ minnu, għax tħobbu u tirrispettah ta’ Alla li hu, afda fil-ħniena tiegħu. Inti, li issa ministru speċjali ta’ rikonċiljazzjoni, tinsiex li inti u tqarar għandek bżonn li tibqa’ tqerr. Int u tipprietka għandek bżonn ukoll min iwassallek il-Kelma ta’ Alla. Il-Mulej jitkellem b’mod ċar u jgħallimna tagħlima li aħna nagħmlu d-dover tagħna mingħajr ma nfittxu rikonoxximent ’l hemm mill-fatt li nkunu għamilna d-dover tagħna.

Inti għażilt bħala motto tal-Episkopat tiegeħek: servi inutile sunt – aħna qaddejja li ma niswew xejn. Imma xi tfisser din li ma niswew xejn? Meta inti temmen li maħluq xbieha ta’ Alla, meta temmen li inti meħlus mid-demm għażiż ta’ Ġesù, meta fil-magħmudija mitt u qomt mal-Mulej, li miet u rxoxta għalik, xi tfisser li tkun persważ li ma tiswa għal xejn, int li int tant prezzjuż quddiem Alla, li bierek is-saċerdozju tiegħu fil-milja tal-episkopat, aħna qabelxejn irridu nkunu grati ta’ tant grazzji li rċivejna mingħand Alla. Imma din il-gratitudni trid tkun gratitudni vera ta’ min jifhem li kollox hu grazzja. Li aħna m’għandna l-ebda mertu biex irċivejna dan kollu – battala għax il-Mulej għandu bżonn li nkunu battala biex jimliena bil-grazzja tiegħu. B’xi mod aħna qaddejja battala biex il-Mulej isibna lesti li nilqgħu f’qalbna dak kollu li jagħtina biex il-faraġ li jagħtina hu, qaddejja battala, jimla l-qalb tagħna, ifawwarha u biha nkunu nistgħu nfarrġu lill-oħrajn.

Imma kemm hi ħaġa qaddisa u li hi tant għall-qalb il-qaddis, li sar qaddis hawnhekk fil-Ħamrun, San Ġorġ Preca, li jgħallem l-intenzjoni retta, li għallimna li dak li nagħmlu, ma nagħmluh għal wiċċ ħadd ħlief għal Alla. Darba minnhom Dun Ġorġ, kien hemm xi ħadd u kkalunjah, bħalma jiġri dejjem. U inkwieta Dun Ġorġ u tbaqbaq. Tant inkwieta u rrabja li kien trattat inġustament, ikkalunjat b’gidba faħxija, imma baqa’ kwiet. Ftakar fil-wegħda li jimita lil Ġesù li kien umli u ta’ qalb ħelwa, manswet, li jaħfer lill-għedewwa. Meta rrakkonta xi ġralu qal li meta kellu lil Ġesù fl-Ewkaristija f’idejh, ħares lej Ġesù u qallu: “naħfirlu għal wiċċek!”

L-ewwel nett naraw l-umanità tal-qaddis għażiż tagħna, Dun Ġorġ, li naf li inti tħobb u tammira, imma nifhmu wkoll li l-qaddisin jgħallmuna li nħarsu biss lejn Ġesù. Il-ħarsa li tifdina, li terfagħna, li tagħtina l-veru faraġ. Li meta nħarsu lejh u nħallu lilu jħares lejna. Hekk intom meta tagħmlu kulma tkunu ordnati, għidu: “aħna qaddejja li ma niswew għal xejn, għamilna biss dak li kellna nagħmlu” (Lq 17:10).

Għażiż ħija fl-episkopat, għażiż Isqof Henry, aħna kif se nkunu nafu li qed nagħmlu dak li għandna nagħmlu? L-ewwel triq għas-saċerdot u anke għall-isqof hi t-triq tal-ubbidjanza. Aħna nagħmlu ġurament li ma jispiċċa qatt qabel ma nsiru isfqijiet, inti għamiltu bħalma għamiltu jien. Wieħed minn dawn l-affarijiet li fuqhom nieħdu ġurament hu l-fedeltà tagħna lejn il-Papa, is-suċċessur ta’ San Pietru, ikun min ikun. Ikun gustuż, twil jew bħali… ikun kif ikun. Aħna nkunu qaddejja fidili tal-knisja f’għaqda mas-suċċessur ta’ San Pietru.

Aħna qegħdin hawnhekk, fil-parroċċa ddedikata lil San Gejtanu, li ta ħajtu għall-Knisja ta’ Ġesù fi żmien meta l-papiet ried ikollok lenti speċjali biex tinduna li huma dolce Cristo in terra. Imma San Gejtanu, bl-umiltà tiegħu kellu l-kapaċità li l-ħarsa tiegħu tmur ’l hemm mill-bniedem imma jħares lejn il-ministeru, lejn ir-rwol.

Jalla d-disponibbiltà ferrieħa tiegħek iġġib it-tbissima fuq il-wiċċ ta’ tant nies imnikktin. Jalla l-kelma u t-twiddib tiegħek idawlu l-qalb u l-moħħ għajjiena.

Meta ħass li fil-knisja kien hemm bżonn riforma, beda minnu nnifsu. Kemm inħobbu ngħiduha din. U dan hu l-kobor ta’ San Gejtanu – ried jgħin biex il-Knisja ssir iżjed safja, iżjed qaddisa. X’għamel? Beda minnu nnifsu, afda f’Alla.

Inti fil-ministerju tiegħek għax obdejt lill-isqof, il-Mulej bagħtek hawnhekk taħt il-patroċinju ta’ San Gejtanu u jiena naf kemm tgħallimt tafda fil-providenza ta’ Alla. Jalla aħna, Isqof Henry, waqt li qed taqdi l-poplu ta’ Alla f’La Serena, bħala awżiljarju, ma ninsewkx. Il-Mulej inqeda bina biex inkunu providenza għalik u għall-poplu tiegħek. Taqtax qalbek. Qiegħed f’ċirkustanzi – l-ewwel kont Copiaco, bħalma hemm issa Dun Mark – diffiċli. Issa qiegħed La Serena, f’ambjent differenti ħafna minn Malta. ’Il bogħod minn artek, mill-ħbieb tiegħek, mill-familja tiegħek, mill-għeżież tiegħek. Taqtax qalbek, aħna miegħek. Il-Mulej jipprovdilek permezz tagħna.

Ma ninsewkx, anzi aħna wkoll imsejħin bil-preżenza tiegħek biex inkunu għalik ta’ wens, inkunu għalik ħutek li nħobbuk, li jieħdu ħsiebek, li jitolbu għalik. Il-Mulej jagħmel minnek strument ta’ rikonċiljazzjoni, ta’ għaqda, ta’ komunjoni. Jalla d-disponibbiltà ferrieħa tiegħek iġġib it-tbissima fuq il-wiċċ ta’ tant nies imnikktin. Jalla l-kelma u t-twiddib tiegħek idawlu l-qalb u l-moħħ għajjiena.

Jalla inti tkun qaddej li tifhem li l-Mulej jaf ibattalna bl-umiljazzjoni biex jimliena bil-grazzja u l-faraġ tiegħu. L-importanti, għażiż Isqof Henry, li l-Mulej jgħaddik minn fejn jgħaddik, ipoġġik fejn ipoġġik permezz tas-suċċessur ta’ San Pietru, isib li qed jagħmel dak li għandu bżonn jagħmel. Il-Mulej ikun miegħek, jgħinnek u jħarsek.

Għażiż Isqof Henry ad multos annos.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Koħ 3:1-11
Salm: 42 (43): 1,2,3,4
L-Evanġelju: Lq 9:18-22

Aktar ritratti