L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Bir-reqqa kollha qgħadt infittex it-tagħrif”. Hekk jikteb San Luqa fil-bidu tal-Evanġelju tiegħu, meta beda biex jgħid il-ġrajja ta’ Ġesù.
Waħda mill-affarijiet sbieħ fil-ħajja hi li tkompli titgħallem, li tkompli tirsisti biex tkun taf, biex ikollok it-tagħrif. Nafu li jekk ma tagħmilx hekk, tistaġna.
Nikbru fit-tagħlim
Din tgħodd ukoll fil-ħajja tal-fidi tagħna. Jekk aħna ngħidu, f’mument minnhom, li tgħallimna biżżejjed, li nafu kollox, inkunu żbaljati, għax hemm bżonn li nkomplu nikbru fit-tagħlim, u dan tul ħajjitna kollha.
San Luqa hawnhekk jurina eżempju sabiħ ta’ dan. Hu ma kienx wieħed minn dawk li kienu qrib Ġesù, appostlu tiegħu, jiġri miegħu. Imma meta sema’ bih, flok sempliċiment qagħad fuq l-impresssjonijiet, fittex, staqsa, ra lil min kien jafu sew lil Ġesù, u bis-saħħa ta’ hekk sar jaf ħafna aktar it-tagħlim tiegħu u seta’ jwassal l-Evanġelju tiegħu. Hu eżempju sabiħ ħafna ta’ kif mhux sempliċiment sema’ xi ħaġa, imma daħal fil-fond u wassal imbagħad din l-Aħbar it-Tajba.
Hawnhekk għandna l-ewwel messaġġ importanti fl-Evanġelju tal-lum għall-ħajja tagħna: li għandna inkomplu dejjem nitgħallmu, inkluż fil-fidi tagħna, ninżlu fil-fond tal-fidi tagħna. Hu b’hekk li l-fidi tagħna tkun ħajja, iktar ma nixorbu tassew it-tagħlim li jista’ jiswielna ta’ ġid għall-ħajja.
Il-maħfra hi għażla, li tagħżel li ma tpattix deni b’deni, u li titlob anzi għal min għamillek il-ħsara
Nafu kemm dan kien importanti f’kull żmien, u hu importanti ħafna wkoll fi żmienna. Tisma’ ħafna, kultant, anke fejn jidħlu affarijiet li għandhom x’jaqsmu mal-fidi tagħna, tisma’ affarijiet li huma ħżiena, mhux korretti, li huma frott tal-injoranza. Diversi affarijiet li nisimgħu fuq il-fidi, fuq il-Knisja, għandhom l-għeruq tagħhom fl-injoranza – jiġifieri f’min ma jafx, u iktar kemm ma jkunx jaf, iktar jitkellem, iktar jgħid u kultant b’mod solenni. Għalhekk hu importanti ħafna li ninżlu fil-fond tat-tagħlim tagħna, u nfittxu dak li jista’ jgħinna nikbru fil-fidi tagħna, fuq l-eżempju li jagħtina San Luqa llum fl-Evanġelju tiegħu.
Kelma li tagħmel il-ġid
Imbagħad hemm silta oħra. Dawn huma żewġ siltiet li smajna fl-Evanġelju, imqegħdin flimkien. Waħda hi fil-bidu nett tal-Evanġelju, introduzzjoni għall-Evanġelju kollu. Imbagħad, is-silta l-oħra meħuda minn kapitlu erbgħa, hi l-bidu tal-ministeru tiegħu. Meta Ġesù, proprju wara l-esperjenza tiegħu tat-tentazzjonijiet fid-deżert, imur imbagħad fis-sinagoga u mill-ktieb tal-Profeta Iżaija jaqra dik is-silta: “L-Ispirtu tal-Mulej fuqi, għaliex hu kkonsagrani… biex inwassal il-Bxara t-Tajba lill-fqajrin”. U jgħid xi tfisser twassal il-Bxara t-Tajba: il-ħelsien lill-imjassrin, id-dawl mill-ġdid lill-għomja, u l-ħelsien lill-maħqurin. Fil-fatt, jekk tara s-silta ta’ Iżaija, fiha ħafna aktar minn hekk; imma hawn, li qed iġib l-Evanġelju, hu l-essenzjal ta’ dak li jrid iwassal Ġesù, jiġifieri li l-Aħbar it-Tajba hi aħbar li tagħmlilna l-ġid u li tgħinna biex inkunu tassew ħielsa.
Dan hu l-messaġġ importanti li qed iwassal Ġesù hawnhekk. Li jfisser li aħna, kull darba li nisimgħu l-Kelma ta’ Alla, u nħalluha tinżel f’qalbna, dik tagħmlilna l-ġid u tgħinna biex ngħixu ħafna aktar ħielsa. Fil-fatt, din narawha mill-esperjenza tagħna. Ħu, pereżempju, il-kmandamenti ta’ Alla li tgħallimniehom meta konna żgħar, ħafna drabi; toqgħod taħseb ftit fuqhom, tinduna li huma għajnuna biex ngħixu ħajja tajba aħna u nħallu lil ħaddieħor jgħix ħajja tajba. Ngħixu ħielsa aħna, u nħallu lil ħaddieħor jgħix ħajja ħielsa.
Hu importanti ħafna li ninżlu fil-fond tat-tagħlim tagħna, u nfittxu dak li jista’ jgħinna nikbru fil-fidi tagħna
Din hi importanti, għax kultant tingħata l-impressjoni li l-Kelma ta’ Alla hi xkiel f’ħajjitna. Qisha hi kelma li ma tħalliniex nieħdu pjaċir, li b’xi mod jew ieħor itellifna flok tgħinna, piż żejjed fil-ħajja tagħna flok għajnuna. Imma nafu li meta ngħixuha tassew, meta nilqgħu l-Kelma ta’ Alla u ngħixuha, tagħmel differenza kbira f’ħajjitna, iġġib ħafna ġid f’ħajjitna u tgħinna biex ngħixu ħielsa.
Ħa nsemmi eżempju kif tgħinna biex ngħixu ħielsa. Ġesu qalilna biex naħfru – naħfru lil min jagħmlilna l-ħsara. Nafu li din mhix faċli. Imma l-maħfra hi għajnuna kbira biex ngħixu ħielsa. Il-maħfra ma tfissirx li ma tħossx, ma jiddispjaċikx, ma tibqax tiftakar; il-maħfra hi għażla, li tagħżel li ma tpattix deni b’deni, u li titlob anzi għal min għamillek il-ħsara. Din tgħinna biex ngħixu ħielsa. Għaliex? Għax ma tħallikx taħt id-dwiefer ta’ ħaddieħor, ħajtek ikkundizzjonata minn ħaddieħor, imma tgħinek biex tkun ħafna aktar ħieles. Dan eżempju wieħed, fost ħafna li nistgħu nsemmu, fejn il-Kelma ta’ Alla tgħinna biex ngħixu ħielsa. Għalhekk hi kelma li tagħmlilna ħafna ġid, u aktar ma nilqgħuha f’ħajjitna, aktar ma ħajjitna tkun aħjar.
Teofilu: maħbub minn Alla
Nitolbu din il-grazzja llum lill-Mulej, ispirati mill-kelma tiegħu, li dejjem nilqgħu din il-kelma tiegħu biex tagħmlilna l-ġid f’ħajjitna. Hawnhekk, San Luqa jindirizza fil-bidu tal-Evanġelju tiegħu lil Teofilu, u l-istess jagħmel fl-Atti tal-Appostli, ukoll isemmih fil-bidu. Teofilu kien bniedem li kien jgħix dak iż-żmien, imma xi tfisser il-kelma “Teofilu”? Tfisser ħabib ta’ Alla, il-maħbub ta’ Alla. Għalhekk qed jindirizza lilna lkoll fil-fatt, għax ilkoll maħbubin minn Alla.
Ejjew nilqgħu dil-kelma tiegħu. Nitolbuh li dejjem inkomplu nikbru fit-tagħlim li jwasslilna Ġesù u li jagħtina l-ħajja, u li nilqgħu l-kelma tiegħu f’ħajjitna, il-kelma li kif għedna fis-salm hi “spirtu u ħajja”, biex ħajjitna tkun tassew ħielsa.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju