L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Hemm espressjoni li juża Ġesù llum fl-Evanġelju skont San Luqa li żgur tolqotna: “ħrief qalb l-ilpup”. Hekk jgħidilhom lit-72 dixxiplu li jibgħathom qablu tnejn tnejn f’kull belt u post fejn kien sejjer hu. Jgħidilhom: “Araw, qiegħed nibgħatkom bħal ħrief qalb l-ilpup”.
Ma tantx hi espressjoni li, mal-ewwel daqqa ta’ għajn, tagħmel kuraġġ; kemm għax meta tgħid “ilpup” l-ewwel ma tħoss hu biża’ u twerwir; u anke “ħrief”, qisu f’moħħok jiġi xi ħadd ċkejken u kwiet. Imma din hi l-espressjoni li uża Ġesù, u kien hemm raġuni għaliex qalilhom hekk lid-dixxipli tiegħu.
Xi jfisser li d-dixxipli huma, jew għandhom ikunu, “ħrief”? Tfisser li għandek toqgħod għal kollox, taċċetta kollox, anke toqgħod għal min irid jagħmilha ta’ bully miegħek, toqgħod kwiet? Mhux hekk ifisser li tkun bħall-ħrief. Imma l-ewwel nett, meta Ġesù qalilhom biex ikunu ħrief, tfisser li d-dixxiplu jkollu lil Ġesù bħala r-ragħaj it-tajjeb. Ħaruf għax għandu lil Ġesù r-ragħaj li jmexxih. Ifisser li aħna bħala dixxipli jkollna l-istess spirtu ta’ Ġesù, għax huwa hu li jmexxina. U li niftakru li l-ħidma biex inwasslu l-Bxara t-Tajba hi bil-qawwa tiegħu, mhux bil-qawwa tagħna, jew bl-affarijiet li għandna. Fil-fatt għalhekk Ġesù jgħidilhom: teħdux magħkom l-affarijiet, isserrħux fuq dak li jista’ jkollkom jew fuq il-kapaċitajiet tagħkom, imma serrħu fuq il-qawwa tal-Mulej. Dak ifisser li jkunu ħrief.
Il-preżenza tagħna bħala dixxipli ta’ Ġesù għandha tkun preżenza li ġġib is-sliem, li ġġib il-paċi fil-qalb, li ġġib l-għaqda.
U l-ilpup, “ħrief qalb l-ilpup”? Nafu kemm din hi vera, għax nafu li mhux ma’ kull min niltaqgħu jkollu intenzjoni tajba. Għalhekk irridu noqogħdu attenti verament. Fil-fatt, Ġesù f’mument ieħor jgħidilhom lid-dixxipli biex ikunu “għaqlin bħas-sriep u safjin bħall-ħamiem”. Jiġifieri, bil-għaqal, attenti; u attenti wkoll minn min irid jingannak, jew imexxik ħażin, jew anke jittrattak ħażin. L-importanti li nkunu, kif qal Ġesù, “ħrief qalb l-ilpup” u ma nsirux aħna lpup qalb l-ilpup. Għax jekk insiru hekk – jiġifieri nittrattaw lill-oħrajn kif jittrattawna kultant, b’mod ħażin – hemmhekk Ġesù ma jibqax ir-ragħaj tagħna, għax inkunu qed inġibu ruħna kontra l-ispirtu tiegħu.
Hu għalhekk li Ġesù jgħidilhom li t-tislima tagħhom bħala dixxipli għandha tkun “Sliem lil din id-dar”. Il-preżenza tagħna bħala dixxipli ta’ Ġesù għandha tkun preżenza li ġġib is-sliem, li ġġib il-paċi fil-qalb, li ġġib l-għaqda. Għalhekk li aħna nkunu dawk li jibnu l-pontijiet, mhux il-ħitan li jifirdu. Hi preżenza ta’ sliem, anke jekk ikun hemm min ma jaċċettax. Hawn Ġesù għamilha ċara: ikun hemm min jaċċetta u jkun hemm min ma jaċċettax il-Kelma ta’ Alla. Dik ma għandhiex idaħħalna f’qoxortna jew b’xi mod jew ieħor ittellifna. Aħna nkomplu nwasslu bis-sliem u bil-ferħ il-Kelma ta’ Alla, l-Aħbar it-Tajba.
Nitolbu lill-Mulej illum. Qalilna hawnhekk: “Il-ħsad huwa kbir tassew, imma l-ħaddiema ftit. Itolbu, mela, lil sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu”. Nitolbuh ħafna lill-Mulej biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu, nitolbuh biex ikunu ħafna dawk li jwieġbu għas-sejħa tiegħu u jimxu warajh u jxandru l-Evanġelju tiegħu; u nitolbuh biex, aħna bħala dixxipli tiegħu, nagħrfu naqdu l-missjoni tagħna bl-ispirtu tiegħu, lesti li nkunu bħal “ħrief qalb l-ilpup”.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju