-
-
L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
-
Il-Kappella ta’ Little Sisters of the Poor, il-Ħamrun
20 ta’ Jannar 2018Id-dettall li Ġesù tilef moħħu jagħitihulna San Mark li, ħafna drabi, jgħidha kif tkun u ma tantx jaħsibha darbtejn. Jekk f’miraklu Ġesù jgħid ‘li beżaq’, San Luqa jgħid għamel ftit riq, iżjed pulit, imma San Mark huwa ġeneralment iżjed dirett. U s-Sinottiċi jirrakkuntaw dan il-mument meta l-qraba ta’ Ġesù u anke ommu, imorru jfittxuh. Qrabatu, malli semgħu, ħarġu biex iżommuh għax qalu “li tilef moħħu” (Mk 3:21).
Fil-ħajja ta’ Ġesù kien hemm inċident meta x-xniegħa ħarġet li hu ma kienx f’sikktu, ħaġa li tiġri lil ħafna qaddisin u mhux biss. Qrabtu marru biex iġibuh lura u magħhomkien hemm ommu wkoll. Bħal kull omm, Marija tirrealizza li t-tifel għandu bżonn għajnuna speċjali, u tmur għalih biex tiġbru u tieħu ħsiebu.
Ir-reazzjoni ta’ Ġesù nafuha; ir-reazjoni ta’ Ġesù kienet reazzjoni pjuttost qawwija u jibda jgħid: “‘Min huma ommi u ħuti?’ Imbagħad dawwar ħarstu fuq dawk li kien hemm madwaru bilqiegħda, u qal: ‘Dawn, ara, huma ommi u ħuti. Kull min jagħmel ir-rieda ta’ Alla, dak huwa ħija, u oħti, u ommi’” (Mk 3, 33-35). Kien mad-dixxipli tiegħu u l-folla nġemgħet li lanqas biss ma setgħu jieklu. Tant kien hemm pressjoni fuqhom li ma kienx għad baqa’ ħin għall-mistrieħ. Hawnhekk ukoll l-Evanġelju ta’ San Mark jasal għall-estrem għax inti tista’ tgħid li m’għandekx ħin għall-mistrieħ imma almenu tiekol. Dawn lanqas kellhom biss iċ-ċans li jieklu! Nistgħu nimmaġinaw il-pressjoni li kienu qed jagħmlu n-nies fuq Ġesù u sħabu u għaliex ukoll ħarġet din l-għajta li hu kien tilef moħħu.
Dan il-kliem x’jgħidilna? L-ewwel nett li la ġrat lil Ġesù tiġri lilna wkoll, li dak li nagħmlu jista’ jiftiehem ħafna ħażin, u li ħafna drabi jekk ma jogħġbokx il-messaġġ, tolqot lill-messaġġier. Min jaf kemm jgħajruna b’ġenn! Jean Jugan kienet waħda minn dawn il-qaddisin li ma kellhiex fama tajba ħafna. Imma l-Knisja, fil-kanonizzazzjoni, tikkonferma mhux biss il-qdusija ta’ Jean imma l-għerf tagħha li kien hemm tal-qalb.
Anke huma, il-Little Sisters tal-bidu, biex ma ngħidx anke tal-lum, kienu taħt pressjonijiet kontinwi ta’ kull tip u aħna llum irridu nsellmu opra li hija opra profetika f’pajiżna. Nitolbu biex ikollhom il-vokazzjonijiet fil-kontinenti kollha, nirringrazjaw ukoll li huma xhieda ta’ din il-kondiviżjoni bejn il-kontinenti. Meta nara sorijiet minn pajjiżi oħrajn, nirrealizza li aħna qegħdin ingawdu il-frott minn siġar li ma ħawwilniex aħna imma li fl-istess ħin qed ingawduh. Aħna kemm se nkomplu t-tradizzjoni sabiħa li naqsmu l-vokazzjonijiet tagħna, il-ġenerazzjonijiet, u l-ġenerożità ta’ tant żgħażagħ ma’ pajjiżi oħrajn? Ejjew nitolbu biex il-Mulej ibegħedna mill-idolatrija tal-jien li ssikket il-vuċi tiegħu li ssejjaħ liż-żgħażagħ biex jagħtu ħajjithom lilu.
Illum qegħdin niċċelebraw fost l-oħrajn lil Papa San Fabjanu u anke lil San Sebastjan. Aħna għandna parroċċa kbira ddedikata lil dan il-qaddis li fis-seklu li għadda, f’Malta gawda devozzjoni kbira minħabba li huwa wkoll patrun kontra l-pesta. Meta l-poplu Malti kien jiġi milqut minn din il-pjaga ta’ mard kiefer li ħalliet ħafna vittmi fl-istorja ta’ pajjiżna, kien jirrikorri lejn il-Madonna, lejn San Rokku u lejn San Sebastjan. L-aħħar pjaga kienet fl-1813, mitejn sena ilu.
Imma llum għandna ħafna pjagi oħrajn: il-pjagi tal-idolatrija tal-flus, il-pjaga tal-egoiżmu u tal-mibegħda. Nitolbu lil San Sebastjan biex jidħol għalina quddiem Alla biex jeħlisna minn dawn il-pjagi iżjed profondi għax imissu lill-ispirtu. Fit-talba li tagħmel il-Knisja fil-festa ta’ San Sebastjan, titlob li aħna ma nibżgħux mill-bnedmin. Il-Mulej jagħti lill-Knisja tiegħu, permezz tal-interċessjoni ta’ San Sebastjan il-kuraġġ li ma tibża minn ħadd hi u xxandar l-Evanġelju tal-Mulej anke jekk jgħidulna li qed nitilfu moħħna.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta