
L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Għeżież ħuti u b’mod tassew speċjali insellem lilkom, għeżież koppji li matul is-sena li għaddiet, l-2025, iċċelebrajtu l-misteru kbir u sabiħ tas-sagrament taż-żwieġ, illum il-Knisja tiċċelebra waħda mill-aktar festi profondi tas-sena liturġika: is-solennità tal-Epifanija tal-Mulej.
Il-kelma ‘epifanija’ tfisser manifestazzjoni, rivelazzjoni, dawl li jinkixef. Hu l-jum meta Ġesù Kristu ma jibqax rivelat lil ftit, imma juri lilu nnifsu lill-ġnus kollha, lill-bnedmin kollha, bla distinzjoni.
Il-Maġi, ġejjin minn pajjiżi u kulturi differenti (ara Mt 2:1) juru din ir-rivelazzjoni universali. Huma jissimbolizzaw il-qlub li ma jikkuntentawx bid-dlam, iżda jfittxu d-dawl; il-bnedmin li ma jibżgħux iqumu, jitilqu, u jfittxu l-verità, bla ma qatt iħarsu lura.
U f’din il-festa tad-dawl, il-Knisja llum iddur b’mod speċjali lejkom, koppji miżżewġin ġodda, għax ukoll intom weġibtu sejħa, u wkoll intom bdejtu mixja li titlob fidi, kuraġġ u fedeltà.
Il-Kewkba
Il-Maġi ma ġewx imbuttati minn ordni jew minn obbligu. Ġew imqanqla minn sinjal: kewkba li dehret fis-sema (ara Mt 2:2) imma li kellmet lill-qalb. Din il-kewkba tirrappreżenta dak il-mument meta l-bniedem jinduna li hemm xi ħaġa akbar minnu li qed issejjaħlu.
Hekk ukoll iseħħ fil-vokazzjoni taż-żwieġ – u nixtieqkom tiftakru li tagħkom hi vokazzjoni, sejħa minn Alla. Qabel id-deċiżjoni, qabel il-wegħdiet, qabel il-ġurnata tat-tieġ, kien hemm għarfien profond: “Ma nistax nimxi waħdi. Din il-persuna hi rigal. Din il-mixja hi s-sejħa li għandi.”

Il-kewkba tagħkom kienet il-ħarsa li fehmet, il-kelma li tat il-paċi fil-qalb, il-preżenza li saret dar. Din is-sejħa ma kinitx sempliċement sentiment; kienet sejħa ta’ Alla, li għażel li jorbotkom flimkien bħala sinjal ħaj tal-imħabba tiegħu fid-dinja. Kienet sejħa għall-imħabba, sejħa għall-patt, sejħa biex timxu flimkien bħala raġel u mara.
Il-Mixja
Il-Maġi ma kinux jafu kollox. Ma kinux jafu kemm kienet twila t-triq, x’kien se jistennihom, jew fejn se twassalhom eżatt. Kienu jafu ħaġa waħda biss: kienu msejħin jimxu. Il-fidi vera dejjem tibda b’mixja.
L-istess fiż-żwieġ: ħadd ma jiżżewweġ billi jkun jaf kollox. Il-wegħdiet ma jitkellmux dwar ċertezza assoluta imma dwar fedeltà. Il-wegħdiet ifissru: jien se nibqa’ nimxi miegħek, anki meta t-triq kultant ma tkunx ċara.
Ħadd ma jiżżewweġ billi jkun jaf kollox. Il-wegħdiet ma jitkellmux dwar ċertezza assoluta imma dwar fedeltà.
Għeżież koppji, l-ewwel sena taż-żwieġ tagħkom probabbilment qed tiftaħ quddiemkom veritajiet ġodda: dwar xulxin, dwarkom infuskom, u dwar xi jfisser verament li tħobb. L-Epifanija tfakkarna li Alla ma jurix kollox f’daqqa imma jagħti biżżejjed dawl għal kull pass. U dak id-dawl ħafna drabi jgħaddi permezz tal-persuna li timxi ħdejk.

Il-Prova
L-Evanġelju jippreżenta stampa onesta. Jgħidilna li l-kewkba sparixxiet għal mument. U l-Maġi sabu ruħhom f’Ġerusalemm, mitlufin, jistaqsu, ifittxu. Dan mhux dettall sekondarju. Hu messaġġ profond għall-ħajja tagħna.
Anki fiż-żwieġ hemm mumenti fejn id-dawl jidher li jmajna: meta l-entużjażmu jonqos, meta l-komunikazzjoni ssir tqila, meta l-ġranet isiru ripettitivi, meta l-aspettattivi ma jiltaqgħux mar-realtà. Huma mumenti ta’ għeja, ta’ nuqqas ta’ ftehim, ta’ diżappunt, jew ta’ silenzju.
Imma proprju hemmhekk, fil-konfużjoni, il-Maġi jerġgħu lura għall-Kelma. Jisimgħu l-Iskrittura. Jifhmu li Alla mhux biss jitkellem bis-sinjali, imma wkoll bil-Kelma tiegħu.
Għeżież koppji, meta d-dawl jidher moħbi, titilfux il-kuraġġ. Dak jista’ jkun il-mument meta Alla qed jistedinkom għal imħabba aktar matura, aktar purifikata, aktar fidila, imħabba li jkollha l-għeruq fil-Kelma tiegħu.

Id-Dar
Meta fl-aħħar il-Maġi jaslu, ma jsibux tron, ma jsibux qawwa, ma jsibux trijonf. Isibu “dar” (Mt 2:11) – sempliċi u fqira. Isibu familja. Hawn Alla jagħmel rivelazzjoni oħra: Alla jagħżel li juri lil Ibnu fi ħdan il-ħajja tal-familja. Mhux fil-qawwa, mhux fl-ispettaklu, imma fir-relazzjoni. Il-glorja tiegħu tgħix fil-ħajja ta’ kuljum.
Iż-żwieġ hu l-post fejn Alla jħobb jgħammar.
Iż-żwieġ hu l-post fejn Alla jħobb jgħammar. Id-dar tagħkom issir post speċjali, spazju qaddis, fejn il-preżenza ta’ Alla tidher permezz tal-imħabba konkreta u inkarnata. Meta tkunu flimkien, meta tisimgħu lil xulxin, meta ssostnu lil xulxin, meta tgħidu kelma ta’ kuraġġ lil xulxin, meta taħfru lil xulxin, meta tieħdu ħsieb lil xulxin fid-dgħufija, hemmhekk Ġesù qed jerġa’ jiġi rivelat.
Kull dar Nisranija hija msejħa tkun Epifanija żgħira fid-dinja, manifestazzjoni ta’ din il-preżenza ta’ Alla.
Ir-Rigali
Il-Maġi ma jaslux b’idejhom vojta. Iġibu rigali li huma frott tal-imħabba u li huma profetiċi: “deheb, inċens u mirra” (Mt 2:11). Rigali li jitkellmu dwar l-identità u l-missjoni ta’ Ġesù – dwar min hu Ġesù u dwar x’se tkun il-mixja tiegħu. Deheb għax hu sultan, inċens għax hu Alla, mirra għax se jgħaddi mit-tbatija.

Iż-żwieġ ukoll hu mixja b’rigali li huma frott tal-imħabba. L-ikbar rigal li tagħtu mhuwiex dak li għandkom, imma dak li intom. Imħabba li xi kultant tgħaddi mis-skiet, mis-sabar, mill-għażla li tibqa’ ta’ appoġġ, mill-fedeltà anki meta ma jkunx faċli.
Il-mirra, ir-rigal tas-sofferenza, tfakkarna li l-imħabba ta’ Ġesù ma taħrabx mill-kruċifissjoni, imma tgħaddi minnha biex tasal għall-qawmien. L-imħabba kultant titlob sagrifiċċju li jwassal għal ħajja ġdida, għal imħabba aktar qawwija.
It-Triq
Il-Maġi, wara li ltaqgħu ma’ Ġesù, ma rritornawx kif kienu ġew. Irritornaw “minn triq oħra” (Mt 2:12). Għax min jiltaqa’ ma’ Ġesù qatt ma jibqa’ l-istess.
Għeżież koppji, is-sagrament taż-żwieġ ma bidilx biss l-istatus tagħkom; bidel il-mod kif tgħixu, kif tiddeċiedu, kif tħobbu.
Issa kull għażla hi magħmula flimkien. Kull ferħ hu maqsum. Kull salib jinġarr flimkien. Din it-triq il-ġdida, imdawla minn Ġesù, hija sejħa biex tkunu xhieda ta’ tama f’dinja li ħafna drabi titlef il-fidi fl-imħabba dejjiema.
Ix-xhieda
F’din is-solennità tal-Epifanija, il-Knisja tħares lejkom b’ringrazzjament u tama. Nirringrazzjawh għall-“iva” tagħkom, għall-kuraġġ u għax-xhieda tagħkom. Jalla Ġesù, li llum juri lilu nnifsu lill-ġnus, jibqa’ juri lilu nnifsu f’ħajjitkom ta’ kuljum, fid-dar tagħkom, fiż-żwieġ tagħkom. Jalla d-dar tagħkom tkun dejjem post fejn l-imħabba tiġġedded, it-tama tissaħħaħ, u l-fidi tgħix.

Jalla l-kewkba, li darba sejħitilkom, tibqa’ tiddi fid-dlam, tiggwidakom fil-konfużjoni, u twassalkom, pass wara pass, għall-milja tal-imħabba li ma tispiċċa qatt. Jalla ż-żwieġ tagħkom jibqa’ sinjal li l-imħabba fidila u li tibqa’ tul il-ħajja għadha possibbli, għadha sabiħa, u għadha ta’ min jagħżilha.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju




