Riflessjoni tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“It-tama titwieled mill-imħabba u tissejjes fuq l-imħabba li tgelgel mill-Qalb ta’ Ġesù minfuda fuq is-salib”. Dan hu kliem il-Papa Franġisku fil-Bolla tal-Indizzjoni tal-Ġublew tas-sena d-dieħla, bit-titlu meħud mill-Ittra ta’ San Pawl lir-Rumani: “It-tama ma tqarraqx bina” (Rum 5:5).
Nixtieq li aħna s-saċerdoti miġbura quddiem Ġesu Sagramentat nirriflettu fuq din it-tama, u speċjalment fuq kif aħna s-saċerdoti msejħin biex inħaddnu din it-tama, u biex fl-għajxien tal-vokazzjoni tagħna nkunu xhieda ta’ din it-tama, inwassluha. Kif jgħid San Pawl: “It-tama ma tqarraqx bina għax l-imħabba ta’ Alla ssawbet fi qlubna permezz tal-Ispirtu s-Santu li kien mogħti lilna”.
Speċifiku għat-tama Nisranija
Nixtieqkom, qabel xejn, tinnutaw dak li hu speċifiku għat-tama Nisranija. Il-kelma “tama” għal ħafna nies tfisser li hemm xewqa għal xi ħaġa tajba jew aħjar, imma hemm ukoll dubju. Meta ngħid: “nittama li jkolli riżultati tajbin”, “nittama li jgħaddili”, hemm ix-xewqa u stennija ta’ xi ħaġa tajba imma hemm ukoll, fil-qiegħ, id-dubju, l-inċertezza. Hu għalhekk li min hu xettiku jħobb juża l-espressjoni bil-Malti “min jgħix bit-tama jmut bil-piena”.
Imma t-tama Nisranija mhijiex mibnija fuq xewqa mħallta ma’ dubju. Mhijiex mibnija fuq l-inċertezza. Hi msejsa fuq iċ-ċertezza tal-imħabba ta’ Alla li ssawbet fi qlubna permezz tal-Ispirtu s-Santu. It-tama Nisranija twieġeb għad-dubji tagħna li nħossu fil-fond ta’ qalbna, iva, imma hija tama li għandha l-bażi f’din l-imħabba li ma tqarraqx bina.
It-tama hija l-ankra
Nixtieq li nieħu xi spunti mid-dokument tal-Papa Franġisku, li jgħoddu ħafna għalina s-saċerdoti.
It-tama hija l-“ankra tar-ruħ” (Lhud 6:19). Titwieled mill-imħabba u tissejjes fuq l-imħabba ħierġa mill-Qalb ta’ Ġesù minfuda fuq is-salib. “Alla, għani fil-ħniena, bis-saħħa tal-imħabba kbira li biha ħabbna, meta konna mejta minħabba dnubietna, tana ħajja ġdida flimkien ma’ Kristu, qajjimna miegħu, u qegħedna fis-smewwiet ma’ Kristu Ġesù, biex juri fiż-żminijiet li ġejjin l-għana bla qies tal-grazzja tiegħu bit-tjieba li wera magħna fi Kristu Ġesù” (Ef 2:4-7).
Is-sejħa lilna saċerdoti, qabel xejn, hija li nagħrfu nħaddnu din it-tama li tagħti l-orjentament, tindika d-direzzjoni u l-finalità tal-ħajja tagħna.
Ġesù li miet u rxoxta hu l-qalba ta’ din it-tama tagħna. San Pawl, fl-Ewwel Ittra lill-Korintin, jgħid: “Qabel xejn, jien għallimtkom dak li tgħallimt jien, jiġifieri, li Kristu miet minħabba dnubietna, skont l-Iskrittura; difnuh u qam mill-imwiet fit-tielet jum, skont l-Iskrittura. U deher lil Kefa, u mbagħad lit-Tnax” (1 Kor 15:3-5). Il-Papa Franġisku jirrifletti fuq din is-silta, u jgħid: Kristu miet, difnuh, qam mill-mewt, deher. Għalina għadda mit-traġedja tal-mewt. Bil-qawwa tal-Ispirtu hu qam mill-mewt, u l-umanità tiegħu saret l-ewwel ħsad tal-eternità għas-salvazzjoni tagħna.
It-tama Nisranija tikkonsisti proprju f’dan: quddiem il-mewt, fejn kollox jidher jispiċċa, għandna ċ-ċertezza li, grazzi għal Kristu, għall-grazzja tiegħu li tgħaddiet lilna fil-Magħmudija, “il-ħajja ma tintemmx, imma tinbidel” (Prefazju), għal dejjem. Fil-fatt, fil-Magħmudija, midfuna ma’ Kristu, fih imqajjem mill-mewt nirċievu d-don ta’ ħajja ġdida, li ġġarraf il-ħajt tal-mewt, u tagħmel minnha passaġġ lejn l-eternità.
Tama fil-ħajja ta’ dejjem
Għalhekk aħna nemmnu fil-ħajja ta’ dejjem. Grazzi għat-tama li Ġesù Rxoxt jagħtina, meta nħarsu lejn iż-żmien li għaddej, għandna ċ-ċertezza li l-istorja tal-umanità u dik ta’ kull wieħed u waħda minna mhumiex qed jiġru lejn sqaq li ma jwassal għal imkien jew abbiss mudlam, imma huma orjentati lejn il-laqgħa mal-Mulej tal-glorja. Irridu mela ngħixu fl-istennija tal-miġja tiegħu u fit-tama li ngħixu għal dejjem fih.
Kif jgħid il-Konċilju Vatikan II: “Jekk jonqos il-pedament ta’ Alla u t-tama tal-ħajja ta’ dejjem, id-dinjità tal-bniedem tonqos ħafna, kif spiss illum jiġri, u l-enigma tal-ħajja u tal-mewt, tal-ħtija u tal-indiema, jibqgħu bla tweġiba, u għalhekk mhux ftit drabi l-bnedmin jaqgħu fid-disperazzjoni” (Gaudium et Spes, 21).
Bħala saċerdoti, aħna msejħin biex nagħtu xhieda ta’ din it-tama, u din hi xhieda tant importanti llum f’soċjetà fejn diversi għandhom il-mentalità tas-Sadduċej – li ma kinux jemmnu fil-qawmien mill-imwiet. Ma’ Ġesù, lil hinn minn din l-għatba, hemm il-ħajja eterna, li tikkonsisti fil-komunjoni sħiħa ma’ Alla, fil-kontemplazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-imħabba tiegħu bla tarf. Dak li bħalissa qed ngħixu fit-tama, imbagħad hemmhekk narawh fir-realtà. Santu Wistin dwar dan kiteb: “Meta ningħaqad miegħek kollni kemm jien, qatt iżjed ma jkolli taħbit u niket, u ħajti tkun ħajja kollha mimlija bik”. U l-ħajja ta’ dejjem tibda hawn, u t-tama f’ħajja li ma tintemmx b’ebda mod ma lilna taljenana mid-dmirijiet li għandna hawn f’din il-ħajja, anzi għandha timpenjana aktar bis-sħiħ biex nagħmluha ħajja li tixraq lill-bniedem.
Tama li tistedinna għal mixja ta’ konverżjoni
It-tama tistedinna għal mixja ta’ konverżjoni. Nagħmlu sew li nagħrfu s-serjetà mill-akbar tal-mument tal-ġudizzju li fih Alla fl-aħħar jiġbor il-ħajja kollha tagħna, imma fl-istess waqt hemm bżonn li dan nagħmluh dejjem fid-dimensjoni tat-tama, li twieżen il-ħajja u ma tħalliniex naqgħu fil-biża’. Jgħid Ktieb il-Għerf: “Din hi t-tama sabiħa li inti tajt lil uliedek, li inti tagħti żmien għall-indiema ta’ dnubiethom […] u, meta niġu ġġudikati, nistennew il-ħniena” (Għerf 12:19,22).
Huwa l-Ispirtu s-Santu, li hu dejjem preżenti fil-mixja ta’ ħajjitna, li jgħinna f’din il- konverżjoni tagħna bid-dawl tat-tama mkebbsa bħal musbieħ li qatt ma jintefa, biex tħeġġeġ lill-ħajja tagħna.
Nixtieq li nenfasizza kemm hu importanti li aħna saċerdoti nkunu xhieda ta’ din it-tama u ma nwasslux il-biża’ – il-biża’ li lill-bniedem jipparalizzah u ma jħallihx iduq fil-fond l-imħabba u l-ħniena ta’ Alla.
Tama qalb id-diffikultajiet tal-ħajja
It-tama Nisranija ma ċċedix fid-diffikultajiet. Ix-xbieha tal-ankra, li l-Papa Franġisku jsemmi fil-Bolla tal-Indizzjoni, tgħinna nifhmu l-istabbiltà u s-sigurtà li, qalb l-ilmijiet imċaqilqa tal-ħajja, jista’ jkollna jekk nafdaw fil-Mulej Ġesù. It-tempesti ma jegħlbuniex, għax aħna ankrati fit-tama tal-grazzja, li kapaċi tagħtina l-ħajja fi Kristu waqt li negħlbu d-dnub, il-biża’ u l-mewt.
Il-ħajja hi magħmula minn ferħ u minn niket, l-imħabba tiġi mġarrba meta joktru d-diffikultajiet u t-tama tidher kultant qed tiġġarraf quddiem it-tbatija. Imma kif jikteb San Pawl: “…is-sofferenza ġġib is-sabar, is-sabar irawwem il-ħila, il-ħila t-tama” (Rum 5:3-4).
It-tama tingħex bis-sabar
It-tama ngħixuha proprju bis-sabar. Din hi l-enfasi li jagħmel il-Papa Franġisku. Jgħid: f’dinja fejn l-għaġġla saret karatteristika kostanti, fl-epoka li qed ngħixu tal-internet u l-media soċjali, fejn l-ispazju u ż-żmien ġew okkupati mill-“hawn u issa”, fejn kultant anki fil-familji sar diffiċli nqattgħu l-ħin flimkien u nitkellmu bil-kalma, is-sabar jintilef mal-għaġġla.
Li ngħixu s-sabar u, fejn tlifnieh, nerġgħu niskopruh, jista’ jiswa ta’ ġid kbir għalina u għall-oħrajn. Kif jgħid San Pawl, qabel xejn, Alla jistabar magħna, hu “li minnu ġej kull sabar u faraġ” (Rum 15:5). Is-sabar, li hu wkoll huwa frott tal-Ispirtu s-Santu, iżomm ħajja t-tama u jseddaqha bħala virtù u stil ta’ ħajja. Għalhekk, nitgħallmu nitolbu spiss il-grazzja tas-sabar, li hi bint it-tama u fl-istess waqt tweżinha.
Is-saċerdot: sinjal ta’ tama
Meta nkunu ankrati fit-tama – u għalhekk ridt nenfasizza ħafna li l-ewwel nett aħna, fil-ħajja personali tagħna, inkunu ankrati f’din it-tama Nisranija – l-għajxien tal-vokazzjoni tagħna bħala saċerdoti u l-qadi tal-ministeru tagħna jsiru sinjali ta’ tama għal tant nies. Inkunu aħna sinjali tanġibbli ta’ tama għal tant ħutna meta nwasslu lin-nies għand Ġesù, u nagħmlu dan b’qalb tixbah lil tiegħu, qalb ħelwa u umli. Irridu nirringrazzjaw lil Alla ta’ tant tama vera li nnisslu fin-nies, speċjalment f’dawk li għaddejjin minn tbatija. Nagħmlu dan bit-talb tagħna, bil-kelma tagħna, kif ukoll bl-azzjoni tagħna – b’ġesti ta’ ħbiberija, b’ħarsa fraterna, b’widna sinċiera, b’servizz ġeneruż.
Aħna sinjal ta’ tama għall-morda, li jinsabu fid-djar jew fi sptar, u li lilhom kemm-il darba nwasslulhom mhux biss kelma ta’ ġid imma wkoll lil Ġesù Ewkaristija, l-għajn tat-tama. It-tbatijiet tagħhom jistgħu jsibu serħan fil-qrubija tagħna meta nżuruhom u nuruhom tassew din l-imħabba.
Aħna msejħin li nkunu sinjal ta’ tama għal dawk li huma waħedhom u qed iġarrbu l-vojt affettiv. Jistgħu jkunu saċerdoti oħra stess li b’xi mod iħossuhom iżolati jew waħedhom.
Sinjal ta’ tama għall-anzjani, li spiss jgħaddu minn solitudni u sens ta’ abbandun.
Sinjal ta’ tama għall-famlji, għall-ġenerazzjonijiet iż-żgħar u għaż-żgħażagħ. Il-Papa Franġisku jenfasizza speċjalment iż-żgħażagħ. Hu jgħid: sabiħ meta narawhom mimlija enerġija, ngħidu aħna fi żmien ta’ kriżijiet soċjali. Imma hu ta’ swied il-qalb tara żgħażagħ neqsin minn kull tama u jgħixu l-preżent fil-malinkonija u fid-dwejjaq. L-illużjonijiet u t-tiftix ta’ dak li jtir mar-riħ joħolqu fihom iktar milli f’oħrajn il-konfużjoni, u jaħbu l-ġmiel u s-sens tal-ħajja, biex jispiċċaw jiżolqu f’abbissi mudlama u jwassluhom għal ġesti li bihom jeqirdu lilhom infushom. Irridu nkomplu nkunu sinjal ta’ tama għalihom.
Sinjal ta’ tama wkoll għal dawk li jsibu ruħhom f’kundizzjonijiet ta’ ħajja partikularment ibsin, iduqu d-dgħufija tagħhom infushom, speċjalment meta affettwati minn patoloġiji li jillimitaw ħafna l-awtonomija personali. Il-kura li tingħatalhom hija innu lid-dinjità umana, għanja ta’ tama li titlob it-tisħib tas-soċjetà kollha.
Sinjal ta’ tama għall-migranti, li jabbandunaw arthom biex ifittxu ħajja aħjar għalihom infushom u għall-familji tagħhom. Inkunu sinjal ta’ tama meta ngħixu l-akkoljenza, li tiftaħ beraħ id-dirgħajn għal kull persuna skont id-dinjità tagħha, timxi id f’id mar-responsabbiltà, biex ħadd ma jiġi mċaħħad mill-jedd li jibni futur aħjar.
Sinjal ta’ tama wkoll għall-foqra li jbatu mill-esklużjoni u l-indifferenza ta’ ħafna.
Sinjal ta’ tama li nagħtuh flimkien
Irrid insemmi li aħna msejħin mhux biss individwalment imma biex fl-għaqda tagħna bejnietna bħala saċerdoti nkunu sinjal ta’ tama. Kif talab Ġesù b’insistenza fl-Aħħar Ċena – semmieha għal ħafna drabi: “Nitolbok li jkunu lkoll ħaġa waħda. Kif inti fija, Missier, u jiena fik, ħa jkunu huma wkoll ħaġa waħda fina, biex hekk id-dinja temmen li inti bgħattni” (Ġw 17:21).
Imsejħin ukoll biex inkunu sinjal ta’ tama bl-għajxien sinodali tagħna bħala Knisja waħda li jgħinna naħdmu kontra l-klerikaliżmu, qisna aħna b’xi mod fuq ħaddieħor. Imma l-imgħammdin kollha, kull wieħed u waħda bil-kariżma u l-ministeru tiegħu jew tagħha, korresponsabbli biex inkunu sinjal ta’ tama billi flimkien nagħtu xhieda bħala l-poplu ta’ Alla fid-dinja llum.
L-Ewkaristija u l-Qrar
Irrid insemmi speċfikament iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija u tas-Sagrament tal-Qrar bħala għejun ta’ tama li l-Qalb ta’ Ġesù toffri lill-poplu permezz tagħna, fl-għajxien tal-vokazzjoni tagħna. Iridu jkunu l-ewwel nett għalina din l-esperjenza ta’ tama.
L-Ewkaristija tlaqqagħna ma’ Ġesù ħaj, preżenza li hija l-għajn tat-tama vera, qalb li tgħaqqadna flimkien bħala komunità, ikel li neħtieġu fil-mixja tagħna lejn is-sema pajjiżna. Imma trid tkun għalina l-ewwel din l-esperjenza biex nistgħu nittrasmettuha lill-oħrajn u nuruha tassew bħala esperjenza sabiħa li tlaqqagħna ma’ Ġesù ħaj.
Fis-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni aħna nħallu lill-Mulej, għani fil-ħniena, jeqred id-dnubiet tagħna, ifejqilna qalbna, jerfagħna mill-ġdid u jħaddanna miegħu, jurina l-wiċċ tiegħu ħelu u kollu mogħdrija. Ma hemmx mod aħjar biex insiru nafu lil Alla milli nħalluh iħabbibna miegħu mill-ġdid (ara 2 Kor 5:20), u b’hekk nistgħu nduqu tassew il-maħfra tiegħu. Ma nibqgħux lura milli nersqu għall-Qrar aħna, u milli nkunu aħna b’qalb miftuħa għal min jersaq għall-Qrar, ħalli ngħinu fl-iskoperta mill-ġdid tal-ġmiel tas-sagrament tal-fejqan, il-ġmiel tal-maħfra tad-dnubiet, dan is-sagrament li tant jagħti tama lill-persuni li jersqu lejh u li jsibu saċerdot li jgħinhom tassew u jwasslilhom il-ħniena ta’ Alla!
Marija Omm it-Tama
It-tama ssib fl-Omm ta’ Alla l-ogħla xhud tagħha. Hija l-omm tagħna s-saċerdoti. Fiha naraw kif it-tama mhix ottimiżmu battal, imma don ta’ grazzja fir-realiżmu tal-ħajja. F’riġejn is-salib, waqt li qed tilmaħ lil Ġesù innoċenti jbati u jmut, imqar jekk minfuda minn niket hekk kbir, ittenni l-“iva” tagħha, bla ma titlef it-tama fil-Mulej.
Fl-uġigħ ta’ dik it-tbatija offruta bi mħabba, hi ssir Omm tagħna, Omm it-tama. It-tama ċerta li fil-ġrajjiet imqallba tal-ħajja l-Omm ta’ Alla taqbeż għalina biex tgħinna, tweżinna, u tistedinna nafdaw u nkomplu nittamaw, u tistedinna dejjem biex nersqu lejn il-qalb ta’ Ġesù, hekk mimlija mħabba u ħniena lejna.
Talba
Nagħlaq b’din it-talba għalina s-saċerdoti miġburin hawn. Irrid ngħid kemm hi ħaġa sabiħa li f’dan il-jum għażiż fil-Knisja kollha, imma wkoll b’mod partikulari għalina s-saċerdoti, qegħdin miġburin hawnhekk madwar Ġesù Ewkaristija. Nixtieq nagħmillu din it-talba:
Qalb ta’ Ġesù, għajn tat-tama, ħa tkun it-tama fik “l-ankra tar-ruħ” (Lhud 6:19), sħiħa u qawwija. Lilna s-saċerdoti, għinna biex biex qatt ma nitilfu t-tama li ngħatatilna, biex ikollna qalb tixbah lil tiegħek mimlija kompassjoni, tenerezza u viċinanza lejn il-poplu tiegħek, u hekk inkunu xhieda ħajja tat-tama qalb il-poplu tiegħek. Ħa nkunu nistgħu ngħidulhom, bil-kelma tagħna imma speċjalment bil-ħajja tagħna: “Ittama fil-Mulej, żomm sħiħ u qawwi qalbek; ittama fil-Mulej” (Salm 27:14).
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju
Ritratti: Djoċesi ta’ Għawdex / Francine Spiteri