Messaġġ mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

Test għar-riflessjoni: “Jien naf il-pjanijiet li ħsibt għalikom, oraklu tal-Mulej, pjanijiet ta’ ġid u mhux ta’ ħsara, li nagħtikom ġejjieni mimli tama. Intom issejħuli u tiġu titolbuni u jien nismagħkom. Tfittxuni u ssibuni meta tfittxuni b’qalbkom kollha.” (Ġeremija 29:11-13)

Il-kuntest

X’inhu l-kuntest ta’ dan il-kliem? Hu importanti l-kuntest għax jagħti tifsira ħafna aktar profonda lil dan il-kliem u dak li jfisser għalina llum.

Il-Lhud qegħdin fl-eżilju, qed jgħixu f’art barranija. Il-profeta Ġeremija kien ħadha kontra l-profeta Ħananija li kien qal li Alla se jeħles lil Iżrael mill-Babiljonja fi żmien sentejn, xi ħaġa li kienet iddoqq tajjeb għal widnejn il-Lhud – imma fil-fatt din ma seħħitx.

Il-kliem ta’ din is-silta qiegħed f’parti mill-Ittra li Ġeremija bagħat lil dawk fl-eżilju. Il-kliem eżatt qabel dan – qed jgħidu l-Mulej: Tħallux lill-profeti jidħku bikom. Qed jgħidu gideb f’ismi. Mhux jien bgħatthom.

Imbagħad jgħidilhom xi ħaġa li ma ridux jisimgħu: biex jgħixu fil-post tal-eżilju l-ħajja normali tagħhom, jiżżewġu, jaħdmu, jgħixu fil-paċi u jaħdmu għall-prosperità ta’ art li mhijiex tagħhom. Ħafna minnhom ma ridux jisimgħu kliem bħal dan; riedu pjuttost jisimgħu kif se jerġgħu lura f’arthom. U qalilhom – din għalihom kienet daqqa ta’ ħarta – li jridu jgħaddu 70 sena biex jerġgħu lura f’arthom. Jiġifieri ħadd minn dawk li kien qed jisma’ ma kien se jerġa’ lura. Il-wegħda ma kinitx li Alla se jneħħilhom din is-sofferenza, imma jagħtihom il-kuraġġ biex jgħixuha.

Għalhekk il-kliem f’din is-silta hu indirizzat lejn poplu li għaddej minn tbatija, poplu bla tama, bla direzzjoni, poplu li kien jixtieq it-triq faċli li jeħles u jerġa’ lura lejn artu. Alla jwiegħed l-għajnuna imma ma jwegħidx ħelsien immedjat.

Nixtieq nislet erba’ punti partikulari minn din is-silta, li għandha tkun ta’ ispirazzjoni għalikom li qed tħejju għall-Assemblea Provinċjali u ta’ għajnuna fiż-żmien diffiċli li qed ngħixu bl-esperjenza tal-pandemija li ħarbtet diversi pjanijiet tagħna. Hi silta li tgħinna nagħmlu mill-isfidi opportunitajiet ta’ tiġdid.

  • “Il-pjanijiet li ħsibt għalikom”

Alla ħaseb xi ħaġa għalina. Ġejja mingħandu, aħna msejħin nilqgħuha. Din hija fundamentali għal kull ħidma tagħna bħala Knisja. Il-punt tat-tluq mhuwiex aħna bil-pjanijiet tagħna lesti u mbagħad qisna mmorru għand Alla għat-timbru ta’ approvazzjoni. Il-punt tat-tluq hu x-xewqa li aħna nagħrfu dak li Alla jrid għalina, u jkollna qalb li lesta tilqa’ dan. Proverbji 19:21 – “Wieħed jista’ jfassal ħafna ħsibijiet, imma dak li jseħħ hu l-ħsieb tal-Mulej”. Proverbji 3:5-6 – “Ittama fil-Mulej b’qalbek kollha, u tafdax fl-għaqal tiegħek. Fih aħseb f’kulma tagħmel u hu jwittilek triqatek.”

Hawn nixtieq insemmi l-ħsieb bażiku tad-dokument ta’ proċess ta’ tiġdid ekkleżjali, bl-isem Knisja Waħda Vjaġġ Wieħed li l-Arċisqof nieda għall-Knisja f’Malta fis-7 ta’ Ġunju ta’ din is-sena – u nistedinkom ilkoll biex taqrawh u tidħlu fil-fond fih. Dan id-dokument, li jieħu l-ġrajja ta’ Ġesù u d-dixxipli ta’ Għemmaws bħala l-ikona ta’ ispirazzjoni speċjali għall-Knisja f’Malta, iqiegħed bħala l-bażi l-laqgħa ma’ Ġesù – “It-tiġdid tal-Knisja Maltija jibda mil-laqgħa tagħna mill-ġdid ma’ Kristu” – u d-dixxerniment. Il-ħarsa kollha mħabba ta’ Ġesù kontinwament iġeddidna u tistedinna niddixxernu l-preżenza tal-Ispirtu tiegħu. Minn hemm irridu nitilqu bħala Knisja. Iktar ma aħna nkunu widnejna u qalbna miftuħa għalih, iktar nistgħu nagħrfu tassew dak li qed jgħidilna fil-mument partikulari li qed ngħixu llum u dak li jgħidilna għas-snin li ġejjin.

  • “Ta’ ġid u mhux ta’ ħsara”

Dak li Alla ħaseb għalina hu ta’ ġid u mhux ta’ ħsara. Kemm hi importanti din l-enfasi pożittiva! Alla jrid il-ġid. San Pawl jgħid lir-Rumani 8:28 – “Aħna nafu li Alla, ma’ dawk li jħobbuh, ma’ dawk li huma msejħin skont il-providenza tiegħu, f’kollox jaħdem id f’id għall-ġid tagħhom”. Importanti li nkunu konvinti minn dan. Alla jagħti t-tama. Il-ġejjieni mhux f’idejna, imma nafu li Alla se joħroġ il-ġid anke mid-deni li nesperjenzaw f’ħajjitna. Għalhekk il-kelma tiegħu lilna: “Agħmlu l-qalb, jiena hu, tibżgħu xejn” (Mk 6:50).

Din hija sfida kontinwa għalina li nwasslu l-kelma. Irridu noqogħdu ħafna attenti li l-kelma tagħna ma tkunx kelma li titfi t-tama, li taqta’ qalb in-nies, li tħalli fihom togħma morra. Għandha tkun kelma ta’ ġid u li toħloq tama. Insemmi hawn dak li jgħid Segundo Galilea, fil-ktieb tiegħu Tentazzjoni u Dixxerniment, ktieb li kien ippubblikat snin ilu imma għadu kif inqaleb għall-Malti u ppubblikat mis-Soċjetà tal-M.U.S.U.E.M. Fost it-tentazzjonijiet tal-appostolat, isemmi dik li nxandru l-problemi u l-aħbarijiet ħżiena flok l-Aħbar it-Tajba. Imma aħna msejħin biex bħall-Mulej inxandru l-Aħbar it-Tajba li hi ta’ ġid u tagħti t-tama.

  • “Tiġu titolbuni u jien nismagħkom”

“Intom issejħuli, u tiġu titolbuni u jien nismagħkom”. Dan hu li l-Mulej jgħid lill-poplu Lhudi fi żmien ta’ tbatija, meta qisu ma kienx qed jisma’. Kienu jsejħulu u hu qisu ma jismax. Ġieli hi l-esperjenza tagħna wkoll, u ta’ ħafna nies li niltaqgħu magħhom, u hi esperjenza iebsa.

Ġesù esprimieha din l-esperjenza fuq is-salib fl-għajta “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?” li nafu li kienet talba. Ġesù kien qed jitlob b’Salm 22, li hekk jibda: “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni? Bqajt ’il bogħod u ma salvajtnix, ma tajtx widen għall-għajjat tiegħi! Alla tiegħi, ngħajjat binhar u ma tweġibx, ngħajjat billejl u ma nsibx mistrieħ.” Imma s-salm ma jiqafx hemm; insibu aktar ’il quddiem fl-istess salm: “Fik ittamaw missirijietna, fik ittamaw u inti ħlisthom… Għax ma warrabx minnu l-imsejken, ma stmellx in-niket tiegħu, anqas wiċċu ma ħeba minnu, imma semgħu meta sejjaħlu.” Il-Mulej dejjem jerġa’ jfakkarna li hu jismagħna, hu jagħti kas, anke jekk kultant ma nħossux il-preżenza tiegħu.

  • “Tfittxuni b’qalbkom kollha”

“Tfittxuni u ssibuni meta tfittxuni b’qalbkom kollha”. Nixtieq niffokaw fuq il-kelma “b’qalbkom kollha”. Hi l-qalb li ssib biss il-milja meta ssib lilu. Hawn niftakru f’dik it-talba sabiħa ta’ Santu Wistin: “Agħmel li nsibuk, għax qabel ma nsibuk ma nistriħux. Fik biss tinsab il-hena u l-mistrieħ tagħna. Int għamiltna għalik, O Alla, u qalbna ma ssib qatt kwiet jekk ma tistrieħx fik.” Il-laqgħa mal-Mulej u t-tfittxija tiegħu b’qalbna kollha fit-talb hi għalina fundamentali għad-dixxerniment personali u d-dixxerniment bħala provinċja. Huwa hu li jgħinna nagħrfu l-isfidi li għandna u ndawruhom f’opportunitajiet.

Ngħinu lin-nies biex ifittxuh u jsibuh

Il-Papa Franġisku, fl-Eżortazzjoni Appostolika Evangelii gaudium, iqiegħed fil-bidu l-importanza tal-laqgħa tal-Mulej. Jgħid hekk (n. 3): “Nistieden lil kull Nisrani, huma liema huma l-post u l-qagħda li jinsab fihom, biex iġedded illum stess il-laqgħa personali tiegħu ma’ Ġesù Kristu jew, tal-inqas, biex jieħu deċiżjoni li jħalli lilu jiltaqa’ miegħu, li jfittxu bla heda kuljum”.  Dan hu l-ikbar servizz li nistgħu nagħtu lill-poplu ta’ Alla: li aħna ngħinu lin-nies jiltaqgħu miegħu. Mhux li jieqfu magħna meta jiltaqgħu magħna, imma li aħna nwassluhom għandu.

Aħna għandna din il-missjoni sabiħa: li ngħinu lin-nies jfittxu lill-Mulej biex jistgħu jkunu miegħu u jimxu fit-triq tiegħu, li hi ta’ ġid u tagħti t-tama. Importanti li qalb il-ħafna ħidmiet li jkollna, u d-diversi inizjattivi tajbin u li jagħmlu l-ġid, qatt ma nitilfu dak li hu essenzjali u niffokaw fuq dak li hu essenzjali.

Inħallu lill-Ispirtu jeħodna fejn irid hu

Ispirati minn din il-Kelma tal-Mulej, nitolbuh il-grazzja biex aħna nemmnu fil-pjanijiet ta’ ġid u ta’ tama li għandu l-Mulej għalina, u li nkunu lesti nisimgħuh u nfittxuh b’qalbna kollha, ħalli hu jgħinna nagħmlu mill-isfidi opportunitajiet ta’ tiġdid.

Qed ngħixu ż-żmien ta’ pandemija, żmien tassew diffiċli għal kulħadd – għas-soċjetà, għall-Knisja, għall-Kongregazzjonijiet Reliġjużi, għall-iskejjel. Importanti li nitolbu lill-Mulej biex dan iż-żmien lilna jġeddidna u jgħinna nagħrfu aktar għal xiex qed isejħilna. Il-Papa Franġisku jgħid hekk: “…M’hemmx libertà aqwa minn meta nħallu lill-Ispirtu jeħodna fejn irid hu, u ma noqogħdux inkejlu jew nikkontrollaw kollox, u nħallu lilu jdawwalna, imexxina, jeħodna fejn jixtieq hu. Hu jaf tajjeb x’hemm bżonn f’kull żmien u f’kull ħin.” (Evangelii gaudium, 280).

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju