L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Ilkoll laqgħu kliemu u stagħġbu għall-kliem mimli ħlewwa li kien ħiereġ minn fommu” (Lq 4:22). Din kienet l-ewwel reazzjoni tan-nies dak inhar li Ġesù daħal fis-sinagoga, tawh il-ktieb tal-Profeta Isaija, u hemm sab dik is-silta li qara u li applikaha għalih. Kienet silta li titkellem fuq il-missjoni tiegħu.
In-nies semgħuh u lkoll laqgħu kliemu u stagħġbu bil-kliem mimli ħlewwa tiegħu. Hemmhekk, meta Ġesù qabad din is-silta, kien proprju qed ifisser x’inhi l-missjoni tiegħu: li hu kkonsagrat biex iħabbar il-ħelsien lill-imjassrin, iwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin, id-dawl mill-ġdid lill-għomja, il-ħelsien lill-maħqurin (ara Lq 4:18). Qed jgħid: l-Aħbar it-Tajba hi aħbar verament tajba illi ġġib bidla, trasformazzjoni, li teħles lill-bniedem u tagħtih ħajja ġdida. U dik hi l-missjoni li għaliha ġie.
Jolqotna mbagħad f’dan ir-rakkont kif wara din ir-reazzjoni pożittiva, u pożittiva ħafna, tan-nies għall-kliem li semgħu minn Ġesù, f’daqqa waħda naraw li nbidlet is-sitwazzjoni. L-Evanġelju jgħid li “kulħadd imtela bil-korla” (Lq 4:28). Qamu, u ħarġuh ’il barra mill-belt, u ħaduh fuq ix-xifer ta’ rdum tal-għolja biex jitfgħuh minn hemm fuq għal isfel. Dan kif f’daqqa waħda n-nies li “laqgħu kliemu” mtlew bil-korla, u mhux biss bil-korla, imma saru vjolenti, riedu jeliminawh? X’ġara?
Ġesù kien qal xi kliem li insulentahom, jew xi kliem li b’xi mod jew ieħor weġġagħhom? Ma kienx dan żgur l-iskop ta’ Ġesù. Li għamel Ġesù hu li fisser aktar kif il-missjoni tiegħu hija għal kulħadd, għax Alla hu Alla ta’ kulħadd. Mhuwiex ta’ poplu wieħed jew ta’ razza waħda imma ta’ kulħadd. Għalhekk iġib dawk iż-żewġ eżempji – fi żmien il-profeta Elija, tal-armla minn Sarefta ta’ Sidon, u fi żmien il-profeta Eliżew ta’ Nagħman tas-Sirja – li juruk kif il-ħidma ta’ Alla waslet għand min ma kienx parti mill-poplu ta’ Israel imma ’l barra minnu biex juri li Alla huwa Alla ta’ kulħadd. Kienet din li ġabet ir-reazzjoni hekk kbira u vjolenti ta’ dawn in-nies, għax għalihom, huma li kienu l-“poplu ta’ Alla” kienu jifhmu li Alla hu Alla tagħhom, mhux ta’ ħaddieħor. Tagħhom biss.
Din il-Kelma ta’ Alla għandha ħafna x’tgħidilna għall-ħajja tagħna llum. Ħa nsemmi żewġ affarijiet li jolqtuna fil-fond. L-ewwel nett, irridu nemmnu li Alla hu Alla ta’ kulħadd. Mhuwiex Alla ta’ razza waħda jew ta’ poplu wieħed jew ta’ kulur wieħed tal-ġilda, imma Alla hu Alla ta’ kulħadd u għal kulħadd. Bħala dixxipli ta’ Ġesù, aħna msejħin biex inwasslu lin-nies għandu, u biex ngħinu lil kulħadd, hu min hu u hi min hi. Għalhekk ma jagħmilx sens jekk fi ħdan din il-komunità, li hi l-Knisja, inkunu “aħna” u “huma”, “magħna” u “kontrina” bħalma ġieli jkun hemm – pika, ġlied, konflitti fi ħdan l-istess komunità, anke f’komunita li hi parroċċa. Din ma tagħmilx sens għax Alla hu Alla għal kulħadd. Meta nqimu l-qaddisin tiegħu, dan hu l-messaġġ li wasslu: li Alla hu Alla ta’ kulħadd. It-tieni messaġġ importanti għall-ħajja tagħna hu dan. Ġesù x’għamel? Ġesù ma fittixx li jkun popolari imma li jaqdi b’fedeltà l-missjoni tiegħu. Kieku ried ikun popolari, kien jieqaf mal-ewwel biċċa meta qalilhom kliem li għoġobhom, kliem “mimli ħlewwa”, u laqgħu kliemu. Imma Ġesù ried iwassal il-verità sħiħa anke jekk kien jaf li se toħloq f’reazzjoni fost nies li ma jaċċettawx il-verità sħiħa. Ġesù ma beżax jgħid il-verità sħiħa anke jekk kien hemm din ir-reazzjoni. Ma fittixx li jingħoġob imma fittex li jgħid il-verità b’fedeltà.
Nitolbu lill-Mulej il-grazzja l-ewwel nett li aħna nilqgħuh u nilqgħu l-Kelma tiegħu bil-qalb, speċjalment dil-Kelma li jgħidilna li Alla hu għal kulħadd u ta’ kulħadd; imbagħad li aħna nwassluh, u nwassluh b’fedeltà. Bħalma għamel hu, hekk nagħmlu aħna: li l-kliem tagħna jkun kliem li jwassal in-nies għandu, u kliem li jgħid il-verità b’fedeltà.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta