L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Għala ma tiġġudikawx intom stess x’inhu s-sewwa?” (Lq 12:57) Dan hu li jgħid Ġesù llum lin-nies. Nafu li kien qed jgħidilhom kif in-nies kienu kapaċi jaraw is-sinjali tat-temp, u jgħidu li ġejja x-xita jew ġejja s-sħana, imma ma kinux kapaċi jaqraw is-sinjali taż-żmien (ara Lq 12:56). Hu hawnhekk li Ġesù jgħidilhom: “Għala ma tiġġudikawx intom stess x’inhu s-sewwa?”
Issa jista’ jkun jgħaddilna minn moħħna: hawn qed jgħidilhom lin-nies li għandhom jiġġudikaw, imma Ġesù ma kienx qal lin-nies “tiġġudikawx, biex ma tkunux iġġudikati” (Mt 7:1)? Tajjeb, għalhekk, li nifhmu sewwa x’qed jgħid. Meta Ġesù qal “tiġġudikawx”, kien qed jgħid: tiġġudikawx lin-nies, lill-persuni, kif huma quddiem Alla. Kien qed jgħid: dak il-ġudizzju ħallih f’idejn Alla. Imma hawn qed jgħid kemm hu importanti li aħna niġġudikaw “x’inhu s-sewwa”. Nixtieq li nieħu din is-sentenza u nirriflettu fuqha llum.
L-ewwel nett Ġesù qed jgħid fuq is-sewwa. Mela qed jgħidilna li hemm it-tajjeb u hemm il-ħażin. Mhux kollox xorta – kif isemmi San Pawl illum fl-Ewwel Qari (ara Rum 7:19). Għalhekk għandu dejjem ikollna f’moħħna u f’qalbna li rridu nagħżlu s-sewwa. Kultant tisma’ min jgħidlek: dik hi l-verità tiegħek, issa ħa nisma’ l-verità ta’ dan – qisu hemm ħafna veritajiet. Imma f’affarijiet fundamentali tal-ħajja, ma hemmx ħafna veritajiet. Jiġifieri, jekk aħna ngħidu “is-sewwa hu li tiddefendi u tipproteġi l-ħajja”, ma tistax tgħidli: “Imma jiena naħseb li għandek toqtolha; dak hu s-sewwa tiegħek, u dan is-sewwa ta’ ħaddieħor”. Mhuwiex hekk! Waħda hija tajba u l-oħra hija ħażina. Mela l-ewwel ħaġa li qed jgħid Ġesù hi: hemm is-sewwa u hemm il-ħażin. U għandna nagħżlu.
Ġesù jgħid: “għala ma tiġġudikawx…?” Dik il-kelma “tiġġudikawx” tfisser li aħna rridu nagħrfu u nagħżlu, mhux sempliċiment nimxu ma’ li nħossu. Kultant tismagħha din: “għax jiena hekk ħassejt, ħassejt li għandi nagħtih daqqa fuq wiċċu”. Allura tajba? Għandek tiġġudika, tagħraf x’għandek tagħmel. Għalhekk il-Mulej tana l-moħħ tagħna, u l-għajnuna min-naħa tiegħu, biex nistgħu nagħrfu x’inhu s-sewwa. Mhux sempliċiment nimxu ma’ li nħossu.
Lanqas li nimxu ma’ li qed jagħmel kulħadd. Għalhekk hu jgħid: “intom stess tiġġudikaw…” Mhux tgħid: “x’qed jagħmel kulħadd, ħa nagħmel bħalu?” Din tismagħha kultant: “mhux kulħadd hekk qed jagħmel?” Imma jekk kulħadd qed jagħmel ħażin, xorta ma għandekx tagħmlu. Għaliex x’qed jagħmel kulħadd qatt ma hu kriterju ta’ x’għandekx tagħmel. Ġesù għalhekk jgħidilna biex aħna ma nagħmlux sempliċiment bħall-oħrajn għax hekk qed jagħmlu. Ġesù jgħidilna mhux biex nagħmlu bħalhom, imma biex nagħmlu bħalu. Għalhekk hu importanti li aħna ħafna drabi niżnu sew jekk inkunux immexxijin minn x’qed jagħmel kulħadd. Illum hemm ħafna li jgħidulhom influencers. Jiġi żmien tkun din il-persuna, imbagħad jgħaddi ż-żmien tagħha, u jiġi ħaddieħor. Ma nistgħux aħna nimxu sempliċiment max-xejra taż-żmien, imma rridu nkunu kapaċi nagħżlu dak li hu sewwa.
Għalhekk, li qed jgħidilna Ġesù hawnhekk hu li hi responsabbiltà tagħna personali, il-kuxjenza tagħna, li mhix sempliċiment kif tħoss, imma li nagħrfu quddiem Alla, qisna aħna qegħdin waħedna quddiemu, biex nagħrfu nagħmlu l-ġudizzju li jogħġob lilu. U hemm inkunu qegħdin nagħmlu tassew ġudizzju sewwa. Nitolbu lill-Mulej jagħtina din il-grazzja li aħna nagħrfu nagħżlu t-tajjeb mill-ħażin, u l-qawwa biex nagħmlu tassew dak li jogħġob lilu.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta




