Hija festa sabiħa li nagħmlu llum lit-tliet arkanġli: Mikiel, Gabriel u Rafel. Dawn huma tliet arkanġli li jissemmew fl-Iskrittura, f’mumenti differenti u li, meta niftakru fihom, u meta nagħtu qima lilhom, qegħdin fil-fatt iwassluna biex inħarsu lejn Alla u nagħtu qima lilu, bħalma jagħmlu huma, u bħalma tlabna anke fis-Salm. Fil-fatt, juruna l-providenza kbira ta’ Alla. Jekk aħna nħarsu lejn dawn it-tlieta, wieħed wieħed, naraw li kull wieħed jagħtina messaġġ importanti li jdawwar ħarsitna lejn Alla.

L-ewwel nett, Mikiel. L-isem ifisser: Min hu bħal Alla? Din hi l-istqarrija importanti li tesprimi dak li għamel Mikiel, li fuqu qrajna fl-Ewwel Qari llum mill-Ktieb tal-Apokalissi. Hemmhekk għandna lil Mikiel li hu dak li jipproteġi – li jipproteġina mill-ħażen. Fil-fatt, meta naraw statwa ta’ San Mikiel, naraw taħtu x-xitan. Hu qed jirbaħ lix-xitan. Għalhekk Mikiel ifakkarna fil-protezzjoni – li Alla jipproteġina, Alla jieħu ħsiebna u jħarisna mill-ħażen. Ifakkarna kemm hu importanti f’ħajjitna li aħna noqogħdu attenti mix-xitan, u speċjalment fejn l-aktar jaħdem ix-xitan, il-qerq – mill-qerq tax-xitan. Minn hemm għandna bżonn li nkunu mħarsa ħafna. 

Il-qerq tax-xitan hu mifrux. Jista’ jkun li jqarraq bina għax iġagħalna naħsbu li hu tajjeb dak li hu ħażin, jew inkella għax iġagħalna ma nirrispettawx lill-oħrajn fi kliemna, fil-mod kif inġibu ruħna. Kultant jiġri dan, li anke mill-kliem stess li ngħidu, inkunu iktar qed nixbhu lil ta’ taħt San Mikiel milli lil San Mikiel; iktar lix-xitan u x’jagħmel hu, milli San Mikiel li jipproteġina mill-qerq, speċjalment meta jkun kliem ta’ tgħajjir, ta’ nsulti, li nsibuhom kultant anke fl-istess ċelebrazzjonijiet tal-festi tagħna. Iktar inkunu qed nixbhu lil ta’ taħt San Mikiel. Għalhekk it-talba li nagħmlu, l-ewwel waħda, hi biex San Mikiel jipproteġina mill-ħażen, u speċjalment mill-qerq tax-xitan.

Jekk inħarsu lejn Gabriel – Gabriel ismu jfisser il-qawwa ta’ Alla. Hi l-qawwa ta’ Alla li turi ruħha proprju fil-messaġġ li hu jwassal tal-Aħbar it-Tajba. Għax Gabriel hu l-messaġġier tal-Aħbar it-Tajba. Narawh meta jidher lil Żakkarija u jħabbarlu li se jitwieled Ġwanni l-Battista, u speċjalment fit-Tħabbira tal-Mulej, meta jidher lil Marija u hemmhekk iħabbrilha l-Inkarnazzjoni – li l-Iben ta’ Alla jsir bniedem fostna. Għalhekk San Gabriel hu dak li jwassal l-Aħbar it-Tajba, iwassal l-isbaħ aħbar lil Marija. Meta nħarsu lejh, ngħidu: Alla hu dak li jagħtina l-isbaħ u l-aħjar fil-Kelma tiegħu. Minna li jitlob hu li jkollna dik id-dispożizzjoni ta’ Marija, li qalet lill-anġlu Gabriel: “Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skont kelmtek!” (Lq 1:38)

Jekk inħarsu lejn it-tielet arkanġlu, Rafel, naraw li dan hu l-arkanġlu marbut mal-fejqan u mal-akkumpanjament. Fil-fatt insibuh fil-Ktieb ta’ Tobit jakkumpanja lil Tobija fil-mixja tiegħu qalb diffikultajiet, u jwassal anke għall-fejqan ta’ Tobit, għax kien għama. Hu dak li jwasslilna l-messaġġ: Alla jfejjaqna. Ifejjaqna kultant fiżikament ukoll, imma speċjalment minn ġewwa – spiritwalment u emozzjonalment. Aħna għandna bżonn ħafna dak il-fejqan minn ġewwa, li jgħinna biex inkunu fil-paċi, ngħixu bil-ferħ, inħossu tassew f’ħajjitna li aħna maħbuba u nħobbu – dak il-fejqan min ġewwa li tant għandna bżonn fil-ħajja tagħna.

Meta aħna nagħmlu din il-festa lit-tliet arkanġli, qegħdin nigglorifikaw lil Alla, qegħdin ifaħħruh u nirringrazzjawh tal-providenza tiegħu. Illum nitolbuh b’mod speċjali wkoll biex dawn l-arkanġli jħarsuna u biex jgħinuna ħalli aħna, fil-ħajja tagħna mal-oħrajn, inkunu nixbhuhom – jiġifieri, li bħal Mikiel ngħinu fil-protezzjoni mill-qerq u mill-ħażen; bħal Gabriel inkunu dawk li nwasslu lill-oħrajn l-Aħbar it-Tajba, u bħal Rafel inkunu dawk li noffru kliem ta’ faraġ, ta’ fejqan, ta’ għajnuna għal dawk kollha li huma fil-bżonn.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju