-
-
Nhar is-Sibt 9 ta’ Mejju 2015, l-Arċisqof Charles J. Scicluna żar il-Parroċċa tas-Swatar. L-Arċisqof bierek l-uffiċċju parrokjali l-ġdid u ċċelebra Quddiesa fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Ġorġ Preca.
-
L-Omelija tal-Arċisqof
-
-
Knisja Parrokjali tas-Swatar
9 ta’ Mejju 2015
Għeżież parruċċani tas-Swatar,
Il-qari li għadna kemm smajna jfakkarna li aħna midjunin ħafna mal-Ispirtu tal-Mulej li għandu l-qawwa jittrasforma d-dgħjufija tagħna u permezz tagħna jagħmel minna ħwejjeġ kbar.
Meta intom tħarsu lejn il-patrun tal-parroċċa tagħkom, San Ġorġ Preca, it-tifel ta’ Vincenzo u ta’ Natalina Ceravolo, intom taraw bniedem miksi bid-dgħjufija. Taraw ukoll bniedem marradi, b’pulmun wieħed. Niftakar illi, meta fis-sena 2000, b’sigriet kbir, fis-satra tal-lejl ħadna l-fdalijiet ta’ San Ġorġ Preca l-Isptar San Luqa biex nagħmlu CT scan, sibna li San Ġorġ Preca għadu sħih. L-eżamijiet urew li l-organi interni kienu għadhom sħah. It-tabib li kien qed jagħmel is-CT scan qalli: “Imma Dun Ġorġ kellu pulmun wieħed minnhom li kellu xi residwu, kellu xi problemi fih?” Għidtlu: “Iva, kellu pulmun wieħed għax l-ieħor kien maradlu u ma baqax jiffunzjona minħabba t-tuberkolożi”. Din id-dgħjufija ta’ Dun Ġorġ għadha tidher.
Meta tħares lejn Dun Ġorġ, tiltaqa’ ma karattru nervuż. Min xi darba minnom wieħed minnkom jitlagħlu, għid għandu minn Dun Ġorġ Preca. Kien bniedem pjuttost fokuż. Meta mbagħad tarah fil-kapulavur li għamel bih il-Mulej, tinsa d-dgħjufija u tara qawwa straordinarja. Tilmah fih bniedem li kien kapaċi jikkontrolla n-nervi tiegħu, kultant anke n-nuqqas ta’ paċenzja tiegħu, u jitratta man-nies bi ħlewwa kbira. Il-qdusija ta’ Dun Ġorġ ma kienetx tiegħu mit-twelid, imma f’ Dun Ġorġ Alla sab qalb ġeneruża li ħalliet l-Ispirtu qaddis tal-Mulej jagħmilha ħolqien ġdid, bħalma smajna fis-Salm Responsorjali (S 119, 33-42).
Il-Mulej jagħmel kollox ġdid, jekk aħna nħalluh. Afda fil-Mulej u jagħmel Hu! Pero nistaqsu, x’jirrikjedi minna l-Mulej? Neħtieġu biss li nieħdu deċiżjoni, li nagħmlu pass biex ngħidulu ‘f’idejk Mulej’. Ħu kollox minn idejn il-Mulej. San Ġorġ Preca kien iħobb jgħid: “m’hemmx kumbinazzjoni, kollox providenza, ejjew nilqgħu kollox minn idejn il-Mulej, ħu kollox minn idejn il-Mulej”.
Ħa ngħidilkom storja li m’ għandhiex x’taqsam ma Dun Ġorġ. Il-bieraħ mort il-knisja tal-Ġiżwiti u Mons Philip Calleja, ir-rettur tal-knisja għaddieni mill-oratorju tal-Kunċizzjoni fejn hemm kwadru ta’ San Ġorġ Preca. Urieni żewġ affarijiet u qalli: “Hawnhekk Dun Ġorġ waqqaf is-soċjetà tiegħu”. Għaliex Dun Ġorġ jgħid li meta ġieh il-ħsieb li jwaqqaf is-soċjetà tiegħu, mar għand il-konfessur tiegħu li kien ikollu l-konfessinarju f’dak l-oratorju tal-Ġizwiti u qallu: “Sinjur, ġieni dan il-ħsieb”. U Dun Ġorġ qal li jien kont lest li kieku jgħidli insih, kont inwaqqaf kollox, ma nibdihx”. Imma dan qallu: “mur u agħmel dak li hemm fil-qalb tiegħek”.
F’dan l-oratorju hemm ukoll Ecce Homo sabih bil-kuruna tax-xewk u bil-mantar aħmar u virga tal-qasab, imma meta tkun statwa devota din il-virga tkun tad-deheb. Darba mar wieħed ikellem saċerdot u qallu: “Sinjur, għandi problemi kbar”, forsi kellu id-dejn, qallu: “ma nafx x’se naqbad nagħmel bija nnifsi, għandi bżonn il-flus”. U dan il-konfessur qallu: “mur itlob quddiem l-Ecce Homo u ħu kollox minn idejn is-Sinjur”. Dak qabad il-virga tad-deheb u ħadilu, għax kien qallu jieħu kollox minn idejn is-Sinjur! Sarrafha u l-problemi tiegħu solvihom. Jien mhux qed nagħtikom ideat, imma almenu tibqgħu tiftakru li tieħdu kollox minn idejn is-Sinjur, imma mhux il-virga tad-deheb!
San Ġorġ Preca jekk tħares lejh fid-dgħjufija tiegħu tgħid li m’għandu xejn speċjali. Jekk tħares lejh fil-kapolavur li għamel fih l-Ispirtu Qaddis tal-Mulej, tara ħaġa kbira. X’inhu l-messaġġ ta’ Dun Ġorġ għalina din is-sena? L-ewwelnett nitgħallmu minnu ngħożżu ħafna d-don tal-manswetudni u tal-umiltà. Hu kien jinsisti ħafna fit-tagħlim tiegħu, għax kien jgħid li dawn huma ż-żewġ virtujiet tal-qalb ta’ Ġesu, u Ġesu qalilna: ” itgħallmu minni għax jien ta’ qalb ħelwa”, ma nżommnx għad-deni, “u umli”. Hu kien jgħid dan mhux biss bħala eżortazzjoni imma bħala kmand, għaliex jekk aħna ma naħfrux ‘il min hu ħati għalina lanqas il-Mulej ma jaħfrilna, kliem ta’ Ġesu. U dwar l-umiltà kien jgħid li jekk ma nkunux umli, Alla ma jkunx jista’ jagħtina l-għajnuna tiegħu għax ngħalqulu l-bieb. Bis-suppervja tagħna aħna nagħlqulu l-bieb lill-Mulej, imma bl-umiltà tagħna ngħidulu li għandna bżonnu l-Mulej u bħal San Ġorġ ngħidulu: “grazzi Sinjur Alla, aħfirli Sinjur Alla”. B’ dan it-talb li għallimna San Ġorġ Preca aħna nifħtu l-bieb għad-doni ta’ Alla.
Qed nara komunità żagħżugħa. Nirringrazzja l-ġenituri għax meta nara ż-żgħażagħ u t-tfal, il-ħsieb tiegħi jmur fil-ġenituri li b’dedikazzjoni jieħdu ħsieb it-tfal u ż-żgħażagħ tagħna, li mhumiex il-futur imma l-preżent. U jiena nawgura din il-komunita li tikber, titkattar u anke jkollha rikonoxximent ċivili li jistħoqqilha. Jiena nixtieqkom ukoll tinbnew f’komunità, mhux kwestjoni ta’ bandalori jew ġigġifogu, imma festa bejnietkom bħalma se tagħmlu l-lejla. Dik hija l-iżjed ħaġa importanti, li tiltaqgħu flimkien bħala familji għax aħna kulħadd jaħdem u lanqas għandna ċans għall-affarijiet importanti fil-ħajja tagħna. Hemm bżonn imma li jkollha iktar żmien, nieqfu u ngħinu lil xulxin biex nikbru fl-imħabba ta’ bejnietna, fil-maħfra ta’ bejnietna, fil-paċenzja. Hekk nitgħallmu nieħdu paċenzja b’xulxin biex ikollna l-paċi fil-qalb tagħna u bejnietna. Nagħmlilkom ħafna kuraġġ u navdakhom b’ferħ kbir f’idejn qaddis kbir, mhux għax twieled perfett imma għax Alla għaġnu u permezz tiegħu, minkejja d-dgħjufija ta’ San Ġorġ Preca, il-Mulej għamel ħwejjeġ kbar.
✝ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
-
-
Ritratti: Joseph Amodio u Kevin Kiomall