
F’din is-silta mill-Evanġelju skont San Ġwann, il-Mulej jammetti min hu: “qabel ma kien Abraham, jiena hu” (Ġw 8:58). Il-frażi ‘jiena Hu’ hija l-isem ta’ Alla. Qabel nibdew il-Ġimgħa Mqaddsa, dan l-Evanġelju jfakkarna ma’ min se niltaqgħu f’dawn il-jiem fil-passjoni u l-mewt ħarxa tiegħu. Wieħed minna, l-Iben t’Alla magħmul bniedem, ilbieraħ stess iċċelebrajna t-tnissil tiegħu fil-ġuf ta’ ommu, għax ilbieraħ il-25 ta’ Marzu jaħbat disa’ xhur qabel il-Milied. U disa’ xhur qabel it-twelid tiegħu fakkarna t-tnissil tiegħu fil-ġuf t’ommu, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. Ilbieraħ għamilna l-festa tal-Iben t’Alla magħmul bniedem.
Illum fl-Evanġelju niltaqgħu miegħu mhux imnissel fil-ġuf t’ommu, imma raġel matur ta’ madwar 33 sena li lil sħabu l-Lhud u l-kapijiet mhux biss jitkellem magħhom dwar il-ħajja wara l-mewt imma meta jinkuh u jniggżuh jammetti min hu. “Tassew ngħidilkom, qabel ma kien Abraham, jiena hu” (Ġw 8:58). Huma fehmu x’ried jgħid u jħaġġruh talli qed jagħmilha flok Alla, anzi l-Iben ta’ Alla. Imma tajjeb li niftakru li Ġesù mhux biss kien jaf min hu imma anke l-Lhud kienu jafu wkoll hu x’qed jgħid fuqu nnifsu. U għalhekk qatluh.
Aħna nagħmlu l-festa devozzjonali tad-Duluri. Għandkom statwa sabiħa ħafna hawnhekk ta’ Sidtna Marija Addolorata, lill-omm li nisslitu fil-ġuf tagħha bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu u li kellha tarah imbagħad minxur fuq l-għuda tas-salib mingħajr dinjità, umiljat imma ħarbitx. Baqgħet hemm. U hi ssir għalina sinjal ta’ dawk il-persuni li f’ħajjitna għaddejna minn xiex għaddejna jibqgħu jħobbuna. Għax wara kollox din hi l-festa li se nagħmlu għada: il-festa tan-nies. Qed niċċelebraw tant nies għada fil-festa tad-Duluri, li jiġri x’jiġri minna qatt ma jaqtgħu qalbhom minna imma nsibuhom hemm – ta’ sapport, ta’ għajnuna; jaħbu xi demgħa ’l hawn u ’l hemm – imma qegħdin hemm. Dik hi l-festa tagħhom ukoll għada. Dik l-omm innoċenti u bla tebgħa qagħdet ħdejn is-salib ta’ binha, innoċenti u bla tebgħa; u ma ħarbitx. Sħabu ħarbu. Wieħed biss minnhom baqa’. Imma hi ma ħarbitx, ma nħbitx, wieqfa, imbikkija.

F’dawn il-jiem nixtieqkom li flimkien nirrepetu din it-talba sabiħa li ngħidu: ‘Nadurawk o Ġesu u nberkuk għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.’ Ejjew nifhmu x’qegħdin ngħidu. Aħna qed inħarsu lejn il-Kurċifiss, raġel imsallab mal-għuda tas-salib u waqt li nitolbu ngħidulu ‘nadurawk’. Aħna naduraw lil Alla biss imma nifhmu li meta nħarsu lejn is-salib imqaddes u lejn Ġesù imsallab, aħna qed naduraw lill-Iben t’Alla magħmul bniedem.
Naduraw lil Alla biss imma nifhmu li meta nħarsu lejn is-salib imqaddes u lejn Ġesù imsallab aħna qegħdin naduraw lill-Iben t’Alla magħmul bniedem.
Nadurawk, o Ġesu. M’hemm l-ebda ħlieqa li jiena nista’ ngħidilha ‘Nadurak’ jekk mhux b’mod leġġer. Imma lil Ġesù iva ngħidluu ‘nadurawk’ u flimkien, mhux jien nadurak imma nadurawk għax ilkoll kemm aħna meħlusin bid-demm għażiż tiegħu. Nadurawk u nberkuk. U b’dik il-kelma ‘inberkuk’ aħna qegħdin inpattu għat-tgħajjir, għaċ-ċaħda, għall-bewsa ta’ Ġuda, għal dak kollu li għadda minnu biex salvana. Inberkuk. Kien hemm min ikkundannak, kien hemm min ikkalunjak, kien hemm min gideb fuqek imma aħna o Ġesù, inberkuk.
Wieħed minn sħabu kkundanat miegħu, minn ikkundanat sar imħallef ġust. Ma’ sieħbu l-ewwel jitkellem fuq il-ħtija tagħhom u jgħidlu l-ħtija “tagħna ġusta, tassew, għax qegħdin nieħdu li ħaqqna ta’ kulma għamilna” (Lq 23:41). Imma hu u jħares lejn Ġesù qal: “Imma dan m’għamel xejn ħażin.’ U min ikkundannat b’mod ġust, isir mħallef ġust ta’ Ġesù. ‘Dan ma għamel xejn ħażin’ (ara Lq 23:41) Minn ikkundannat b’mod ġust isir imħallef ġust. U mhux hekk biss, jagħraf li Ġesu msallab bejniethom huwa sultan u jgħidlu “Ġesù, ftakar fija meta tidħol fis-saltna tiegħek” (ara Lq 23:42). Dak li aħna nsejħulu l-ħalliel it-tajjeb jagħraf tassew min hu Ġesù: bniedem innoċenti li m’għamel xejn ħażin imma wkoll jitolbu li jkun parti mis-saltna tiegħu. Jagħrfu bħala sultan.

Tgħidli imma kif seta’ jagħrfu bħala sultan meta huwa mneżża’ mid-dinjità tiegħu u msallab magħhom? Hija l-kelma tal-verità u l-kelma tal-fidi. “Ġesù, meta tkun fis-saltna tiegħek ftakar fija” (Lq 23:42). Ir-risposta ta’ Ġesù, li jiena nitlob u nixtieq li tkun il-kelma li nirċievu, li nisimgħu aħna ilkoll kemm aħna, mill-fomm ħelu tal-Mulej: “Tassew ngħidlek, illum tkun il-ġenna miegħi” (ara Lq 23:43).
Dan huwa d-destin tagħna. Ġesù minn fuq is-salib ma wegħedx lill-ħalliel it-tajjeb il-ħelsien mit-turufnament, lanqas il-ħelsien mill-mewt imma wegħdu l-ġenna. “Tassew tassew ngħidilkom li min iħares il-kelma tiegħi ma jara qatt il-mewt” (Ġw 8:51). Dan xi tfisser? Il-mewt ta’ dejjem. Il-mewt hija għal kulħadd. Hija bieb li rridu ngħaddu minnu. Imma hemm mewt li toqtollok lil ruħek u aħna nistgħu ngħixuha din it-tip ta’ mewt jekk nibqgħu nkallati fi dnubietna.
Dan huwa l-istaġun fejn aħna ninħelsu mir-rabta tal-ħażen u lill-Mulej ngħidulu: “Ftakar fija” u hu fil-ħniena tiegħu jagħtik il-paċi biex meta jasal il-mument (ħadd mhu mgħaġġel imma jasal) jgħidlek ‘Illum tkun il-ġenna miegħi” (ara Lq 23:39-43).
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
L-Ewwel Qari: Ġen 17:3-9
Salm: Salm 104(105):4-5,6-7,8-9
L-Evanġelju: Ġw 8:51-59





