L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi kkundanna bil-qawwa l-qtil kontinwu ta’ persuni innoċenti f’Gaża u tenna li dan qatt mhu ġustifikat.
Mindu faqqgħet il-gwerra bejn Iżrael u l-grupp militanti Ħamas, aktar minn 60,000 persuna nqatlu. Ħafna minn dawn il-persuni kienu Palestinjani li ma kinux suldati filwaqt li numru sostanzjali ta’ persuni kienu qed jistkennu f’kampijiet taf-refuġjati.
Fid-dawl li Iżrael għamilha ċara li mhux se jieqaf sakemm jiżvojta u jeqred lil Gaża, hu ġie kkundannat talli fetaħ il-bieb biex jitwettaq ġenoċidju f’din l-art.
Ilbiraħtlula, Iżrael attakka l-unika knisja Kattolika f’Gaża u apparti li weġġa’ l-kappillan tagħha, inqatlu żewġ persuni oħra.
Fl-omelija tiegħu fil-quddiesa li ċċelebra lbieraħ fil-Kurja tal-Arċisqof, l-Isqof Galea-Curmi ddeskriva s-sitwazzjoni f’Gaża bħala waħda “terribbli” li fiha qed jinqatlu persuni innoċenti jew oħrajn li kienu qed jistennew għall-ikel.
“Kif jista’ l-bniedem jasal s’hawn?” staqsa l-Isqof Awżiljarju.
Hu ilmenta li persuni bla ħtija u innoċenti qed jiġu kkundannati u staqsa kif jista’ jkun li wieħed jgħid li wettaq żball iżda jkompli jwettqu darba wara l-oħra “biex jeqred il-poplu”.
L-Isqof Awżiljarju qal li wieħed ma jistax jonqos milli jikkundanna l-qtil terribbli ta’ persuni li sempliċiment qed jipprovaw jgħixu ħajjithom.
“Hija tassew ħasra li dan qed jiġri fi żmienna”, saħaq l-Isqof Awżiljarju.
Sors: Newsbook Malta