Ftit tal-jiem ilu saret it-tnedija tal-ktieb il-ġdid tal-Arċisqof Charles J. Scicluna, fil-Palazz tal-Arċisqof, l-Imdina. ‘L-Għanja ta’ Ħabib’ hu ġabra ta’ aktar minn 120 poeżija, b’analiżi ta’ Prof. Charles Briffa u ritratti ta’ Daniel Cilia.
Il-poeżiji jitfgħu raġġ dawl fuq il-ħajja tal-Arċisqof bl-ewwel poeżija tmur lura għall-1975 filwaqt li l-iktar poeżija reċenti nkitbet fl-2022. Kif jispjega l-Arċisqof stess fid-daħla tiegħu għall-ktieb, fil-poeżiji hu qed jaqsam mal-qarrejja l-lehma ta’ żgħożitu, il-ħolm, ix-xewqat, it-turufnament u l-faraġ tal-adolexxenza.
“Fil-poeżiji li ktibt fiż-żgħożija tiegħi hemm ukoll rifless iż-żmien li għext fih u l-aspirazzjonijiet tal-ġenerazzjoni tiegħi. Hemm ukoll l-imħabba li ssawret f’qalbi għall-kampanja Maltija, għall-patrimonju kulturali tagħna l-Maltin, għall-fidi safja ta’ missirijietna,” qal l-Arċisqof.
Il-pubblikazzjoni saret minn Kite Group bl-għajnuna ta’ APS Bank plc. Il-ktieb jista’ jinxtara minn https://www.kitegroup.com.mt/ jew mill-ħwienet tal-kotba.