Photos and videos: Miguela Xuereb

Il-Knisja tal-Ġiżwiti fil-Belt Valletta, waħda mill-aktar ġawhar importanti tal-wirt kulturali u reliġjuż Malti, reġgħat ingħatat il-ħajja permezz ta’ xogħlijiet estensivi ta’ restawr li issa ġew fi tmiemhom. Ir-restawr se jkompli, imma tlestiet fażi importanti u issa l-knisja se tinfetaħ għall-użu pubbliku.

Ħafna nies jidħlu f’dan il-post ukoll għal quddiesa tal-gradwazzjoni u anke għal fatt li kull nhar ta’ Ħadd għadha tiġi ċċelebrata l-quddiesa bil-Latin.

Ir-Reverendu Nicholas Doublet, il-President tal-Fondazzjoni tal-Knisja tal-Ġiżwiti, qal li hu ferħan immens għax dal-proġett sar parti minnu. Huwa qal li dan huwa proġett sinifikanti għax dal-post “jesprimi min aħna bħala poplu”. Fakkar li din kienet il-benniena tal-istituzzjonijiet edukattivi u formattivi ta’ pajjiżna. F’dan il-post, il-knisja u l-kulleġġ twieldet l-Università ta’ Malta. Hu qal li l-Ġiżwiti qed jaraw li dan post ikun restawrat fl-ispirtu kollu tiegħu inkluż b’numru t’attivitajiet kulturali fil-programm kulturali ‘The Oratories’ li qiegħed fir-raba’ staġun tiegħu taħt id-direzzjoni t’Alex Vella Gregory.

Saħaq li l-arti tiftaħna għal dak kollu li hu sabiħ, għaldaqstant għal Alla, frott it-talenti li għandna anke jekk ma jkollnix l-istess twemmin. Għalaq li meta nidħlu fi knisja sabiħa nħallu qalbna titla’ ‘il fuq biex dak kollu li hu sabiħ jesprimi min aħna u dak li aħna lil Alla noffrulu fil-fraġilità kollha tagħna.

B’kollox ġew investiti €5 miljun minn fondi nazzjonali, li jinkludi wkoll restawr tal-Oratorji, tal-bejt, tal-koppla, tal-kappelli, tal-kampnar u tal-faċċati tal-knisja. Ix-xogħlijiet kienu jinkludu restawr tal-ħitan u s-saqaf, tiswija tal-ġebel u tal-balavostri, restawr tat-twieqi, illustrar tal-art tal-irħam, modernizzazzjoni tas-sistemi elettriċi u introduzzjoni ta’ sistemi moderni ta’ sigurtà.

Il-proġett ta’ restawr kien fir-responsabbiltàtad-Dipartiment tar-Restawr u Preservazzjoni taħt il-gwida tal-perit Mark Azzopardi. Preżenti kien hemm ukoll ir-riċerkaturi u l-ħaddiema li ħadmu fuq dan il-proġett.

Fl-2021 bis-sehem tal-Knisja u l-Istat twaqqfet fondazzjoni dedikata biex tieħu ħsieb dan is-sit storiku, sabiex il-knisja tibqa’ mhux biss monument, iżda spazju ħaj li jservi lill-komunità u lill-pajjiż.

Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u Gvern Lokali Owen Bonnici qal li din il-knisja kienet fi stat vera ħażin u din kienet ħasra kbira, speċjalment anke għal fatt li qiegħda fil-Belt kapitali imma fi proċess ta’ ġenerazzjoni, t’10 snin sar dan ir-restawr. Hu rrefera wkoll għall-ħidma tal-Fondazzjoni li hemm bejn l-Istat u l-Knisja u qal li din se tara li r-restawr tal-arti fi ħdan din il-knisja jkompli.

Hu kompla jgħid, “ix-xogħlijiet ta’ restawr jikkonfermaw l-impenn kontinwu biex il-patrimonju nazzjonali mhux biss jiġi ppreservat, iżda wkoll jitgawda mill-ġenerazzjonijiet tal-lum u ta’ għada. L-investiment fil-qasam kulturali jirrifletti s-suċċess ekonomiku tal-pajjiż u jsaħħaħ il-memorja kollettiva u l-identità nazzjonali.”

Dan is-sit storiku se jinfetaħ għall-pubbliku fi tmiem din il-ġimgħa b’quddiesa speċjali nhar il-Ġimgħa fis-6pm, li l-pubbliku jista’ jattendi għaliha.

Ġie rikonoxxut ukoll il-kontribut li ta s-settur privat fosthom Bank of Valletta, MAPFRE Middlesea, Alfred Mizzi Foundation u Tumas Group u kif ukoll ta’ entitajiet kulturali pubbliċi, fosthom St John’s Co-Cathedral Foundation, Heritage Malta u l-Kunsill Malti għall-Arti.

Source: Newsbook.com.mt

Article written by Gabriel Lia