L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Hi silta qasira ħafna din, minn kapitlu 11 ta’ San Mattew. Hi waħda mis-siltiet tal-ikbar faraġ li nsibu fl-Evanġelji. L-ewwel nett Ġesù ma jbiegħed lil ħadd. Kultant aħna naħsbu li rrabjat magħna, li għandu l-geddum magħna. “Ejjew għandi” (Mt 12:28). Ta’ min nieqfu fuq din l-istedina ta’ Ġesù. M’hemmx għalfejn tistaħbew meta nkun għaddej jien: Ejjew għandi. Lil min qed jistieden? “Intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin” (Mt 12:28). F’dawn il-mumenti meta nħossuna mħabbtin; u tkun xi tkun iċ-ċirkustanza, il-kawża tat-taħbit, tat-toqol: imtaqqlin jgħid: “Ejjew għandi; Jiena nserraħkom” (Mt 12:28). Aħna ngħidu: kif se jserraħna Ġesù? Interessanti ħafna, li jkompli jitkellem fuq il-madmad u t-toqol. Mhux se jneħħili d-diffikultajiet Ġesù, se jgħinni ngħix bihom u forsi wkoll lil hemm minnhom.
Jitkellem dwar il-madmad. Il-madmad hu dak li kienu jintużaw biex il-bhejjem jintrabtu flimkien, u l-bidwi jkun jista’ jmexxihom flimkien. Dak kien jintuża għall-għoġiela. Sfortunament kien jintuża wkoll għall-iskjavi. Anke l-bnedmin kienu jorbtuhom flimkien; imma f’dak iżjed biex jeħduhom priġuniera. Il-madmad kien iżjed, kważi għodda tal-biedja, li inti l-għoġġiela jimxu flimkien, magħqudin permezz tal-madmad; imma hi xi ħaġa tqila.
Qalb ħelwa u umli, mhix dgħufija; hemm qawwa kbira f’li tagħder u tħenn.
Il-madmad tiegħi: “Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi” (Mt 12:29). Donnu l-madmad ta’ Ġesù, se nkunu flimkien miegħu, għax hemm bżonn tnejn, mhux weħdina. Hu l-madmad ta’ Ġesù. Mela jiena għalkemm imtaqqal, se jkun hemm miegħi hu, se nkunu tnejn flimkien. Hu jgħid il-madmad tiegħi. “Il-madmad tiegħi ħelu” (Mt 12:30), il-ħlewwa tiġi mill-preżenza tiegħi. “It-toqol tiegħi ħafif” (Mt 12:30); għax aħna qed inġorruh it-tnejn flimkien. Imma jgħidilna wkoll xi ħaġa li hemm bżonn niftakruha. Hu jgħidilna: “Tgħallmu minni” (Mt 12:29).
Hi espressjoni għażiża ħafna, mill-“Ejjew għandi” – “Tgħallmu minni”. Xi jrid jgħallimna? “Jien ta’ qalb ħelwa u umli” (Mt 12:29). Kemm hemm bżonn li nkunu hekk għal xulxin: “ta’ qalb ħelwa u umli” (Mt 12:29). Il-ħlewwa hi wkoll tradotta f’manswetudni, dik il-kapaċità li fil-ħlewwa, li hi wkoll espressjoni tal-imħabba; inti tagħder u taħfer. Il-Papa Franġisku juża l-kelma ‘tenerezza’. Iħobb jużaha ħafna. Imma f’din il-ħlewwa ta’ Ġesù, li mhix kwistjoni li tkun dgħajjef, għax min jaħfer, min iħenn, min jagħder; irid ikun qawwi ġol-qalb tiegħu. Qalb ħelwa u umli, mhix dgħufija; hemm qawwa kbira f’li tagħder u tħenn.
L-umiltà hi wkoll l-għerf li wieħed jifhem min hu. Aħna min aħna? Mikrobu anqas jidher, jew virus ma jidhirx; iniżilna għarkubbtejna. Aħna min aħna? Kultant ikollna arja. L-umiltà hi l-verità tal-istat tagħna; mhux biex inħossuna ħażin jew iddippressati. L-umiltà hi wkoll li inti tgħix ma’ ħaddieħor. Il-bniedem umli jgħix ma’ ħaddieħor. “Ġesù, li kellu n-natura t’Alla, ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla, imma tneżża’ minn kollox, billi ħa n-natura ta’ lsir, sar jixbah lill-bniedem, u deher minn barra bħala bniedem: ċekken lilu nnifsu, billi obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib” (Fil 2:6-8). Min jobdi jitgħallem ikun umli. Għax inti ċċedi r-rieda tiegħek għas-superjur tiegħek. Mhux ħaġa faċli. Imma wkoll, meta ċirkustanzi jġegħluk tagħmel affarijiet li ma tixtieqhomx. Eżempju l-mard: minn jaf kemm ikollna pjanijiet, imbagħad inti tgħid: M’hemmx x’tagħmel, qiegħed f’qiegħ ta’ sodda. Dak kollu li jiena ppjanajt spiċċa. X’se nagħmel? Niddispra? “Ejjew għandi intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom”
Illum l-interċessjoni ta’ San Bonaventura, li pprietka ħafna fuq il-Qalb ta’ Ġesù, il-qalb ħelwa u umli ta’ Ġesù. Kien jgħallem li aħna nidħlu fil-misteru ta’ Ġesù, jekk nidħlu fil-personalità tiegħu; għax il-qalb hi l-muskolu, il-pompa li għandna fil-ġisem li tmexxi d-demm u tagħti l-ossiġnu; imma hi l-personalità. Aħna wkoll l-Maltin, għandna diversi modi kif niddeskrievu l-persuna, billi ngħidu: Għandu qalbu tajba, qalbu tad-deheb; imma mbagħad ngħidu wkoll: qalbu iebsa, biex ma ngħidux x’kulur ukoll. Jew ngħidu qalbi sewda. Aħna nużaw u nagħtuha ħafna kuluri lill-qalb. Imma l-qalb għalina, għaliex għandna l-istess lingwa, l-istess familja tal-lingwa li kien jitkellem Ġesù, il-qalb hi l-personalità: min hu qalbu tajba hu persuna tajba, min għandu qalbu iebsa, għad baqagħlu ftit ieħor x’jitgħallem. Nitolbu allura li aħna jkollna qalb ta’ Ġesù għal xulxin; li nħobbuh kif iħobbna, u nħobbu lil xulxin kif iħobbna hu.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Eżodu 3, 13-20
Salm: 104 (105) 1 u 5. 8-9.24-25.26-27
Evanġelju: Mt 11, 28-30