L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Hu li kien ħabb lil tiegħu li kienu fid-dinja, ħabbhom għall-aħħar” (Ġw 13:1). F’dan il-kliem fl-Evanġelju skont San Ġwann, f’dan ir-rakkont sabiħ li għadna kemm smajna, hemm miġbur il-messaġġ l-iktar importanti f’din il-ġurnata tal-lum, u f’din il-ġrajja li qed niċċelebraw fil-ġurnata għażiża ta’ Ħamis ix-Xirka.
Ikla ta’ mħabba
Hawnhekk għandna lil Ġesù li jiġbor lid-dixxipli tiegħu u magħhom jagħmel ikla. L-ikla minnha nnifisha kienet tfisser ikla ta’ ħbieb, ikla ta’ intimità. Imma nnutaw: Ġesù jiġbor madwaru d-dixxipli tiegħu f’ikla ta’ ħbieb, ikla ta’ intimità, filwaqt li jaf – għax hu jagħraf il-qalb tal-bniedem – li wieħed mid-dixxipli se jittradih, ieħor se jiċħad li jafu, u kważi l-oħrajn kollha se jabbandunawh. Din hi l-imħabba bla kundizzjoni ta’ Ġesù li, anke jekk kien jaf dan, għażel li jagħmel l-ikla ma’ dawn id-dixxipli.
Ħasil tas-saqajn frott l-imħabba
Biex iktar toħroġ qawwija din l-imħabba, waqt l-ikla Ġesù qam minn fuq il-mejda, neħħa l-mantar, libes il-fardal, u niżel jaħsel saqajn kull wieħed mid-dixxipli tiegħu. Dan kien ġest li ħasad bil-kbir lid-dixxipli. Il-ħasil tas-saqajn kienu jagħmluh il-qaddejja, u dan kien isir qabel ma tibda l-ikla. Imma Ġesù, waqt l-ikla stess, ried jagħmel dan biex iwassal messaġġ qawwi lid-dixxipli tiegħu – messaġġ ta’ qadi u ta’ umiltà, imma fl-essenzjal tiegħu messaġġ ta’ mħabba bla kundizzjoni. Ħasel saqajn ta’ min kien se jittradih, min kien se jiċħdu, dawk kollha li kienu se jużaw saqajhom biex ilebbtu lil hemm u jabbandunawh fl-aktar mument ta’ tbatija. Il-ħasil tas-saqajn juri l-mħabba bla kundizzjoni ta’ Ġesù.
L-Ewkaristija espressjoni ta’ mħabba
Nafu li dan ir-rakkont fl-Evanġelju ta’ San Ġwann jieħu post ir-rakkont tat-twaqqif tal-Ewkaristija li nsibu fl-Evanġelji l-oħra, kif ukoll fl-Ewwel Ittra ta’ San Pawl lill-Korintin (ara 1 Kor 11:23-26). Il-ħasil tas-saqajn hu espressjoni ta’ dak li tfisser l-Ewkaristija, juri fil-prattika l-kliem ta’ Ġesù fl-Ewkaristija: “Dan hu ġismi li jingħata għalikom…dan hu demmi li jixtered għalikom”. Għalhekk l-Ewkaristija hija espressjoni tal-imħabba bla kundizzjoni ta’ Ġesù għall-umanità, għal kull wieħed u waħda minna.
Ħajja ta’ mħabba, mewt ta’ mħabba
Mal-ewwel ninnutaw kif dak li Ġesù għamel waqt l-Aħħar Ċena jiġbor fih il-ħajja kollha tiegħu. Hu dak li naqraw fl-Evanġelju skont San Ġwann, fil-kliem ta’ Ġesu lil Nikodemu: “Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil ibnu l-waħdieni biex kull min jemmen fih ma jintilifx iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 3:16). Hija din l-għotja, l-għotja li tfisser imħabba bla kundizzjoni. Ġesù f’ħajtu wera din l-imħabba bla kundizzjoni ta’ Alla. Għalhekk fl-Aħħar Ċena hemm miġbura l-ħajja ta’ Ġesù. Imma dan ir-rakkont u t-twaqqif tal-Ewkaristija ma kinux biss ġabra tal-ħajja ta’ Ġesu imma kienu juru wkoll minn qabel dak li Ġesu kien se jagħmel fuq is-salib meta jagħti lilu nnifsu biex jifdi lill-umanità. Għalhekk il-kliem tal-Ewkaristija nifhmuh l-aktar meta narawh iseħħ proprju fuq is-salib, fejn naraw ġismu li jingħata għalina, demmu li jinxtered għalina. Hija l-imħabba bla kundizzjoni li Ġesù wera sal-aħħar.
L-aqwa eżempju ta’ mħabba
Imma f’dan ir-rakkont ma hemmx biss ġabra fil-qosor tal-ħajja ta’ Ġesù u ta’ dak li kellu jseħħ bil-mewt tiegħu fuq is-salib. Hemm ukoll kif għandha tkun il-ħajja ta’ kull dixxiplu ta’ Ġesù, ta’ kull wieħed u waħda minna. Hu għalhekk li meta Ġesù kien ħasel saqajn id-dixxipli tiegħu, qagħad lura fuq il-mejda, u qalilhom: “Jien tajtkom eżempju biex kif għamilt jien magħkom, hekk tagħmlu intom ukoll” (Ġw 13:15). Ġesù qed jgħid ċar u tond lilna dixxipli tiegħu li hekk għandha tkun il-ħajja tagħna – ħajja ta’ mħabba bla kundizzjoni. Hu l-uniku post fl-Evanġelju fejn Ġesu jgħid “tajtkom eżempju”, għalkemm l-Evanġelju hu mimli eżempji li jagħtina Ġesù u li għandna nsegwu. Imma hawn jenfasizza dan: “jien tajtkom eżempju”. Innutaw kemm meta Ġesù jgħid li tana eżempju “biex kif għamilt jien, hekk tagħmlu intom ukoll”, dan hu kliem li jaqbel ma’ dak li Ġesù jgħid fit-twaqqif tal-Ewkaristija: “agħmlu dan b’tifkira tiegħi”.
L-imħabba fil-qalba tal-ħajja Nisranija
Ġesù qed jitlob minna wkoll li tagħna tkun ħajja ta’ mħabba mingħajr kundizzjoni u din tkun tiddistingwina fil-ħajja tagħna ta’ Nsara. Tkun turi li aħna tassew dixxipli ta’ Ġesù – b’imħabba mifruxa ma’ kulħadd, imħabba li taħfer, imħabba li tfisser sagrifiċċju, kif ukoll qadi u servizz umli, imħabba li tagħti ħajja ġdida. Hu dan li jrid minna Ġesù – li nieħdu l-eżempju tiegħu u li l-imħabba tkun “sal-aħħar”. Hu b’dan il-mod li l-festa tal-lum tilħaq l-aqwa skop tagħha, meta aħna nġeddu l-fehma tagħna li nimxu wara Ġesù bħala dixxipli tiegħu f’din li hi l-aktar ħaġa essenzjali tal-ħajja tagħna Nisranija: li nħobbu mingħajr kundizzjoni.
Nitolbu lill-Mulej illum, waqt li niċċelebraw l-Ewkaristija li iktar tard se titqiegħed fl-artal tar-repożizzjoni biex nistgħu nqimu lil Ġesù preżenti fostna: agħmel li aħna jkollna dejjem gratitudni għall-imħabba tiegħek bla kundizzjoni, l-imħabba tiegħek sal-aħħar, u agħmel ukoll li qalbna tkun tixbah lil tiegħek.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta