F’Novembru 2012 saru l-applikazzjonijiet skont l-ewwel kriterju għad-dħul fl-iskejjel tal-Knisja f’Settembru 2013. Hawn taħt se nagħtu rendikont ta’ kemm applikaw u kemm baqa’ postijiet vakanti għall-ewwel sena sekondarja u r-raba’ sena primarja.
L-Ewwel Sena Sekondarja Subien
Għall-ewwel sena sekondarja subien kellna dan it-total ta’ applikanti:
1b Aħwa | 86 |
1ċ Tfal ta’ Impjegati fi skejjel tal-Knisja | 4 |
1e Tfal minn skola bla kontinwità | 107 |
12 Tfal tal-ewwel kriterju li applikaw bħala Każijiet Umanitarji Gravi (It-Tieni Kriterju) | 30 |
Total | 227 |
It-total ta’ applikanti huwa ta’ 227 imma 10 minnhom applikaw bil-kriterju tal-aħwa u bil-kriterju ta’ skola bla kontinwità. Għalhekk il-postijiet okkupati se jkunu 227 – 10 = 217.
It-total ta’ postijiet vakanti għall-ewwel sena subien huwa ta’ erba’ mija u dsatax (419) il-post. Meta nnaqqsu n-numru ta’ postijiet okkupati (217) iħalli total ta’ mitejn u tnejn (202).
L-Ewwel Sena Sekondarja Bniet
Din is-sena għad-dħul fl-ewwel sena sekondarja bniet għandna ċirkustanza partikolari. L-iskejjel primarji ta’ St Francis għandhom aktar tfal bniet milli jistgħu jiġu aċċettati fl-iskola sekondarja ta’ St Francis tas-Sliema. Għalhekk il-ġenituri tal-bniet tas-sitt sena primarja ta’ St Francis qed jingħataw l-opportunità li japplikaw għal skola oħra tal-Knisja.
Flimkien mal-applikanti minn St Francis għandna wkoll l-applikanti mill-iskola ta’ Teresa Nuzzo, skola bla kontinwità u xi applikanti oħra skont l-ewwel Kriterju. Dawn l-applikanti kollha flimkien għandhom jokkupaw il-postijiet kollha li għandna għad-dħul fl-ewwel sena sekondarja bniet. Għalhekk mhux se jiġu milqugħa applikazzjonijiet għall-ewwel sena sekondarja bniet.
Ir-Raba’ Sena Primarja Subien
Għar-raba’ sena primarja subien kellna dan it-total ta’ applikanti:
1b Aħwa | 19 |
1ċ Tfal ta’ Impjegati fi skejjel tal-Knisja | 1 |
12 Tfal tal-ewwel kriterju li applikaw bħala Każijiet Umanitarji Gravi (It-Tieni Kriterju) | 3 |
Total | 23 |
It-total ta’ applikanti huwa ta’ 23. It-total ta’ postijiet vakanti għar-raba’ sena primarja subien huwa ta’ mija ħamsa u għoxrin (125) il-post. Meta nnaqqsu n-numru ta’ postijiet okkupati (23) jibqa’ mija u tnejn postijiet vakanti (102).
Konklużjoni
Infakkru li fost l-applikanti oħra jkun hemm aħwa li qed japplikaw għall-istess sena jew għal snin tad-dħul differenti (Para. 3.1). Meta wieħed/waħda minn dawn l-aħwa tirreġistra fi skola iż-żgħir/a j/tikwalifika skont il-Kriterju tal-Aħwa. Dan ifisser li n-numru ta’ postijiet vakanti jerġa’ jonqos skont kemm ikun hemm minn dawn l-aħwa.
Il-Bord tad-Dħul Skejjel tal-Knisja