L-awtur tal-pubblikazzjoni ġdida dwar l-istorja tas-Santwarju Ta’ Pinu, Francesco Pio Attard qal li jixtieq li l-familji kollha jkunu jafu dwar il-ġrajja Ta’ Pinu u stieden lis-segwaċi biex jixtru dan il-ktieb ħalli jkunu jistgħu jwasslu l-ġrajja Ta’ Pinu lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajna.

Newsbook Malta mar sa Ta’ Pinu fejn iltaqa’ mal-awtur li silet xi partijiet interessanti minn dan il-ktieb, fosthom kif il-kappella li kien hemm kienet se titwaqqa’ għax kienet fi stat ħażin, iżda l-bennej waqa’ u weġġa’ u minflok twaqqgħet spiċċaw irranġaw il-kappella. Spjega wkoll minn fejn ġej l-isem Ta’ Pinu u anke dwar kif il-Madonna ma kellmitx biss lil Karmni Grima.

Attard qal li l-pjan oriġinali biex ikun ippubblikat dan il-ktieb beda minn qabel il-pandemija tal-Covid-19. L-awtur tkellem dwar iż-żmien twil li ħadlu dan il-ktieb, kemm għall-konsultazzjoni kif ukoll għar-riċerka. Fisser li din il-pubblikazzjoni kienet ilha tberren f’moħħu, f’tar-rettur Dun Gerard Buhagiar u tal-illustratur tal-ktieb Sandro Latteo. Xtaqu li jkun hemm ktieb li jirrakkonta l-istorja tal-ġrajja Ta’ Pinu mill-ewwel snin tagħha – meta kien hemm kappella żgħira – sa meta l-Papa Franġisku żar dan is-santwarju.

Dan il-ktieb huwa faċli biex jaqrawh u jifhmuh it-tfal u l-awtur qal li huwa sabiħ li t-tfal u l-ġenerazzjonijiet żgħar isiru jafu aktar dwar Ta’ Pinu.

Attard qal li ħafna nies jafu bis-sejħa li l-Madonna għamlet lil Karmni Grima iżda l-istorja tas-santwarju tmur lil hinn mis-sejħa. Kompla jgħid li t-tlieta li huma għaqqdu l-forzi tagħhom flimkien u ddeċidew li jippubblikaw dan il-ktieb dwar din il-ġrajja.

Francesco Pio saħaq li l-ktieb mhuwiex biss għat-tfal iżda huwa għall-familja kollha u li jixtieq li jkunu l-ġenituri stess li jirrakkontaw il-ġrajja Ta’ Pinu lil uliedhom.  

“Fi ftit paġni iżda b’ħafna stampi bil-kulur u disinni oriġinali, wieħed jista’ jsib il-ġrajjiet ewlenin tal-aħħar ħames sekli li ġraw f’Ta Pinu li fihom żviluppat din l-istorja li rat li minn kappella mwarrba jsir ċentru ta’ tant pellegrini u turisti”, saħaq Attard.

Photo: Miguela Xuereb

L-awtur spjega li l-ewwel pubblikazzjoni nħatfet u issa ġew ippubblikati aktar kopji. Oriġinarjament din il-pubblikazzjoni saret bil-Malti iżda kien hemm ix-xewqa li jkun hemm pubblikazzjoni bl-Ingliż biex anke t-turisti jkunu jistgħu jixtru dan il-ktieb u jsiru pellegrini huma wkoll. Saħaq li qed jittama li matul dan is-sajf, il-pubblikazzjoni bl-Ingliż tkun stampata wkoll.

Wieħed jista’ jsib jixtri l-ktieb mis-Santwarju Ta’ Pinu iżda fil-ġimgħat li ġejjin ikun ukoll fil-ħwienet tal-kotba reliġjużi f’Malta u Għawdex għal iktar aċċessibbiltà.

Ara l-intervista sħiħa dwar dan il-ktieb hawn:

Source: Newsbook.com.mt