L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Ra l-fidi tagħhom” (Lq 5:20). Dan hu li naqraw fl-Evanġelju llum fuq l-irġiel li kienu qed iġorru wieħed mifluġ fuq mitraħ. Dawn ħaduh quddiem Ġesù, biex Ġesù jfejqu. Tolqotni ħafna f’dan ir-rakkont kif l-Evanġelju jgħid li Ġesù “ra l-fidi tagħhom” – il-fidi ta’ dawn li kienu qed jerfgħu lil wieħed mifluġ.
F’episodji oħra fl-Evanġelju għandna lil Ġesù li jitkellem ma’ min se jfejjaq u jgħidlu: “il-fidi tiegħek fejqitek” (Mk 10:52) – bħal fil-każ ta’ bniedem għama, anke ta’ dik il-mara li kienet ilha tnax-il sena tbati bit-tnixxija tad-demm, u episodji oħra. Imma hawn mhijiex il-fidi ta’ dan li kien marid, imma l-fidi tagħhom.
Ħa nħarsu ftit lejn dawn li jiffurmaw din il-ġrajja sabiħa li smajna fl-Evanġelju. L-ewwel nett, dawn l-irġiel li kienu qed iġorru lil dan li kien mifluġ. Kienu nies ta’ qalb tajba, riedu jgħinu lil dan il-bniedem li b’ebda mod ma seta’ jmur hu quddiem Ġesù; għalhekk ftiehmu li jġorruh. Kienu nies ta’ fidi kbira, kif juri l-Evanġelju, għax huma kienu jemmnu li Ġesù seta’ jfejqu. Għalhekk għelbu kull ostaklu biex jaslu għand Ġesù, għax kellhom din il-fidi fih. Fidi msieħba ma’ determinazzjoni li jagħmlu minn kollox biex lil dan il-mifluġ jeħduh quddiem Ġesù. Kif naraw hawnhekk, ma setgħux minħabba n-nies. Bil-Malti ngħidu “jekk ma tgħaddix mill-bieb, tgħaddi mit-tieqa”, imma dawn iktar minn hekk għamlu; għax telgħu fuq il-bejt u niżżluh bejn ix-xorok biex jista’ jasal quddiem Ġesù. Jagħtuna messaġġ sabiħ dawn in-nies li kienu qed jerfgħu lill-milfuġ: kienu nies ta’ qalb tajba, ta’ fidi kbira, u ta’ determinazzjoni biex jagħmlu l-ġid, u biex jiksbu dak li kien tassew bżonn għal dan il-mifluġ.
Ħa nħarsu lejn dawn li kienu madwar Ġesù. L-Evanġelju jgħid li kien hemm “xi Fariżej u għorrief tal-liġi li kienu ġew mill-irħula kollha tal-Galilija u l-Lhudija u minn Ġerusalemm” (Lq 5:17) Kienu hemmhekk bilqiegħda fejn Ġesù. Dawn dejjem b’kurżita x’se jagħmel. Hawn ħaduha bi kbira meta lil dan il-mifluġ Ġesù qallu “dnubietek maħfura” (Lq 5:20). Bdew jaħsbu u jgħidu “bejnhom u bejn ruħhom”, anke jekk Ġesù nduna x’kienu qed jaħsbu. Fost l-oħrajn qalu: “min jista’ jaħfirhom id-dnubiet ħlief Alla waħdu?” (Lq 5:21) Qed jgħidu xi ħaġa vera: Alla biss hu li jaħfer. Imma li ma ridux jaċċettaw hu li Ġesù kien bin Alla, kellu din il-qawwa. Huma b’xi mod jew ieħor dejjem ifittxu li lil Ġesù jagħlqu qalbhom għalih, ma jaċċettawhx. Dan hu li jolqotna hawn. Ara n-nies, l-Evanġelju jgħid li n-nies bdew ifaħħru lil Alla meta raw l-għeġubijiet. Huma ma kinux kapaċi li jfaħħru lil Alla anke meta jaraw xi ħaġa verament sabiħa u ta’ ġid.
Jekk inħarsu lejn Ġesù, bħalma narawh dejjem, hu mimli mħabba u kompassjoni lejn kulħadd, imma speċjalment lejn dawk li huma l-aktar fil-bżonn. Hawn hu kien qed jgħallem, sab lil dan il-bniedem quddiemu wara li niżżluh, jieqaf, u mal-ewwel jagħti attenzjoni lil din il-persuna quddiemu. L-ewwel ħaġa li jgħidlu hi “dnubietek maħfura”. Forsi tinstema’ stramba għalina – dawn ma ġewx għall-maħfra tad-dnubiet, ġew biex ifejqu. Imma Ġesù jagħraf l-ewwel bżonn, l-iktar bżonn importanti, u jibda minn hemm: “dnubietek maħfura”. Iktar ’il quddiem ifejqu, jagħtih saħħtu mill-ġdid. Imma l-messaġġ li qed jagħtina Ġesù, waqt li qed jagħmel dan il-miraklu, hu li jgħallimna x’jiġi l-ewwel: l-ewwel hi li aħna nkunu fil-grazzja ta’ Alla, li minn ġewwa nkunu fil-paċi ma’ Alla u mal-oħrajn. Imbagħad Ġesù jagħtih ukoll dak li għalih ġie: jiġifieri li jfejqu.
Kemm hu messaġġ sabiħ għalina llum: li aħna jkollna l-fidi ħajja f’Ġesù li lilna jagħtina dak li hu ta’ ġid għalina! U li nagħmlu minn kollox biex nersqu lejh, u niftħu qalbna għalih. Tajjeb li nieħdu wkoll il-messaġġ li jagħtina l-Evanġelju fl-aħħar, meta ssib lil kulħadd ifaħħar lil Alla. Dal-bniedem li Ġesù fejjaq, jgħidilna l-Evanġelju, “telaq lejn id-dar ifaħħar lil Alla” (Lq 5:25). U n-nies li kienu mistagħġb “bdew ifaħħru lil Alla” (Lq 5:26). Kemm hu sabiħ meta hawn dan l-innu ta’ tifħir lil Alla għal dak li Ġesù jagħmel hawnhekk! Anke aħna f’ħajjitna: li aħna bi kliemna u b’għemilna dejjem infaħħru lil Alla għall-ġid kollu li jagħmel magħna.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta