-
-
L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
-
Kappella tal-Isptar Mater Dei, Tal-Qroqq
8 ta’ April 2018“Rajna lill-Mulej” (Ġw 20, 25). Hekk qalu d-dixxipli lil Tumas it-Tewmi, li ma kienx magħhom meta fil-jum tal-Għid, fil-jum tal-irxoxt tiegħu ġie f’nofshom. “Rajna lill-Mulej”.
Ir-risposta tiegħu kienet risposta li baqgħet magħrufa u famuża: “Jekk ma narax f’idejh il-marka tal-imsiemer u ma nqigħedx sebgħi fuq il-marka tal-imsiemer u idi fuq ġenbu, jiena ma nemminx” (v. 25). Tumas hawnhekk isir il-patrun tax-xjenzjati kollha, li jekk ma jarawx ma jemmnux, li l-metodu tagħhom ġustament huwa metodu empiriku: li biex tikkonkludi xi ħaġa jrid ikollok evidenza li tista’ tkejjilha, taraha u tista’ titkellem dwarha b’mod pożittiv.
L-evidenza tal-fidi hija differenti. Ġesù, fil-konklużjoni ta’ dan l-Evanġelju, jgħid: “Ħenjin dawk li ma rawx u emmnu” (v. 29) u hija l-beatitudni, il-barka, tagħna lkoll, ta’ kull wieħed u waħda minna, għax aħna ma rajniex lill-Mulej irxuxtat imma nemmnu fih.
“Rajna lill-Mulej”. Il-ħsieb li nixtieq inħalli f’dan il-jum qaddis tal-Ħadd tal-Ħniena Divina hekk kif ninsabu f’dan il-post ta’ tbatija, ta’ kura u ta’ fejqan, hu li naraw lill-Mulej f’xulxin, naraw ’l Mulej fil-pazjenti tagħna. Jekk illum aħna rridu mmiddu jdejna lejn il-pjagi ta’ Ġesù, ejjew immiddu jdejna biex ngħinu lill-pazjent. Meta jkollok bżonn intervent kirurġiku, il-pjagi jiġu weħidhom. Mhux qed nirreferi għal ta’ Patri Piju jew għal tal-Mulej Ġesù.
L-aħħar darba li ltqajt mal-Papa Franġisku qalli: “Inti kif inti?” Għidtlu: “Għandi erba’ toqbiet u semmejthom għall-Evanġelisti: Mattew, Mark, Luqa u Ġwanni”. Qalli: “Jien għandi farret hekk!” Kulħadd, meta jkollu intervent kirurġiku jibqgħalu xi marka. Imma l-pazjenti li qegħdin hawnhekk għandhom pjagi fir-ruħ, fil-ġisem, fil-psike tagħhom. Il-Mulej qed isejħilna biex innewlu jdejna, l-id tal-faraġ, l-id tal-mediċina u tax-xjenza, tal-kura, anke dik palljattiva, meta dak li jkun ikollu bżonn dak it-tip ta’ intervent u mediċina. U hawnhekk fejn immissu l-pjagi ta’ Ġesù, hemm bżonn ukoll narawh fil-fidi u naraw ukoll l-irxoxt tiegħu.
Ħafna drabi qabel nidħlu f’dal-post il-ħajja tagħna jkollha xefaq wieħed biss: dak li naraw u mmissu b’idejna kuljum, imma f’dan il-post nirrealizzaw li l-ħajja ma jistax ikun tintemm b’dak li qed naraw hawnhekk. Ġo fina hemm istint qawwi li jipperswadina li ma jistax ikun li l-ħajja tispiċċa hawnhekk; li dan it-taħbit kollu u l-inkwiet għal dawn l-erbat ijiem. U dak li qal u wiegħed Ġesù jibda jagħmel ħafna u ħafna sens. Min hu dak li jegħleb lid-dinja jekk mhux min jemmen li Ġesù hu l-Iben ta’ Alla? L-ikbar rebħa tal-bniedem hija din: li jemmen u jafda f’Ġesù.
Illum nitolbu u ninvokaw il-ħniena tiegħu fuq kull persuna li għandha bżonn il-kura f’dan il-post, imma nitolbu ħafna wkoll għall-istaff, għall-istaff mediku, l-istaff anċillari ta’ dan l-isptar biex hawnhekk ikun dejjem ambjent ta’ fejqan, fejn il-ħarsa ta’ mħabba li nagħtu lil xulxin, anke jekk ma tfejjaqx il-ġisem, tagħti balzmu u faraġ lir-ruħ.
U din tkun tassew opra tal-ħniena. Ma nistgħux aħna ma nfakkrux l-opri tal-ħniena fil-jum tal-ħniena u li żżur lill-morda. Li tikkurahom u tieħu ħsiebhom hija waħda mill-aqwa opri tal-ħniena. U għalhekk il-barka ta’ Alla tkun fuq dan il-post qaddis, imqaddes bit-tbatija, imma wkoll fuq kull min qed jagħti ħajtu b’mod professjonali biex dan il-post ikun tassew post ta’ fejqan.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta -
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Atti 4, 32-35
Salm: 117 (118), 2-4.16ab-18.22-24
Qari II: 1 Ġw 5, 1-6
Evanġelju: Ġw 20, 19-31
-
-
-
-
-
-
-
-
Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni Kurja – Ian Noel Pace