Dalgħodu, il-Papa Franġisku laqa’ lill-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex li bħalissa jinsabu f’Ruma għaż-żjara ‘ad limina Apostolorum’, sabiex jagħtu rendikont dwar il-qagħda tal-Knisja f’Malta u Għawdex.
Waqt l-udjenza, il-Papa u l-Isqfijiet tkellmu dwar l-Arċidjoċesi ta’ Malta u d-Djoċesi ta’ Għawdex. Bi preparazzjoni għall-Ġublew tat-Tama li se jsir is-sena d-dieħla, il-Papa Franġisku ħeġġeġ lill-poplu Malti u Għawdxi biex ikun strument ta’ ħniena u mħabba. Fi kliem l-Arċisqof Charles Scicluna, dan il-messaġġ tal-Papa “kkonfermana fil-fidi u fil-missjoni tagħna”.
L-udjenza mal-Papa Franġisku ġabet fi tmiemha ż-żjara tal-Isqfijiet fil-Vatikan fejn matul dawn il-ħamest ijiem iltaqgħu ma’ diversi uffiċjali tas-Santa Sede li jieħdu ħsieb aspetti differenti tal-ħajja tal-Knisja. Din kienet l-ewwel żjara ‘ad limina’ għall-Arċisqof Charles Scicluna, l-Isqof Anton Teuma u l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi. L-aħħar darba li l-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex marru l-Vatikan għal din iż-żjara kien f’Mejju 2012.