L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Almenu għal darba Ġesù jiltaqa’ ma’ avukat bravu imma li xorta kellu bżonn jitgħallem xi ħaġa mingħand Ġesù. Dan l-avukat, dan l-għaref tal-Liġi, kellu fih ix-xewqa li għandna lkoll kemm aħna: “Kif nagħmel biex niret il-ħajja ta’ dejjem” (Lq 10:25). Dan ir-raġel, dan l-avukat, mhux biss ried jgħix imma ried jgħix għal dejjem. Ġesù juża l-għerf tiegħu u jgħidlu: “Fil-Liġi x’hemm miktub? Inti x’taqra fiha?” (ara Lq 10:26).

Dan l-avukat bravu jagħti  risposta tajba ħafna. Fil-fatt Ġesù qallu: “Sewwa weġibt” (Lq 10:28). Għaliex? Għaliex minn dawk il-liġijiet kollha għażel l-aqwa waħda: il-liġi tal-imħabba. “Int għandek tħobb il-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, u b’ruħek kollha, bil-qawwa tiegħek kollha, u b’moħħok kollu, u lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek” (Lq 10:27). Ħobb. Jekk trid tgħix u tgħix għal dejjem trid tistaqsi lilek innifsek: ‘Imma jiena qiegħed inħobb?’ Għax min iħobb tassew jibda l-ġenna minn hawn. Min jobgħod, ma ngħidilkomx qiegħed fil-purgatorju, beda jduq l-infern. Min iħobb u min iħobb tassew jibda jduq il-ġenna. Tgħiduli: imma jkun hemm it-tbatija. Il-ġenna forsi jiffrankahielna imma aħna hawnhekk għadna fit-triq, ma nistgħux nevitaw it-tbatija li ġġib magħha l-imħabba. Min hu missier u omm jifhimni mill-ewwel x’irrid ngħid.

Imma l-avukat ried joħroġ ta’ bravu u fil-fatt irnexxielu għax lil Ġesù qallu: imma dan qed ngħidu fil-Liġi hemm ħobb li proxxmu tiegħek bħalek innifsek, imma dan l-imbierek proxxmu min hu? L-ewwel nett ħa nifhmu minn fejn ġejja l-kelma ‘proxxmu’. Fil-lingwa tagħna l-kelma ‘proxxmu’ ġejja mill-kelma Taljana prossimo li tfisser ‘qarib’. Min hu l-qarib tiegħi? Aħna ħafna drabi nużawha għal dawk li jiġu minna. Meta fil-fatt fis-santa, dik l-aħħar waħda li jagħmlulna jgħidu: ħallewh jibku l-qraba u l-ħbieb. Imma min hu dan il-qarib? Xi kuġin, min jiġi minni? min hu?

Ġesù jagħtina waħda mill-isbaħ parabboli fl-Evanġelju. Illum qed nisimgħu l-Qalb ta’ Ġesù tkellimna. Fl-antik, fil-Knisja, meta kienu jaqraw din il-parabbola li smajna llum, kienu jifhmu li Ġesù qed jitkellem ukoll fuqu nnifsu, is-Samaritan it-tajjeb. L-ewwel nett is-Samaritan min kien fiż-żmien ta’ Ġesù? Dak li kien imwarrab għax is-Samaritani għal-Lhud osservanti kienu dawk li r-reliġjon tagħhom mhijiex aċċettata, tat-tieni klassi. Kien wieħed imwarrab li meta ra Lhudi mixħut għal għonq it-triq imneżża’, imbiċċer, imħolli għall-mewt, u skartat, resaq lejh u ħa ħsiebu.

Ġesù ħin minnhom, fil-parabbola, isemmi wkoll lill-qassisin, lilna tal-kullar u l-Leviti, mhux bilfors is-seminaristi, ħa ngħidu dawk tal-Knisja, dawk ta’ ġewwa. Dawk ukoll rawh lil dak il-Lhudi vittma tal-ħallelin kważi maqtul u mneżża’ għarwien u baqgħu għaddejjin. Ħarsu u baqgħu għaddejjin. Aħna x’se nagħmlu meta l-proxxmu tagħna jkun fil-bżonn? Din hija domanda li hemm bżonn nagħmluha lilna nfusna għaliex lil dan l-avukat bravu Ġesù jgħidlu kelma u ta’ min niftakruha u nifhmuha: “Mur, u agħmel hekk int ukoll” (Lq 10:37). U hekk tgħix. Min irid jgħix ta’ nies iqis lil ħuh, lil oħtu u lil kull min jiltaqa’ miegħu bħala proxxmu, hu f’liema stat hu.

Illum, lejlet il-festa ta’ San Benedittu, f’din il-knisja mbierka bil-preżenza tas-sorijiet kontemplattivi tal-klawsura, nitolbu ħafna għal pajjiżna, għall-kontinent tagħna l-Ewropa. Tant għandna samaritani tajbin, anke f’pajjiżna, tant għandna nies li għalkemm għaddew mill-umiljazzjoni li jkunu mwarrbin, ma qagħdux jinfnew bir-rabja għal dak li ġralhom imma taw ħajjithom għal ħaddieħor.

Jiena nammira ħafna l-poplu tagħna meta kull meta jkun hemm appell għall-għajnuna, jkun xi jkun, nagħmlu ħilitna bil-ftit u bil-ħafna u nagħtu daqqa t’id. Kemm hi ħaġa sabiħa li l-poplu tagħna mhux jagħlaq it-televixin jew il-medja jew inkella ma jimpurtahx. Kultant inkun qed nirrispondi xi telefonata f’xi maratona u nkun qed inkellem lin-nies u jgħiduli: qed nagħti mill-ftit li għandi, sinjur, itlob għalina. Dik il-ħaġa temozzjonani għax nifhem li l-poplu tagħna mhux kapaċi jdawwar ħarstu u fejn hemm il-bżonn jagħti sehmu.

Hemm bżonn nirringrazzjaw lil Alla ta’ dan it-tajjeb li hemm fina u fostna. Imma hemm bżonn ukoll, ħuti, noqgħodu attenti mill-velenu fin li jġagħalna nħarsu lejn il-proxxmu speċjalment jekk ma naqblux miegħu għax ta’ kulur differenti – ifhmuni – inħarsu ’l hemmhekk. Ħallih ħa jaqla’! Ħaqqha!

Dan mhux kliem. Meta l-Mulej jgħidilna “Mur u agħmel hekk”, nagħtu kas ’il xulxin. Nevitaw allura l-kultura tal-iskart, għax din mhux qiegħda fid-demm tagħna, l-aħwa, mhijiex qiegħda fid-demm tagħna. Kemm weġġajt nisma’ li kien hemm xi ħadd kellu ħaddiem mhux Malti, korrielu fuq ix-xogħol u poġġieh fil-karozza u ramieh għal għonq it-triq. Propju bħal tal-parrabola din. Qisu xkora żibel, ħa nitkellem ċar. Bniedem li pprova jgħinek tħallsu bil-boqxix u titrattah ta’ żibel? Dik hija l-kultura tal-iskart, l-aħwa, għax ta’ kulur differenti. Mhux qed ngħid issa l-kulur tan-nuċċali, ifhmuni, il-kulur tal-ġilda! U inti tarmih. Dik hi l-kultura tal-iskart!

Aħna l-istess nies li ninkwetaw bil-qtil fil-gwerer imma mbagħad ngħidu li għandna dritt noqtlu tarbija fil-ġuf.

Jew inkella l-ħajja fil-bidu tagħha għax mhijiex perfetta. Mhux kulħadd jitwieled perfett. Allura min mhuwiex perfett niskartawh? Jiena nikkommovi ruħi meta l-poplu jkun ġeneruż mad-Dar tal-Providenza. Id-Dar tal-Providenza hija monument ta’ kultura li tgħid: dawk ħutna, mhumiex skart, se nieħdu ħsiebhom; la npoġġuhom fil-friża u lanqas noqtluhom. Allaħares! Kien hemm żmien fl-istorja tal-Ewropa meta residenti bħalma għandna fid-Dar tal-Providenza kienu joqtluhom għax mhumiex tajbin biżżejjed. Biex ma ngħidux ukoll li l-kapurjuri Ewropej iriduna nemmnu li inti għandek dritt toqtol it-tarbija fil-ġuf. M’hemmx agħar minn dan l-iskart!

Jgħidulna li d-dritt li toqtol tarbija innoċenti huwa dritt fundamentali tal-bniedem. U l-kapurjuri kbar ta’! Ma nsemmix ismijiet għax kulħadd jafhom. Għandna jkollna iżjed sens tad-dinjità tal-bniedem. Aħna l-istess nies li ninkwetaw bil-qtil fil-gwerer imma mbagħad ngħidu li għandna dritt noqtlu tarbija fil-ġuf. Ippruvaw ifhmu x’sens fih dan! Jekk mhijiex kultura tal-iskart li bniedem tarmih mal-ġenb, jew inkella tarah fil-bżonn u tibqa’ għaddej, mhijiex problema tiegħi ħi, jagħmel hu, ħaqqu! Kemm ngħiduha dik u nitkażaw b’xulxin.

Is-Samaritan, aħna ngħidulu t-tajjeb, li għex fil-ħajja tiegħu l-esperjenza li tkun skartat għax li tkun samaritan fi żmien Ġesù kienet li tkun skartat. Is-Samaritana l-oħra, il-mara li Ġesù ltaqa’ magħha ħdejn il-bir ta’ Ġakobb qaltlu: “Inti Lhudi titlobni nagħtik l-ilma?” (Ġw 4:9). Aħna ma nitkellmux ma’ xulxin, lanqas nitolbu flimkien. Qisu kulħadd għandu Alla tiegħu.

Ġesù qed jgħallimna ngħixu ta’ nies billi nirreżistu l-kultura tal-iskart. Tagħtik x’tagħtik il-liġi u tgħid x’tgħid il-liġi meta tagħżel, agħżel il-liġi tal-imħabba bħalma għamel dak l-avukat bravu. Għax inti tgħidli: imma jiena qed nimxi skont il-liġi għax il-liġi tħallini. Il-pajjiżi kollha tal-Ewropa, barra aħna, għandhom l-abort skont il-liġi. Imma l-għażla qiegħda f’idejn kull wieħed u waħda minna. Tgħidli: mela kif qed tgħid inti jista’ jidħol l-abort u kulħadd jagħżel hu? Ma nafx x’se nagħmlu aħna’l quddiem għax diġà għandna liġijiet bil-mustaċċi u bid-daqna imma aħna nippretendu aħjar mis-soċjetà.

Għalhekk, nitolbu anke llum l-interċessjoni ta’ San Benedittu, patrun tal-Ewropa, biex nifhmu l-kelma ta’ Ġesù: il-proxxmu tiegħek huwa dak ħuk fil-bżonn; hija t-tarbija li għadha titwieled; it-tarbija fil-ġuf hija persuna innoċenti li għandha bżonn mhux min jiskartaha jew ipoġġiha fil-friża biex xi darba jiġi xi ħadd jadottaha, imma għandha bżonn min iħobbha tassew.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Dewt 30:10-14
Salm: 68 (69), 14 u 17, 30-31, 33-34, 36ab u 37
Qari II: Kol 1:15-20
L-Evanġelju: Lq 10:25-37