L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“X’għandi nagħmel biex nikseb il-ħajja ta’ dejjem?” (Mk 10:17) Din hija l-mistoqsija li għamel dan ir-raġel lil Ġesù, kif rajna llum fl-Evanġelju skond San Mark. L-Evanġelju jgħid illi dan mar jgħaġġel, inxteħet għalkupptejh, u għamillu din il-mistoqsija. Kellu ħerqa biex ikun jaf x’għandu jagħmel biex jikseb il-ħajja ta’ dejjem.
Din hija mistoqsija importanti ħafna. Aħna nemmnu li hemm il-qofol: li aħna naħsbu tassew mhux biss f’din il-ħajja ta’ issa, is-snin li ngħixu hawn, imma fil-ħajja li tibqa’, li tmur lil hinn għall-ħajja ta’ dejjem. U għalhekk dan ir-raġel għamel mistoqsija importanti ħafna li tajjeb li aħna lkoll nagħmluha fil-ħajja tagħna u nieqfu tassew nirriflettu fuqha.
Minn fejn jibda
“X’għandi nagħmel biex nikseb il-ħajja ta’ dejjem?” Ir-risposta illi ta Ġesù tgħodd mhux biss għal dan ir-raġel, imma wkoll għalina. Jien nixtieq nara kif Ġesù jwieġeb u l-messaġġ li jagħti lilna llum permezz ta’ dan l-Evanġelju.
L-ewwel ħaġa li għamel Ġesù hu illi jsemmilu l-kmandamenti. Minn hemm jitlaq. Qed jgħidlu: biex tikseb il-ħajja ta’ dejjem l-ewwel ħares il-kmandamenti. Ma qallux Ġesù: jekk trid tikseb il-ħajja ta’ dejjem, imxi skont dak li tħoss. Jew inkella: Imxi skond kif l-oħrajn qed jagħmlu, għamel bħalhom, biex tikseb il-ħajja ta’ dejjem. Imma jsemmilu l-kmandamenti u jitlaq minn hemm. U dan diġà huwa messaġġ importanti għalina, għaliex minn hemm irridu nitilqu.
Il-kmandamenti ta’ Alla, dak li jssemmi Ġesù hawnhekk, juruna minn xiex għandna noqogħdu attenti biex nistgħu aħna ngħixu tajjeb u nħallu lill-oħrajn jgħixu tajjeb ukoll. Huma bażiċi għall-ħajja flimkien fis-soċjetà. Jekk naħsbu ftit, nindunaw kemm il-kmandamenti ta’ Alla jgħinu biex ikollna soċjetà ta’ rispett veru lejn xulxin, lejn id-dinjità tal-ħajja ta’ xulxin, u nghixu ħafna aħjar.
Kultant tisma’ min jgħidlek fuq il-kmandamenti: isma’, inti temmen f’Alla, imxi mal-kmandamenti; jien ma nemminx, ħallini nimxi kif irrid! Imma aħna nafu li anke l-kmandamenti li jsemmi Ġesù hawnhekk huma importanti għas-soċjetà. Jekk jgħid la toqtolx, la tisraqx, la tixhidx fil-falz, ma jgħoddux biss għal min jemmen f’ Alla, u min ma jemminx jista’ allura joqtol, jisraq, u jixhed falz! Għalhekk tajjeb nifhmu kemm huma importanti dawn anke għall-ħajja ta’ issa. Imma Ġesù jsemmihom ukoll bħala l-ewwel pass għall-ħajja ta’ dejjem.
Stedina għal-libertà
Imbagħad Ġesù jmur lil hinn meta dan ir-raġel jgħidlu: “jiena dan kollu ilni nħarsu minn żgħożiti” (Mk 10:20). Ġesù jgħidu ħaġa oħra, jagħmillu sejħa radikali għalih, imma jagħmilha għaliex Ġesù jagħraf il-qalb tal-bniedem u jagħraf fejn kellu l-aktar bżonn. Għalhekk jgħidlu b’ħarsa ta’ mħabba: “Mur bigħ li għandek, agħtih lill-fqar u jkollok teżor fis-sema, imbagħad ejja u imxi warajja” (Mk 10:21). Kienet stedina li Ġesù għamillu għax ried l-aqwa ġid lilu. U nafu r-reazzjoni ta’ dan ir-raġel illi “qarras wiċċu u telaq qalbu sewda” (Mk 10:22). L-Evanġelju jgħid: “għax kellu bosta ġid” (Mk 10:22).
Dan ir-raġel segwa l-kmandamenti ta’ Alla imma ma għarafx li l-kmandamenti mhux sempliċiment obbligi biex timxi magħhom u daqshekk, imma hemm l-imħabba li trid tmexxina aħna u nsegwu l-kmandamenti ta’ Alla, u l-qalb tagħna tkun mimlija biha u mhux b’ affarijiet oħra. Dan ir-raġel kellu qalbu marbuta mal-ġid u għalhekk ebda spazju għall-imħabba ta’ Alla li tmexxih biex jaħseb ukoll fl-oħrajn. Fil-fatt innutaw ir-risposta tiegħu meta Ġesù semmielu l-kmandamenti, qallu: “Dan kollu ilni nħarsu minn żgħożiti”. Meta qallu biex ibigħ ġidu u jagħtih lill-fqar, ma qallux: il-fqar ili ngħinhom minn żgħożiti. Ma qallux hekk! Għalih qisu l-oħrajn u il-ħtiġijiet tagħhom ma kinux jeżistu. Ġesù riedu jifhem illi l-qalb għandha timtela b’din l-imħabba li tagħmlek ħafna iktar liberu u libera, u li tghinek biex taħseb tassew fl-oħrajn.
Mhux mażżra ma’ għonqna
Dan huwa l-messaġġ importanti għalina lkoll illum. L-ewwel nett Ġesù jridna ngħixu ħajja ħielsa u għalhekk li nagħrfu l-ġid li għandna nużawh tajjeb, imma li jħallina ħielsa, mhux li nkunu skjavi tiegħu, mażżra ma’ għonqna li ma tħalliniex ngħixu tassew fl-imħabba ta’ Alla, fl-imħabba lejn l-oħrajn.
Iridna wkoll li naħsbu tassew fl-oħrajn. Innutaw illi hawnhekk Ġesù mhux qed jitkellem fuq il-ġid miksub ħażin – il-ġid miksub minn frodi, minn korruzzjoni, bil-qerq ta’ ħaddieħor. Mhux qed jitkellem fuq dan. Dan huwa ħażin, u hu ovvju li huwa ħażin; kellu bżonn ikun dejjem ovvju li huwa ħażin għal kulħadd! Imma Ġesù jitkellem fuq il-ġid miksub tajjeb imma li jista’ jfixklek ukoll fil-ħajja għax ma jħallikx liberu – tkun skjav tiegħu int – u għax ma jħallikx taħseb tassew fl-oħrajn, f’dawk li huma fil-bżonn.
Meta aħna l-ġid nużawh biex ngħinu lil min hu fil-bżonn, hemmhekk nindunaw kemm inkunu aktar bil-paċi f’qalbna u kemm tassew Ġesù jagħtina l-grazzja li ngħixu ħielsa. Irridu niftakru illi meta l-Mulej isejħilna fl-aħħar ta’ ħajjitna, m’aħniex se nieħdu magħna l-ġid li akkumulajna matul is-snin. Dak se nħalluh hawn. Nieħdu magħna l-ġid li għamilna ma’ ħaddieħor. Dak iva, il-ġid li għamilna mal-oħrajn iservina għall-ħajja ta’ dejjem.
Il-ħidma tal-Knisja ma taqta’ qatt
Dan jgħodd ħafna għalina individwalment, jgħodd ukoll għalina bħala komunità, bħala Knisja. Aħna nafu li l-Knisja għandha din is-sejħa: illi taħseb fl-oħrajn, taħseb f’dawk li huma fil-bżonn. Irrid ngħid kemm hawn ħidmiet fil-Knisja, fil-Knisja f’Malta, ta’ għajnuna lil dawk li huma fil-bżonn, il-fqar, dawk li b’xi mod għaddejjin minn tbatija. Kuljum u f’kull ħin issir din il-ħidma, fosthom membri tas-Soċjetà tal-MUSEUM li huma mifruxin Malta u f’diversi pajjiżi oħra. Xi wħud li qegħdin hawn għamlu snin ukoll missjunarji f’pajjiżi differenti. Il-ġid li jsir kontinwament ma’ dawk li huma fil-bżonn – hemm inkunu tassew qed nagħmlu dak li jrid minna Ġesù.
Irridu nsibu l-mezzi għal dan, u għalhekk dak li rajna fl-Ewwel Qari, fil-Ktieb tal-Għerf, huwa importanti: nitolbu lill-Mulej l-għerf u l-għaqal biex nagħrfu l-mezzi neċessarji li jgħinuna illum biex nagħmlu l-ħidmiet tagħna ma’ dawk li huma fil-bżonn. U nitolbuh lill-Mulej biex ikompli dejjem jagħtina dan l-għerf, din l-għajnuna, ħalli aħna nagħrfu kif il-ħidma tagħna tkun dejjem kif iridha hu: ta’ għajnuna għal dawk li huma fi bżonn, ta’ ġid li nagħmlu ma’ min għaddej speċjalment mit-tbatija, ħalli l-fqar u dawk li huma fil-bżonn, f’xi bżonn jew ieħor, dejjem issibu fil-Knisja l-għajn li minnha jixorbu ħalli tagħtihom tassew il-ħajja.
Ejjew nitolbu lill-Mulej illum, biex kif iridna hu, ngħixu tassew ħielsa, ninqdew bil-ġid li għandna b’mod li qatt ma nitilfu l-ġid li jibqa’ għal dejjem.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta