Dun Jethro Bezzina ġie ordnat qassis fid-Djoċesi ta’ Karwar fl-Indja.
Iż-żagħżugħ Mosti li huwa wieħed mill-aħwa tal-Mixja Neokatekumenali ġie ordnat nhar it-3 ta’ April minn idejn l-Isqof Duming Dias, wara 14-il sena ta’ formazzjoni.
Huwa stqarr li l-vokazzjoni ilu jħossha saħansitra minn qabel ma rċieva l-Ewwel Tqarbina, u li meta kienu jistaqsuh x’jixtieq isir la jikber, kien iwieġeb: “missjunarju jew saċerdot”.
Semma li apparti l-għajnuna mill-katekisti fi ħdan il-grupp vokazzjonali tal-Mixja Neokatekumenali, irċieva ispirazzjonijiet mingħand numru ta’ qassisin bħall-mibki Monsinjur Bartholomeo Bezzina u Patri Chris Galdes OFM Conv. li l-eżempju tagħhom għen biex Dun Jethro jilqa’ iktar din is-sejħa.
F’intervista ma’ Newsbook Malta, irrakkonta kif madwar 14-il sena ilu kien mistieden għal laqgħa partikolari fl-Italja fejn ismu tela’ bix-xorti biex imur f’Bangalore fl-Indja.
“Aċċettajt li mmur għax aħna bħall-Ispirtu li jonfoħ fejn irid hu,” sostna.
Kompla kif minkejja li din l-esperjenza mhijiex waħda faċli, “għaliex l-Indja mhuwiex faċli bħala pajjiż”, huwa radd ħajr lil Alla għall-fedeltà tiegħu.
Semma kif fost in-nies tal-Indja, il-qassis novell tgħallem jagħraf min hu, u kemm iħobbu Alla. “Din hija l-vokazzjoni li l-Mulej għażilni beix inwassal il-Bxara t-tajba lin-nies ta’ madwari. Inkun mezz ta’ salvazzjoni.”
“Il-grazzja li jagħti Alla tiżboq kull dnub u miżerja”
Dun Jethro qal li naturalment hemm element li jħoss in-nuqqas ta’ Malta, inkluż il-familjari, l-aħwa tal-komunità u l-ħbieb tiegħu, però saħaq li l-kelma ta’ Kristu tqawwilu l-qalb hekk kif Ġesù nnifsu qal li min jitlaq lil ommu u ‘l missieru, kif ukoll is-sigurtajiet u l-ħajja tiegħu stess, iroddlu għal mitt darba.
B’fiduċja sħiħa huwa qal li “l-grazzja li jagħti Alla tiżboq kull dnub u miżerja tiegħi.”
Sors: Newsbook Malta