L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
San Bartilmew hu wieħed mit-tnax-il Appostlu. Twieled f’Kana tal-Galilija, u hu indikat bħala dak li fl-Evanġelju ta’ San Ġwann jissemma bħala Natanael. Fil-fatt, San Ġwann isemmi lil Natanael filwaqt li l-evanġelisti l-oħra jsemmu lil Bartilmew bħala wieħed mill-appostli. Hawnhekk, kif rajna fl-Evanġelju, kien l-appostlu Filippu li ħajru biex imur għand Ġesù, u meta Ġesù rah, qal: “Hawn hu Israeli li jistħoqqlu dan l-isem. Ma hemm ebda qerq fih.”
X’nafu fuq dan l-appostlu? Ma tantx nafu dettalji, lanqas wara Għid il-Ħamsin meta l-appostli ħarġu biex ixandru l-Bxara t-Tajba. Hemm min jgħid li mar jipprietka l-Indja, li wasal ukoll sal-Armenja, flimkien ma’ San Ġuda Taddew, u wħud jaħsbu li sofra l-martirju l-Armenja. Anke fuq il-martirju tiegħu – nafu li miet biex jistqarr il-fidi, miet martri, imma dwar il-mod kif, hemm min jgħid li qatgħulu rasu, hemm min jgħid li qaxxrulu l-ġilda u sallbuh fuq is-salib, li sallbuh rasu ’l isfel. Michelangelo wkoll iġib lil San Bartilmew fix-xena tal-Aħħar Ġudizzju fil-Kappella Sistina.
X’jgħallimna San Bartilmew? F’dil-ġrajja tal-lum fl-Evanġelju nara żewġ punti importanti għall-ħajja tagħna.
L-ewwel nett innutaw x’qal fil-bidu meta Filippu qallu “Sibna lil Ġesù ta’ Nażaret”. Hu qal: “Tista’ toħroġ xi ħaġa tajba minn Nażaret?” Kellu dan il-preġudizzju, kien xettiku dwar Ġesù. Innutaw il-kuntrast bejn dan il-kumment u dak li qal meta, fil-fatt, iltaqa’ miegħu. Meta ltaqa’ miegħu, anke għal ftit mumenti, seta’ jgħidlu: “Int l-Iben ta’ Alla, int is-Sultan ta’ Iżrael”. Kellu mbagħad isir jaf ħafna aktar lilu bl-esperjenza miegħu, imma dan jurina kemm hu mportanti li aħna lil Ġesù mhux biss insiru nafu fuqu imma nsiru nafu lilu, ikollna esperjenza u relazzjoni personali miegħu. Din tgħinna biex nagħrfuh tassew bħala l-Iben ta’ Alla li jsalvana u tgħinna wkoll biex lilna tagħmilna xhieda tiegħu fil-ħajja tagħna. San Bartilmew għamel din l-esperjenza mhux biss f’dil-ġrajja, imma mbagħad f’ħajtu kollha – kif qallu Ġesù, “għad tara ħwejjeġ akbar minn dawn” – kompla jissaħħaħ f’din ir-relazzjoni personali ma’ Ġesù. Din lilna tgħallimna ħafna għall-ħajja tagħna.
Imbagħad hemm ħaġa oħra. Nixtieq li niffokaw fuq il-kliem li qal Ġesù: “ma hemm ebda qerq fih”. Hu ġudizzju sabiħ, wieħed mill-ġudizzji sbieħ fil-kliem ta’ Ġesù, għax hu kien jara l-qalb; u għax Ġesu kien jurta ruħu ħafna b’min ikun mhux sinċier imma jkun ipokrita u jqarr
aq. Li jgħid fuq dal-bniedem “ma hemm ebda qerq fih” hu ġudizzju tassew sabiħ! Ried jgħid: dan hu bniedem ta’ integrità, ta’ prinċipju. Nafu li fil-fatt hekk baqa’ sal-aħħar, għax miet biex jistqarr il-fidi, imma Ġesù mill-bidu qal: dan hu bniedem ta’ integrità. Din lilna wkoll tgħinna ħafna fil-ħajja tagħna. Kemm hu importanti li aħna nfittxu bil-grazzja ta’ Alla li nkunu hekk f’ħajjitna – mingħajr qerq u ta’ integrità – u kemm tgħin lis-soċjetà! Is-soċjetà tinbena meta jkun hemm nies ta’ integrità u ta’ prinċipju; u s-soċjetà titmermer meta jkun hemm ħafna li l-mentalità tagħhom tkun li nqarraq biex nistagħna jew inqarraq biex insalva ġildi, għax jaqbilli. Nafu aħna li anke jekk il-qerq fil-ħajja tagħna personali ma jsirx magħruf bħaż-żejt li jitla’ f’wiċċ l-ilma, imma quddiem Alla kollox hu magħruf, għal Alla ma hemm xejn mistur, għax hu jara l-qalb, bħalma rajna fl-Evanġelju.
Nitolbu llum din il-grazzja, fil-festa ta’ San Bartilmew, li aħna nsiru nafuh aktar lil Ġesù b’din ir-relazzjoni personali miegħu li lilna timlielna ħajjitna, u jgħinna biex inkunu nies ta’ integrità u li fuqna jkun jista’ jgħid l-istess kelma li qal fuq San Bartilmew “ma hemm ebda qerq fih”, b’mod li ma nkunux nies f’ħajjitna li nqarrqu bl-oħrajn u, bil-grazzja tiegħu wkoll, ma nħallux lil min iqarraq bina.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju