Photo: LetterPile

L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Nixtieq nirringrazzja ħafna lilkom lkoll, miġburin għal din iċ-ċelebrazzjoni flimkien. Nirringrazzja lill-FORUM, l-Eżekuttiv tal-FORUM, u lis-Superjur Ġenerali tas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija, MUSEUM, li laqagħna hawn. Kemm hu sabiħ li aħna miġburin hawnhekk, u ċert li San Ġorġ Preca, f’din l-okkażjoni sabiħa, jidħol għalina biex il-Mulej iberikna fil-ħidma tagħna lkoll ta’ evanġelizzazzjoni.

Hi okkażjoni ta’ ferħ u gratitudni kbira meta aħna miġburin hawnhekk, membri tal-movimenti, tal-gruppi u tal-għaqdiet lajkali kollha li jagħmlu parti importanti mill-ħajja tal-Knisja f’Malta. Il-preżenza tagħkom hawn hi sinjal sabiħ ta’ kemm l-Ispirtu s-Santu qed jaħdem fil-poplu ta’ Alla, u ta’ kemm il-Knisja tagħna hi ħajja u mqanqla fil-fidi.

Bħal f’orkestra

Kif smajna, u niġbor ftit xi punti prinċipali: kemm hi sabiħa din il-varjetà ta’ kariżmi u esperjenzi li l-Mulej iqajjem fostna! Kull moviment u kull grupp għandu l-kariżma tiegħu, id-don partikolari tiegħu għall-ġid tal-Knisja kollha.

F’din id-diversità, naraw ix-xogħol ħaj tal-Ispirtu s-Santu. Huwa dak li jgħaqqad, imma wkoll dak li joħloq id-diversità. Hu li jagħmel mill-ħafna ħaġa waħda: sinfonija sabiħa ta’ fidi u ta’ mħabba. Hekk kif f’orkestra kull strument iżid leħnu biex joħroġ ħoss wieħed u armonjuż, hekk ukoll aħna, bil-mod kif  ngħixu l-kariżma tagħna b’fedeltà lejn l-Evanġelju u lejn il-Knisja, inkunu strumenti ta’ għaqda u ta’ ħajja ġdida fil-komunitajiet tagħna. 

Din hija s-sinodalità. U meta tisma’ esperjenzi bħalma smajna, tinduna kemm hi sabiħa d-diversità, kemm hi għanja l-Knisja, u kemm l-Ispirtu s-Santu joħloq din id-diversità li tgħinna biex napprezzaw ħafna lil xulxin.

Komunjoni mal-Knisja kollha

Il-karizmi kollha li l-Ispirtu jagħti huma msejħa biex jikbru fil-komunjoni. Għalhekk nistedinkom biex tibqgħu tgħixu din il-missjoni tagħkom f’għaqda sħiħa mal-Arċisqof –  insellmilkom f’ismu, għax bħalissa qiegħed Ruma, u f’ismu nuri l-apprezzament lilkom ilkoll – u mal-komunitajiet parrokkjali, u komunitajiet oħra. 

Din il-komunjoni mhijiex l-ewwel xi struttura jew organizzazzjoni, imma realtà spiritwali. Jalla qatt ma nidħlu fit-tentazzjoni tal-kompetizzjoni jew tal-iżolament, imma dejjem infittxu l-kollaborazzjoni u l-għaqda. F’għajnejn Alla, aħna lkoll ħaddiema fl-istess għalqa.

Xhieda tal-ferħ tal-Evanġelju

Id-dinja tagħna, anke hawn f’pajjizna, għandha bżonn xhieda ħajja. Aħna msejħin kemm biex naħdmu fi ħdan il-Knisja, imma wkoll biex, permezz ta’ hekk, nagħtu xhieda ħajja. Inkunu nies li l-preżenza tagħna tgħid lin-nies: Kristu huwa ħaj! Intom, permezz tal-movimenti u l-għaqdiet tagħkom, għandkom din il-kapaċità li twasslu din il-ħajja ta’ Kristu fil-familji, fil-parroċċi, fost iż-żgħażagħ, u fil-ħajja tas-soċjetà. 

Għalhekk ninkoraġġikom biex tkomplu tkunu xhieda tal-ferħ tal-Evanġelju, b’ħajja mimlija mħabba, b’ħeġġa li tixgħel ma’ min tiltaqgħu miegħu. Kull laqgħa tagħkom, kull inizjattiva ta’ formazzjoni –  u rrid ngħid kemm hi imporanti l-formazzjoni tagħna individwali, u l-kontribut li nagħtu fil-formazzjoni tat-tfal, adolexxenti, u żgħażagħ, u l-Papa enfasizza dan meta kellem lill-Assemblea Djoċesana ta’ Ruma reċentement (19 ta’ Settembru 2025) –  kull inizjattiva, kull impenn soċjali, jew ta’ karità, isiru kollha xhieda ħajja tal-fidi li tagħti tama.

Servizz fil-ħtiġijiet konkreti tal-Knisja

Kif smajna, intom ma teżistux biex tkunu realtà separata, imma biex tkunu fil-qalb tal-Knisja, u tgħinuha tikber fil-fidi u fl-imħabba. Ħallu l-kariżmi tagħkom iservu l-ħtiġijiet konkreti tal-Knisja: fil-katekeżi, fil-formazzjoni tal-familji, fl-animazzjoni tat-talb, fl-għajnuna lill-foqra, fil-ħidma fost iż-żgħażagħ. Permezz ta’ dan, tkunu tilħqu nies li ħafna drabi ma narawhomx fostna.

Nikkwota lill-Papa fid-diskors tiegħu fl-Assemblea Djoċesana ta’ Ruma, meta jitkellem fuq l-involviment taż-żgħażagħ u tal-familji: “Nemmen li hu urġenti nistabbilixxu pastorali li tkun ta’ appoġġ, empatika, diskreta, bla ġudizzju, li tilqa’ lil kulħadd u toffri mogħdijiet kemm jista’ jkun personalizzati, adattati għaċ-ċirkostanzi tal-ħajja ta’ kull min hu involut”. Aħna nakkumpanjaw il-familji, mingħajr ma nissostitwuhom, inkunu sħabhom fit-triq.

Fil-ħajja pubblika

Nixtieq nenfasizza punt li, meta nitkellmu bħala għaqdiet u movimenti tal-lajċi fi ħdan il-Knisja, tajjeb li jkun ċar ħafna. Aħna niffurmaw nies biex jimpenjaw ruħhom bis-sħiħ fl-oqsma differenti tas-soċjetà Maltija. Qed ngħid għall-ħajja pubblika, per eżempju fil-ħajja politika. Ma għandna qatt niskoraġġixxu lin-nies milli jimpenjaw ruħhom, għax ngħidu “il-politika maħmuġa”. Jekk il-politika tkun maħmuġa u aħna nirtiraw, sempliċiment qed ngħidu “ħalliha hekk” jew “żidha”.

Meta aħna ma nimpenjawx ruħna bħala lajċi u ma niffurmawx lajċi li jistgħu jagħtu s-sehem tagħhom b’serjetà fil-ħajja pubblika, li nkunu qed nagħmlu hu li nħallu l-vojt li fih jistgħu jidħlu oħrajn bi ħsibijiet, ideat u prattiċi differenti. Imma aħna għandna l-grazzja li nistgħu ngħinu fil-formazzjoni soda tal-valuri biex ikollna nies li jimpenjaw ruħhom fis-soċjetà fl-oqsma differenti, u jagħmlu bidla li tkun ta’ ġid għas-soċjetà b’dan l-impenn tagħhom. Nafu li din hi d-direzzjoni tal-Knisja, speċjalment wara l-Konċilju Vatikan II – hi ċara ħafna li aħna għandna naħdmu għal dan.

Għalhekk, għandna ngħinu lill-adolexxenti u żgħażagħ jimpenjaw ruħhom fil-ħajja tal-Knisja stess – din hi importanti – imma wkoll li jimpenjaw ruħhom fil-ħajja pubblika, skont il-kariżmi li għandhom, biex jagħmlu differenza fil-ħajja pubblika.

Ma’ Marija, Omm il-Knisja

Nixtieq nistedinkom biex inqiegħdu lilna nfusna taħt il-ħarsien ta’ Marija, Omm il-Knisja, li dejjem hi dik li tgħaqqad il-Knisja. Naraw lil Marija fil-bidu tal-Knisja tgħaqqad lill-ewwel komunità. Marija qalet “iva” b’umiltà u b’fiduċja sħiħa fil-Mulej, tgħallimna wkoll li aħna għandna nfittxu li nagħrfu l-mumenti ta’ Alla f’ħajjitna, u nwieġbu bil-qalb kollha.

Nirringrazzjakom għall-ħidma tagħkom biex inkunu Knisja li tisma’, li tilqa’, li takkumpanja, li toħroġ – Knisja li tħobb, bħalma għexet Marija. Nixtieq nuri apprezzament kbir għall-ħidma li tagħmlu, ħafna minnha siekta u li ftit nies ikunu jafu biha – imma ħidma tant effettiva. Alla, l-aktar li jaħdem, hu proprju fil-kwiet u fis-skiet, ma’ min jiftaħ qalbu għalih u jkun disponibbli għalih. Hekk uriena il-Mulej stess.

Nuri apprezzament għal dan min-naħa tal-Knisja f’Malta, u nistedinkom biex inkomplu nimxu flimkien b’din il-komunjoni, biex nibnu l-Knisja tagħna bħala dar ħajja tal-fidi, tat-tama u tal-imħabba.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta