Photo: Vatican Media

Dokument ġdid maħruġ mis-Sinodu tal-Isqfijiet għandu l-għan “li jipprovdi muftieħ ta’ interpretazzjoni biex wieħed jifhem il-fażi ta’ implementazzjoni tal-proċess sinodali”.

Imniedi nhar it-Tnejn, Toroq għall-Fażi ta’ Implimentazzjoni tas-Sinodu joffri lill-“Knejjes lokali mad-dinja kollha qafas flimkien li jagħmilha aktar faċli li nimxu id f’id” u jippromovi “d-djalogu li jmexxi lill-Knisja kollha għall-Assemblea Ekkleżjali”, maħsuba għal Ottubru 2028 u li se timmarka l-quċċata tal-proċess sinodali li beda l-Papa Franġisku fl-2020.

Il-Kardinal Mario Grech, Segretarju Ġenerali tas-Sinodu, osserva li “l-forma sinodali tal-Knisja hi għas-servizz tal-missjoni tagħha… hi l-urġenza ta’ din il-missjoni li tixprunana biex nimplimentaw is-Sinodu, ħidma li fiha l-imgħammdin kollha jaqsmu fir-responsabbiltà”.

Hu qal li s-Segretarjat Ġenerali tas-Sinodu, li ħejja d-dokument il-ġdid, jinsab għas-servizz tal-Knejjes lokali, lest “li jismagħhom, jissapportja l-isforzi tagħhom, u, fuq kollox, jagħti sehmu biex janima d-djalogu u l-qsim tad-doni bejn il-Knejjes”.

Id-dokument jiftaħ bi spjega tal-fażi ta’ implimentazzjoni u l-għanijiet tagħha, u jkompli jfisser min huma l-parteċipanti tal-fażi ta’ implimentazzjoni, flimkien mal-ħidmiet u r-responsabbiltajiet tagħhom; jissuġġerixxi kif wieħed għandu jutilizza d-Dokument Finali tas-Sinodu, il-punt ewlieni ta’ riferiment għal din il-fażi tal-vjaġġ Sinodali; u joffri pariri fuq metodi u għodod li “jistgħu jgħinuna niffurmaw il-mixja tagħna tul il-fażi ta’ implimentazzjoni”.

Il-Kardinal Grech qal: “Qed nikkonsenjaw dawn it-‘toroq’ lill-Poplu kollu ta’ Alla, li hu s-suġġett tal-vjaġġ sinodali, u b’mod partikulari lill-Isqfijiet u l-Eparki, lill-membri tat-timijiet sinodali, u lil dawk kollha involuti b’bosta modi fil-fażi ta’ implimentazzjoni”.

L-għan, huwa żied, “hu li ngħinuhom iħossu s-sapport tagħna u nkomplu bid-djalogu li kkaratterizza l-vjaġġ sinodali kollu”.

Source: Newsbook.com.mt