Filmati: Laura Galea
Patri Ġulju Bonnici, li lbieraħ għalaq 100 sena, qal ma’ Newsbook Malta li jitlob lill-Mulej biex il-vokazzjonijiet li jħossu ż-żgħażagħ ikomplu jissaħħu.
Newsbook Malta lbieraħ ingħaqad mal-komunità ta’ saċerdoti anzjani residenti fid-Dar tal-Kleru biex jiċċelebraw għeluq il-100 sena ta’ Patri Ġulju. Din iċ-ċelebrazzjoni bdiet b’quddiesa ċċelebrata mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi u kkonċelebraw diversi saċerdoti mill-Ordni Agostinjana fosthom il-provinċjal Fr Leslie Gatt OSA.
L-Isqof Awżiljarju, beda l-omelija billi kkwota l-Evanġelju tal-ġurnata, “Mulej kattar fina l-fidi”. Sostna kif l-istess talba li kienu għamlu l-appostli lil Ġesù għandna nagħmluha aħna llum. Żied jgħid li din l-okkażjoni qed tipprovdilna opportunità biex insaħħu l-fidi tagħna waqt li “nagħrfu li l-fidi ta’ Patri Ġulju bdiet l-istess bħal żerriegħa tal-mustarda u issa żviluppat”.
Ikompli kif huma stejjer bħal dawn, li jimlewna b’kuraġġ sabiex inqiegħdu l-fiduċja tagħna fih.
Newsbook Malta tkellem ukoll ma’ Fr Leslie Gatt OSA li stqarr kemm hu sabiħ li nagħrfu li wara dan kollu ma kienx hemm biss numri imma hemm ħajja. “Ħajja li misset u għenet diversi ħajjiet ta’ persuni”, żied jgħid.
Għal din iċ-ċelebrazzjoni kien hemm ukoll il-Vigarju Episkopali għad-Djakonikja Fr Martin Micallef.
Source: Newsbook.com.mt
Article written by Maria Emma Buhagiar




