L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Ġesù, Bin David, ikollok ħniena minni” (Lq 18:38). Din hija t-talba li beda jgħajjat dan l-għama li kien mal-ġenb tat-triq jittallab il-karità, u li għamilha meta Ġesù kien għaddej minn din it-triq riesaq lejn Ġeriko. Għax kien għama, ma setax jara lil Ġesù, imma sema’ l-kotra għaddejja, u għalhekk staqsa min kien. Qalulu li kien Ġesù ta’ Nażaret, u dan ir-raġel beda jokrob għall-għajnuna: “Ġesù, bin David, ikollok ħniena minni”. Ħa nħarsu lejn dan ir-rakkont, u naraw x’jagħmel dan il-bniedem għama, x’tagħmel il-folla tan-nies, u x’jagħmel Ġesù.
Dan il-bniedem kien fi tbatija kbira, kellu bżonn ħafna ta’ għajnuna. Kien għama – ma setax jara – imma kien ukoll jittallab il-karità. U l-Evanġelju jgħid li kien “mal-ġenb tat-triq” (Lq 18:35). Għal ħafna nies, kien bniedem imwarrab, fil-ġenb. Imma kien determinat. U kif sema’ li kien għaddej Ġesù, għamel minn kollox biex iwassal leħnu. Anke meta sikktuh, flok siket, beda aktar jgħajjat. U kien bniedem ta’ fidi. Kien sema’ f’Ġesù. Fil-fatt qalulu “għaddej Ġesù ta’ Nażaret” (Lq 28:37), imma hu meta jgħajjat, jgħid: “Ġesù, bin David…” Hemm differenza. L-għajta tiegħu hija l-għajta ta’ min jemmen f’Ġesù bħala l-Messija, u kellu din il-fidi li Ġesù seta’ jgħinu. Għalhekk id-determinazzjoni flimkien mal-fidi.
Ħa nħarsu lejn il-folla tan-nies, din il-kotra li kienet miexja ma’ Ġesù, illi flok għenet lil dal-biedem, kienet ta’ ostaklu għalih. Fil-fatt l-Evanġelju jgħid li meta beda jgħajjat, in-nies bdew “iċanfruh u jsikktuh” (Lq 18:39). Flok jgħinuh biex jersaq lejn Ġesù, aktar iħalluh fil-ġenb. Għan-nies, dal-bniedem kellu jibqa’ hemmhekk fil-ġenb, u Ġesù kellu jibqa’ għaddej.
Ħa nħarsu lejn Ġesù. X’jagħmel Ġesù? Hu dejjem ta’ qalb ħelwa, mimli mħabba u ħniena. Meta miexi fi triqtu ma’ dawn in-nies kollha, kif jisma’ l-għajta ta’ dal-bniedem għama, jieqaf. U ara x’jagħmel Ġesù: jgħid lin-nies biex iressqulu lil dal-bniedem. Dawn in-nies li sikktuh, li għalihom dal-bniedem kellu jibqa’ fil-ġenb, Ġesù jibgħathom biex iressquh lejh. Hawn għandna dan id-djalogu sabiħ ma’ dal-bniedem meta Ġesù jgħidlu: “Xi tridni nagħmillek?” U jwieġbu: “Li nara, Mulej”. Ġesù jgħidlu: “Ara, iva. Il-fidi tiegħek salvatek!” (Lq 18:42) Ġesù hu dak li jagħtih kull għajnuna, jagħtih ħajja ġdida. Jgħinu biex jibda jara, imma wkoll jgħinu għax jintegrah lura fis-soċjetà. Ġesu hu dejjem ta’ qalb mimlija mħabba u ħniena.
Għandna ħafna x’nitgħallmu minn dan ir-rakkont. L-ewwel nett, nitgħallmu li Ġesù hekk hu magħna: għalih aħna lkoll importanti, kull wieħed u waħda minna. U min iħossu mbiegħed, min iħossu mwarrab jew emarġinat, f’Ġesù jaf li għandu dak li jagħti każ speċjali ta’ dawn. Ġesù jrid lilna wkoll jgħinna, ifejjaqna, jagħtina dak li aħna neħtieġu fil-ħajja tagħna. Imbagħad dar-rakkont jgħallimna li aħna min-naħa tagħna, għandna nkunu dawk li ngħinu lin-nies jersqu lejn Ġesù, mhux inbegħduhom jew inħalluhom fil-ġenb, bħalma għamlet fil-bidu din il-kotra ta’ nies. U li aħna wkoll ikollna l-istess qalb bħal ta’ Ġesù: kollha mħabba u ħniena, u attenzjoni lejn dawk li huma fil-bżonn. Nisimgħu l-għajta ta’ min qed ibati, imma wkoll il-karba siekta ta’ min ma għandux leħen daqshekk jgħajjat u ħafna drabi qed ibati waħdu jew waħedha.
Dan l-Evanġelju jispiċċa b’mod sabiħ ħafna. Dan ir-raġel li beda jara, baqa’ miexi wara Ġesù “jagħti glorja lil Alla”. U l-poplu, jgħid l-Evanġelju, “beda jfaħħar lil Alla” (Lq 18:43). Dan l-Evanġelju jispiċċa b’din in-nota ta’ tifħir u glorja lil Alla. Ejjew aħna wkoll, ispirati minn din il-Kelma ta’ Alla, infaħħru u nagħtu glorja lil Alla, nitolbuh biex fih naraw dejjem dak li lilna jsalvana, u nitolbuh biex jagħtina dejjem qalb li tixbah lil tiegħu.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju