L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

F’paġna waħda qasira, San Mattew jagħtina tliet ħolmiet li fihom Ġużeppi rċieva messaġġ qawwi mingħand il-Mulej.

Niftakar darba minnhom kont qed nitkellem mal-Papa Franġisku, li ħalliena din-is-sena u qalli: jgħidu li ħin minnhom San Ġużepp kien jibża’ jorqod għax jgħid ‘jekk noħlom se jerġa’ jagħmilhieli l-Mulej!’

Fil-kitba sabiħa tiegħu dwar San Ġużepp, Patris Corde, l-istess Papa Franġisku jgħallimna li l-Mulej biex isalva lil ibnu u lil omm mill-għawġ u mill-periklu, mit-theddid tal-bnedmin, m’għamilx affarijiet straordinarji. Għażel bniedem ġeneruż, umli, ħaddiem, ġust, li meta kien hemm bżonn xammar il-kmiem u għamel li kien hemm bżonn. Il-Mulej, il-Missier tas-sema ma ħax ħsieb lil ibnu permezz t’affarijiet straordinarji imma permezz ta’ bniedem bħalna, San Ġużepp. U llum aħna u nfakkru din il-familja ċkejkna ta’ Ġużeppi, Marija u Ġesu, nifhmu li jekk il-familja mqaddsa kellha l-mumenti ta’ kriżi, ta’ diffikultà, ta’ faqar, ta’ persekuzzjoni – kif ngħidu ‘aħna min aħna biex ikollna l-ħajja kollha faċli, li kollox ikun ward u żgħar’. Imma aħna nitgħallmu minnha, minn din il-familja ċkejkna, nukleari, li meta nħarsu lejn il-missier, inħarsu lejn il-missier b’fiduċja kbira.

M’ilux il-Papa Ljun ta element bijografiku qawwi, anzi awtobijografiku. Qal min irid jifhimni jifhem li jien bbażajt l-ispiritwalità tiegħi fuq ktieb ċkejken ħafna li nkiteb fis-seklu 17, fl-1690, minn fra Karmelitan – Fra Lawrenz tar-Reżurezzjoni – li kien purtinar u kok, imma ddeċieda li jgħix ħajtu fil-preżenza t’Alla. U l-konverżjoni ta’ dan Lawrenz li mbagħad sar fra, għax ma setax isir patri minħabba nuqqas ta’ skola u istruzzjoni. Jirrakkonta hu stess li darba kien fil-kampanja, kien ġej minn familja fqira ħafna u f’dan iż-żmien bħalma jiġri f’xi wħud, mhux f’kollha, ra siġra mneżżgħa totalment mill-weraq tagħha, donnha mejta. Quddiem din is-siġra fix-xitwa botanika u bijoloġika tagħha, Fra Lawrenz għamel din ir-riflessjoni: minn hawn u ftit xhur oħra din is-siġra terġa’ timtela bil-weraq u l-frott. U din l-ispirazzjoni sempliċi imma profonda, lil Lawrenz li mbagħad sar Fra Lawrenz tar-Reżurezzjoni, għallmitu li m’għandu qatt jaqta’ jiesu minn kwalunkwe ċirkostanza li f’dak il-mument ikollha wiċċ il-mewt forsi, jew id-diżappunti jew id-depressjoni imma xorta jibqala’ tama kbira.

Il-Mulej se jinqeda bik bħalma nqeda b’Ġużeppi ta’ Nażaret

Aħna qed intemmu bħala djoċesi, kif jixtieq il-Papa, f’kull djoċesi bħal-lum qed jintemm dan il-Ġublew tat-Tama. La ftaħna bieb u lanqas għalaqnieh, għax it-tama tibqa’ magħna. Is-sena tgħaddi imma allaħares mal-Ġublew tat-Tama nitilfu t-tama. Jgħaddi l-ġublew imma jalla tibqa’ t-tama. Tibqa’ t-tama li meta l-Mulej isejħilna f’sitwazzjonijiet diffiċli qed jgħidilna, ‘Ħu paċenzja, xammar il-kmiem, għax jien se ninqeda bik.’ M’hemm ħadd ieħor li f’sitwazzjoni diffiċli jista’ jagħmel xi ħaġa jekk mhux inti li qiegħed/qiegħda f’dik is-sitwazzjoni. Il-Mulej se jinqeda bik bħalma nqeda b’Ġużeppi ta’ Nażaret.

Waħda mill-affarijiet li jgħallimna l-Vanġelu tal-lum, li miċ-ċokon Ġesù kellu min iħobbu ħafna u kellu wkoll min jobogħdu ħafna. Lil Ġużeppi u Marija sabhom bħala dik il-benniena ta’ mħabba li kabbritu, li ħabbitu bħala bniedem, li tagħtu għożża, kenn u ferħ. Il-ferħ ta’ qlub foqra imma għanjin fl-imħabba. Imma Erodi huwa dak li jirrapreżenta dak kollu li lil Ġesù jixtiequ totalment eliminat. Il-papiet dejjem jinsistu li Erodi dejjem magħna, imma anke magħna huma nies bħal Ġużeppi u Marija. U din it-tama tagħna. Fid-dawl u l-preżenza ta’ elementi negattivi, l-għedewwa tal-umanità, għedewwa tas-sħubija tal-familja, aħna għandna jkollna t-tama ta’ min jaf li kollox f’idejn Alla. All will be well.

Fid-dawl u l-preżenza ta’ elementi negattivi, l-għedewwa tal-umanità, għedewwa tas-sħubija tal-familja, aħna għandna jkollna t-tama ta’ min jaf li kollox f’idejn Alla.

Illum mhux biss nirringrazzjaw lil Alla ta’ dak kollu li għamel magħna, f’din is-sena speċjali imma nagħtu appuntament lil xulxin għall-ġublew kbir ieħor, millenarju, li ser niċċelebraw minn hawn u ftit snin oħra. Fl-2033 niċċelebraw l-elfejn sena mill-mewt u l-qawmien mill-imwiet ta’ Ġesù; l-elfejn sena mis-salvazzjoni tagħna, miksuba fil-misteru tas-salib u l-qawmien tal-Mulej. U għalhekk nippreparaw minn issa, aħna u nagħlqu dan il-ġublew ordinarju fis-sena 2025, inħarsu lejn is-sena 2033, li f’dan il-ġublew li jmiss, il-Ġublew tal-Fidwa, huwa propju ġublew speċjali. Bħalma ċċelebrajna b’ferħ kbir is-sena 2000, mill-elfejn sena tat-twelid tal-Mulej, hekk ukoll nippreparaw biex inħejju ruħna u niċċelebraw b’ferħ kbir l-elfejn sena mill-fidwa tagħna.

Imma dan nagħmluh billi jkollna l-atteġġjamenti sbieħ li l-Appostlu Missierna San Pawl iħeġġeg lill-Kolossin. L-ewwel nett ried jagħtihom identità. Aħna xi kultant ikollna kriżi t’identità. Imma aħna min aħna? Intom il-magħżulin minn Alla, il-qaddisin u l-maħbubin tiegħu. Dik l-identità tiegħek. Isma’ lill-Appostlu Missierna San Pawl jgħidlek int min int. Inti l-magħżul/a ta’ Alla. Intom il-magħżulin ta’ Alla, il-qaddisin u l-maħbubin tiegħu. U b’konsegwenza ta’ din l-identità, identità radikali li aħna ħadna u kkonfermajna fil-magħmudija u fil-griżma, jgħidilna “ilbsu mela sentimenti ta’ ħniena, tjieba, umiltà, ħlewwa u sabar” (Kol 3:12).

Din tal-aħħar togħġbu ħafna lil San Pawl għax jerġa’ jinsisti “stabru b’xulxin” (Kol 3:13). Jekk ikollkom xi tgħidu ma’ xi ħadd, bħalma jiġri dejjem, “aħfru lil xulxin; bħalma l-Mulej ħafer lilkom, hekk għamlu intom ukoll. U fuq kollox ilbsu l-imħabba, li hi l-qofol tal-perfezzjoni” (Kol 3:13-14). F’dawn il-vrus għeżież tal-Appostlu Missierna San Pawl hemm programm tal-ħajja. Il-Ġublew jgħaddi bil-grazzji kollha tiegħu imma l-identità tagħna ma jħassarha ħadd. Is-sejħa tagħna bħala konsegwenza ta’ min aħna hija li aħna nkunu preżenza fis-soċjetà u fid-dinja li ġġib il-paċi, l-armonija, is-sabar u t-tama.

Jiena llum nagħlaq billi nitlob fuq il-familji tagħna barkiet li ssemmi l-iskrittura fl-ewwel paġni li qrajna llum mil-ktieb ta’ Bin Sirak fejn jagħti kummentarju sabiħ tar-raba’ kmandament: Weġġaħ (agħti ġieħ) lil missierek u ommok. U kemm jinsisti l-awtur f’isem Alla li dak kollu li nagħmlu mal-ġenituri anke meta moħħhom jeħfief (ara Bin Sirak 3:13), hija biex ngħidu hekk deskrizzjoni ħelwa tad-dimensja, meta moħħhom jeħfief, dak kollu li nagħmlu mal-ġenituri Alla jbierku. Jgħatti d-dnubiet. Huwa privileġġ li tkun tista’ turi mħabba u ħniena, sabar u mogħdrija ma’ min tak il-ħajja u tgħatti dnubietek l-ħafna li għandna.

Ejjew li fil-familji tagħna tirrennja din is-sensibilità, din l-għotja, dan l-ispirtu ta’ mħabba. U li nitolbu wkoll għal min fl-esperjenza tiegħu tal-familja għadda jew jgħaddi minn mumenti ibsin biex ħadd ma jaqta’ jiesu minnu nnifsu u mill-għajnuna t’Alla. Aħna u nawguraw sena ġdida mingħajr ġublew, niftakru imma li hemm ġublew li ma jieqaf qatt: il-ħniena t’Alla li hija għal kull żmien – in aeternum.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Sir 3:2-6,12-14
Salm: 127 (128):1-2,3,4-5
Qari II: Kol 3:12-21
L-Evanġelju: Mt 2:13-15,19-23

Aktar ritratti