• ***

    Direttur: Paul McGuigan
    Atturi: Daniel Radcliffe, James McAvoy, Jessica Brown Findlay, Andrew Scott,  Charles Dance, Freddie Foc u Mark Gatiss
    Ħin tal-film: 110 min 
    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 15
    KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 15

    Igor ma kellux isem qabel ma ltaqa’ għall-ewwel darba ma’ Dr. Victor Frankenstein li tah ismu hu. Kien magħruf biss bħala Felix, il-Buffu u barra li kien il-buffu taċ-circku kien ukoll it-tabib. Minħabba li kellu ħotba kien jiġi ttattat ħażin ħafna. Igor iżda kien kapaċi jpinġi stampi ta’ atonomija tal-ġisem b’sengħa kbira. Meta Lorelai, tfajla ħelwa li kienet taħdem fiċ-ċirku taqa’ u tweġġa sewwa, kien Igor li salvah minn mewta ċerta. Dr. Victor Frankenstein kien hemm u baqa’ impressjonat bil-ħila ta’ Igor. Dak il-lejl,  Dr. Frankenstein jeħles minn gaġġa lil Igor u jieħdu miegħu  fid-dar/laboratorju li kellu. Hemm irnexxielu ġġib postu  dahar Igor u anke jgħinu biex jibda jimxi sew.  B’xorti ħażina,  waqt il-ħarba, wieħed mill-ħaddiema li ġera wara Igor,  miet u Igor isib ruħu mfittex bħala l-qattiel. L-ispettur Turpin, flimkien mal-kollega tiegħu Alistair, jiftaħ inkjesta u jordna l-arrest ta’ Igor iżda Igor ma jinstab imkien għaliex Dr. Frankenstein kien biddillu l-bixra kollha tiegħu b’tali mod li hadd ma seta’ jgħarfu. Turpin u Alistair bdew ukoll jissuspettaw li Dr. Frankenstien kellu x’jaqsam mal-ħarba ta’ Igor u li dan it-tabib kien qiegħed iwettaq esperimenti lliċiti u mmorali. Fil-fatt Dr. Frankenstein kien qiegħed  jesperimenta fuq il-possibilta’ li joħloq bniedem minn partijiet ta’ iġsma mejta, jibnihom forma ta’ bniedem  u jtihom il-ħajja permezz tax-xokkijiet elettriċi. Issa li kellu jaħdem miegħu lil Igor sab għajnuna kbira biex dak li dejjem xtaq jagħmel,  iwettqu bis-seħħ. Tgħid jirnexxielu bis-saħħa ta’ Igor jagħmel dan?  X’jiġri minn Igor jibda juri interess fuq it-tfajla li kien salva, Lorelei,  u li issa kienet sabet benefattur li jieħu ħsiebha?​

    Film Amerikan ta’ fantaxjenza,  taħt id-direzzjoni ta’ Paul McGuigan, msejjes fuq in-novella ta’ Mary Shelley li nkitbet fis-sena 1818. Niltaqgħu ma’ Igor. Hu stess jirrakonta ħajtu u l-laqgħa li kellu ma’ Dr. Victor Frankenstein li kellha tbiddilu ħajtu. Mill-aspett ta’ kif ra Igor, insiru nafu min kien Victor Frankenstein u l-ħsieb wara l-esperimenti  tiegħu li jipprova permezz tax-xjenza jgħati l-ħajja mill-ġdid  dak li kien miet. Għalkemm il-film fih xi ftit ta’ vjolenza u xi kliem goff tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu l-ħmistax –il sena.