Nhar il-Ħadd 10 ta’ Novembru ngħatat bidu tal-Viżta Pastorali fil-Parroċċa tal-Imsida mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi. Dakinhar 22 adolexxent irċivew is-Sagrament tal-Griżma ta-Isqof u wara l-Isqof iltaqa’ ma’ dawk preżenti.

Messaġġ tal-okkażjoni mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joseph Galea-Curmi

Għeżież membri tal-parroċċa tal-Imsida, huwa ta’ ferħ kbir għalija li f’dawn il-jiem se niġi għall-Viżta Pastorali f’din il-parroċċa għażiża.

Il-parroċċa tagħkom, taħt il-ħarsien ta’ San Ġużepp, hija parroċċa li sentejn ilu ċċelebrat il-150 sena parroċċa. Il-Viżta Pastorali hi okkażjoni sabiħa ta’ ringrazzjament lil Alla għal tant ġid li sar tul is-snin mill-kappillani, is-saċerdoti u r-reliġjużi li servew f’din il-komunità, u minn tant nies oħra kollaboraturi f’din il-ħidma pastorali.

Għaxar snin ilu, fl-2009, kienet saret Viżta Pastorali mill-Arċisqof ta’ dak iż-żmien, Mons. Pawlu Cremona O.P. Fil-Viżta Pastorali li se tibda ftit ġranet oħra, nixtieq nara mill-qrib ir-realtà li qed tgħixu bħala komunità Nisranija llum, fid-dawl tal-iżviluppi li seħħew mill-aħħar Viżta Pastorali.

F’dawn il-jiem se niltaqa’ mat-tfal, mal-adolexxenti, mal-familji, mal-anzjani u mal-morda. Se niltaqa’ mar-reliġjużi u ma’ dawk kollha li qed jaħdmu u jagħtu sehemhom b’ħafna dedikazzjoni f’oqsma differenti ta’ ħidma għall-ġid tal-oħrajn. Fl-ewwel jum tal-Viżta Pastorali, se jkun hemm l-okkażjoni sabiħa taċ-ċelebrazzjoni tal-Griżma tal-Isqof lil numru ta’ adolexxenti minn din il-parroċċa.

Se jkollna l-opportunità nitolbu flimkien, nisimgħu lil xulxin, nagħrfu l-ħafna sabiħ u tajjeb li hemm u li nixtiequ naraw jiffjorixxi f’din il-komunità. Nistedinkom biex flimkien nidentifikaw l-isfidi u l-opportunitajiet ġodda fil-ħidma pastorali biex din il-ħidma tissaħħaħ u nwieġbu għal dak li qed jitlob minna l-Mulej illum.

Nixtieq li ż-żjara tiegħi fostkom tkun esperjenza sabiħa għalina lkoll u tgħinna biex ngħożżu l-ħajja bl-imħabba. Għal dan nixtieqkom titolbu, b’mod speċjali fil-ġranet ta’ tħejjija għal din il-Viżta Pastorali.

Il-Mulej iberikkom.

✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju

Il-Programm tal-Viżta Pastorali

IL-ĠIMGĦA 15 TA’ NOVEMBRU
9:00 am       L-Isqof iżur erba’ djar tal-anzjani li hemm fil-parroċċa
5:30 pm       L-Isqof jagħmel mixja mal-parroċċa flimkien mal-Arċipriet
7:15 pm       L-Isqof jiltaqa’ mal-operaturi pastorali fiċ-ċentru parrokkjali

IT-TNEJN 18 TA’ NOVEMBRU
5:30 pm       L-Isqof jiltaqa’ mat-tfal u l-adolexxenti fiċ-ċentru parrokkjali
6:15 pm      L-Isqof jiltaqa’ mal-katekisti fiċ-ċentru parrokkjali
7:00 pm      L-Isqof jiltaqa’ mal-membri tas-soċjetà ċivili fiċ-ċentru parrokkjali

IT-TLIETA 19 TA’ NOVEMBRU
11:30 am     L-Isqof iżur il-komunità tas-Sorijiet Franġiskani u wara l-iskola mmexxija mill-istess sorijiet

L-ERBGĦA 27 TA’ NOVEMBRU 
9:30 am       L-Isqof iżur l-istudenti u l-għalliema tal-iskola primarja

IL-ĦADD 1 TA’ DIĊEMBRU
10:15 am     L-Isqof jamministra s-Sagrament tal-Qrar fil-Knisja Arċipretali 11:00 am     L-Isqof jiċċelebra Quddiesa fil-Knisja Arċipretali u wara jiltaqa’ ma’ dawk preżenti

Aktar ritratti: knisja.mt/ritratti