L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Hemm mumenti fl-Evanġelju fejn lil Ġesù narawh b’folol kbar ta’ nies. L-Evanġelju tal-lum hu wieħed minnhom, meta lanqas laħqu waslu Ġesù u d-dixxipli, u rabtu d-dgħajsa max-xatt, li ma tfaċċawx ħafna nies. U dawn in-nies kellhom skop partikulari: li jġibulu l-morda biex Ġesù jfejjaqhom. Mhux biss hemmhekk fejn ix-xatt, imma meta daħal fl-ibliet u fl-irħula u fil-kampanja, kienu qishom jagħmlu laqgħat kbar, mass meetings ta’ morda, u jitolbu lil Ġesù jfejjaqhom.
Hemm dettall fl-Evanġelju tal-lum li jgħidilna ħafna wkoll fuq il-mod kif Ġesù fejjaqhom. L-Evanġelju jgħid li kienu jitolbuh iħallihom “imissu mqar tarf il-mantar”, u jfiqu. Ma kinux jiltaqgħu miegħu, jispjegawlu x’għandhom, u mbagħad ifejjaqhom; jew inkella Ġesù jmisshom. Kien hemm mirakli fejn Ġesù mess lin-nies u fejjaqhom, imma f’dal-każ kienu jitolbu li mqar imissu tarf il-mantar.
Dan ifakkarni fi ġrajja oħra li jirrakkonta San Mark ftit qabel meta kien hemm mara li kienet ilha tnax-il sena marida, u b’ebda tama li tfiq, u kienet hemmhekk meta kien għaddej Ġesù b’folla ta’ nies, u din il-mara li kien emarġinata minħabba l-kundizzjoni tagħha, qalet: “Jekk immiss imqar tarf il-mantar, infiq”. Id-differenza hi li din ma talbitux il-permess; dawn in-nies talbuh biex jippermettilhom biex imissu tarf il-mantar. Din il-mara kellha fidi kbira, u Ġesù fejjaqha u faħħar il-fidi tagħha.
Din tfakkarni f’dak li hemm fil-ktieb tan-Numri, kapitlu 15, fejn il-Mulej jgħid lil Mosè biex jordna lil ulied Iżrael ħalli jdendlu mat-tarf tal-mantar tagħhom ġmiemen, bi skop partikulari: biex meta jħarsu lejhom jiftakru fil-liġijiet ta’ Alla u jħarsuhom, u qalbhom ma tiġrix ’il bogħod minn dak li jrid Alla. Ara issa meta hemm Ġesù hi differenti. It-tarf tal-mantar tiegħu hu sinjal tal-imħabba, li tiġbor fiha l-liġijiet kollha, kif qalilna Ġesù; u min mhux biss jara imma jmiss tarf il-mantar, jirċievi l-imħabba ta’ Alla permezz ta’ Ġesù, jirċievi l-fejqan.
Lilna wkoll Ġesù jrid li jagħtina l-fejqan. Kultant mhux fejn naħsbu aħna li għandna bżonn, imma fejn verament għandna bżonn. Hemm fejqan fiżiku li jagħti Ġesù; hemm fejqan minn ġewwa, fejn jagħtina l-paċi fil-qalb li tant ikollna bżonn; hemm fejqan fir-relazzjonijiet mal-oħrajn. Ġesù lest li lilna jfejjaqna jekk aħna nersqu lejh b’din il-fidi. M’hemmx għalfejn ħafna pretensjonijiet żgur, u lanqas spjegazzjonijiet, imma din il-fidi ta’ min imiss tarf il-mantar; u Ġesù jagħtina dak li għandna bżonn verament fil-ħajja tagħna.
Nitolbuh illum għalina biex ifejjaqna fejn għandna bżonn il-fejqan. Nitolbuh għall-morda tagħna, speċjalment dawk li huma morda bħalissa bil-virus tal-Covid-19, imma wkoll ħafna morda oħra li għaddejjin minn tbatija proprju minħabba dis-sitwazzjoni li qed ngħixu fiha. Nitolbuh għalihom, biex il-Mulej jagħtihom l-għajnuna sħiħa li għandhom bżonn, u biex jgħinna ħalli aħna nieqfu ma’ min għaddej minn tbatija, ngħinu lil min b’xi mod jew ieħor għandu bżonn l-għajnuna tagħna, u ngħinuhom speċjalment biex jersqu lejn Ġesù u jmissu mqar tarf il-mantar tiegħu b’dik il-fidi li kienu jersqu biha dawn in-nies.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju