Ritratti u filmati: Miguela Xuereb
Fr Fabio Attard SDB wasal fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ilbieraħ waranofsinhar u ingħata merħba mill-isbaħ minn sħabu s-saċerdoti Salesjani, mill-familjari kif ukoll mill-istudenti li tawh din is-sorpriża fl-ewwel żjara uffiċjali tiegħu f’Malta bħala Rettur Maġġur tas-Salesjani ta’ Don Bosco.
Il-qassis Għawdxi, li ġie elett bħala l-11-il suċċessur ta’ Don Bosco f’Marzu li għadda, ġie milqugħ b’applawż kontinwu u dwiet l-għajta “Father Fabio”.
Newsbook Malta kien fuq il-post biex jara x-xeni ta’ ferħ mal-wasla tiegħu.
Ir-Rettur Maġġur il-ġdid sellem lil membri tal-komunità Salesjana, ħa ritratti magħhom u ffirma wkoll diversi posters. Issa hu jmexxi 13,750 Salesjan ikkonsagrat f’136 pajjiż f’ħames kontinenti.
Il-komunità Salesjana f’Malta ilha taqdi fil-gżejjer Maltin għal aktar minn 120 sena permezz ta’ skejjel, kunventi u ċentri taż-żgħażagħ.
Wara l-merħba sabiħa fl-ajruport, Fr Attard mar direttament iżur lir-residenti ta’ Dar Osanna Pia u Dar Mamma Margerita fis-1pm, qabel ingħaqad mas-Salesjani l-oħra għal talb privat filgħaxija u ikla. Iż-żjara tirrifletti l-impenn tiegħu, li diġà ddikjara, li jagħti prijorità lil dawk li jinsabu fil-periferiji tas-soċjetà. Din kienet tema li enfasizza fl-intervista tiegħu ma’ Newsbook Malta f’Mejju li għadda.
Fis-sitt snin li ġejjin hu se jimxi fuq il-Kapitlu Ġenerali u dawn għamlu żewġ deċiżjonijiet li jkunu verament bnedmin t’Alla, awtentiċi u onesti fl-identità tagħhom biex is-servizz pastorali ma jkunx falz u li jkunu intelliġenti fl-ispazji u l-proposti li joffru liż-żgħażagħ. Semma wkoll ix-xogħol enormi li qed jagħmlu mal-foqra, il-ħarsien tal-ambjent u anke kif se taffettwa liż-żgħażagħ l-Intelliġenza Artifiċjali li anke hu juża!
Għada filgħodu huwa ħa jindirizza liż-żgħażagħ waqt SYM Youth Encounter li ħa jsir ġewwa l-Kulleġġ tas-Savio f’Ħad-Dingli. Ħa jkun hemm ħin ta’ mistoqsijiet, adorazzjoni, sport u anke ikel għal dawk kollha li se jattendu. Il-programm ta’ diskussjoni għaż-żgħażagħ BTW, li jixxandar fuq RTK103, ħa jkun qed isir minn hemmhekk din il-ġimgħa b’kummenti taż-żgħażagħ u saċerdoti li jafu lil Fr Fabio Attard.
Source: Newsbook.com.mt
Article written by Gabriel Lia