L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Kemm jiswa ta’ ġid meta aħna dil-kelma ta’ Ġesù ngħixuha! Ġesù jgħid “tiġġudikawx” (Mt 7:1). Jgħid li aħna ma għandniex niġġudikaw lill-persuni, il-qalb tagħhom, kif huma quddiema Alla. U jgħid x’jiġrilna kultant: li fil-ġudizzji tagħna, li ngħaddu bi kliemna jew anke f’moħħna – imma, ovvjament, l-ikbar ħsara ssir kultant bil-kliem – inkunu qed inħarsu lejn ħaddieħor, u naraw il-ħażin tiegħu jew tagħha, id-difett tiegħu jew tagħha, u ma nintebhux b’tagħna, bil-ħażin li għandna aħna. Għalhekk Ġesù qed jgħid lilna lkoll biex ma niġġudikawx.

Nifhmu għaliex. Għax aħna, meta niġġudikaw il-persuna, inkunu qegħdin ngħaddu ġudizzju minn dak li jidher minn barra. Ħadd minna ma jista’ jidħol fil-moħħ ta’ ħaddieħor, jew fil-qalb. Għalhekk kultant ngħaddu ġudizzju minn dak li naraw minn barra. Mentri Ġesù jrid li dal-ġudizzju nħalluh f’idejn Alla.

Għaliex? Għax hu ma jarax biss il-faċċata ta’ barra. Hu jara l-moħħ, il-ħsibijiet, l-intenzjonijiet tal-bniedem; u jagħraf il-qalb, il-profondità tal-qalb. Il-Mulej jagħraf iċ-ċirkustanzi kollha, li aħna kultant lanqas inkunu nafuhom fuq persuna – l-istorja tagħha, l-influwenzi tagħha, it-tbatija tagħha. Il-ġudizzju tal-persuna nħalluh f’idejn Alla.

Issa rridu nifhmu sew il-kliem ta’ Ġesù. Hawn qed jitkellem fuq ġudizzju tal-qalb tal-persuna, kif inhi quddiem Alla. Imma, meta Ġesù jgħid “tiġġudikawx”, ifisser ukoll li aħna, meta nħarsu lejn id-dinja, ma nagħrfux nagħżlu bejn it-tajjeb u l-ħażin, u ngħaddu ġudizzju fuq dak li hu tajjeb u dak li hu ħażin? Jekk, per eżempju, int tara xi ħaġa li hi tassew ħażina – ħa nsemmi abbuż, korruzzjoni, vjolenza – int għandek tgħid “ma niġġudikax”, u tibqa’ għaddej, tagħmel li qed tagħmel? Speċjalment, jekk inti għandek responsabbiltà tal-persuni li qed tarahom jagħmlu dak li hu ħażin? Le, mhux hekk qed jgħid Ġesù. Ġesù qed jgħid, anzi, li aħna għandna dejjem ir-responsabbiltà li nagħżlu bejn dak li hu tajjeb u dak li hu ħażin, jiġifieri bejn l-azzjonijiet li huma tajbin u dawk li huma ħżiena.

U għandna din ir-responsabbiltà li rridu nerfgħuha. Jiġifieri, jekk jiena nara sitwazzjoni ta’ abbuż, ta’ korruzzjoni, ta’ vjolenza, ma nistax jiena nagħlaq għajnejja biex ma narax, widnejja biex ma nismax, u ħalqi biex ma nitkellimx. Irrid nieħu passi mal-ewwel. Dik hi r-responsabbiltà tagħna.

Ma jfissirx li tagħmel dan bi spirtu ta’ vendikazzjoni, ta’ mibegħda. Lanqas xejn! Anzi tagħmilha b’imħabba lejn kulħadd, anke lejn il-persuna li hi responsabbli ta’ xi azzjoni ħażina. Għax inti, li tkun qed tagħmel hu biex twaqqaf dak li hu ħażin. Għandna bżonn nifhmuha din – li mhux l-affarijiet jibqgħu għaddejjin bl-iskuża li “jien ma niġġudikax”! Għalhekk għandna bżonn nifhmu sew il-kliem ta’ Ġesù. Li ngħaddu ġudizzju fuq dak li huwa tajjeb u ħażin hu essenzjali fil-ħajja. Li ma jridx huwa li l-persuna niġġudikawha, għax il-qalb tal-persuna kif inhi quddiem Alla, dik inħalluha f’idejn Alla. Ma ngħaddux ġudizzji fuq il-persuna.

Jekk jiena, per eżempju, xi ħadd jibda jkellimni fuq il-qtil, li f’ċerti ċirkustanzi li toqtol huwa tajjeb, jew li toqtol lilek innifsek jew lil ħaddieħor huwa tajjeb, ma nistax ngħid “jiena ma niġġudikax”! Ħażin. Il-qtil huwa ħażin.

Nitolbu lill-Mulej biex jagħtina dan l-għerf u anke din il-qawwa biex aħna nkunu kapaċi nagħżlu bejn it-tajjeb u l-ħażin, niġġudikaw bejn it-tajjeb u l-ħażin, imma qatt ma niġġudikaw il-persuna nnifisha kif inhi quddiem Alla. Dik inħalluha għalih, il-ġudizzju tagħha nħalluh f’idejh.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta