L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Ma nafx jekk qatt rajtux żerriegħa tal-mustarda. Hi żerriegħa tassew żgħira. Ġesù jgħid fl-Evanġelju llum, li hi: “l-iċken fost iż-żrieragħ kollha tal-art”. Għalhekk jolqotna l-fatt li Ġesù jxebbah is-Saltna ta’ Alla ma’ żerriegħa, u b’mod partikulari ma’ żerriegħa tal-mustarda. Meta nisimgħu l-kelma ‘saltna’, l-ewwel ma jiġi f’moħħna hi xi ħaġa kbira, imma Ġesù jgħid li s-Saltna ta’ Alla tixbah lill-iktar ħaġa żgħira, li bil-mod il-mod tikber u tiżviluppa.
Għalhekk nixtieq li naħsbu dil-Kelma ta’ Alla x’tgħidilna f’ħajjitna, speċjalment din it-tixbiha li għamel Ġesù. Dan li qal Ġesù jiswa għall-ħajja tagħna ta’ kuljum u hu programm għal ħajjitna.
Żerriegħa li taħdem l-aktar meta ma tarahiex
L-ewwel nett, iż-żerriegħa hi xi ħaġa żgħira u mill-aktar ordinarja. Ġesù qed jgħid li s-Saltna ta’ Alla tikber u tiżviluppa b’dal-mod – b’xi ħaġa li hi żgħira, u li hi mill-aktar ordinarja. Aħna kultant f’moħħna għandna li dak li hu kbir u straordinarju hu aqwa, u qisna nimmaġinaw li dak hu l-aktar importanti, imma Ġesù qed jgħid li s-Saltna ta’ Alla tikber b’xi ħaġa li hi żgħira u mill-iktar ordinarja.
Ġesù jgħid ukoll li tikber fis-skiet, fil-kwiet. Meta ż-żerriegħa tintefa’ fl-art, hemmhekk tindifen fil-ħamrija, ma tibqax taraha, imma hemm tkun qed tilħaq l-iskop tagħha. Għalhekk din iż-żerriegħa żgħira li permezz tagħha tikber is-Saltna ta’ Alla mhix xi ħaġa li tolqot l-għajn jew li tiġbed l-attenzjoni fuqha, imma fis-skiet u fil-kwiet, mingħajr ma tiġbed l-attenzjoni fuqha.
Għalhekk Ġesù jgħid li din li hi żgħira, ordinarja, taħdem fil-kwiet u fis-skiet, fl-istess waqt hi effettiva. Hu b’dal-mod li tħalli l-frott. Hekk tikber is-Saltna ta’ Alla.
Messaġġ ta’ inkoraġġiment
Dan il-kliem li qal Ġesù għandu għalina messaġġ importanti ħafna, ta’ inkoraġġiment kbir. Lilna lkoll hu jsejħilna biex inkunu dawk li naħdmu fis-Saltna tiegħu, imma b’dal-mod. Meta ngħidu t-Talba tal-Missierna – kull darba li niltaqgħu flimkien hawnhekk dejjem ngħiduha – lill-Missier ngħidulu “Tiġi saltnatek”. Qed ngħidu lill-Mulej: aħna nixtiequ li tiġi Saltnatek. Ġesù jsejħilna biex inkunu dawk li nagħtu sehemna ħalli tiġi s-Saltna tiegħu, u nagħmlu dan speċjalment fil-ħajja tagħna ordinarja, fis-skiet, fil-kwiet, mingħajr ħafna ħoss u storbju, u mingħajr ma niġbdu l-attenzjoni fuqna. Hemmhekk inkunu qed nagħmlu ħidma li tħalli tassew il-frott.
Il-ħidma tal-għalliema li, meta jieħdu s-sejħa tagħhom b’dedikazzjoni, jistgħu jagħmlu tant ġid – il-ħidma tagħhom hi proprju bħal din iż-żerriegħa li qiegħda bil-mod il-mod tikber u tħalli l-frott.
Hemm, fil-fatt, hi l-qawwa tal-ħidma tal-Knisja. Kultant tismagħha din il-mistoqsija: hawn tant ġid li jsir kuljum, tant nies li fis-skiet u fil-kwiet qed jagħmlu l-ġid lill-proxxmu, qed jgħinu lil min hu fil-bżonn, ispirati mill-Kelma ta’ Alla! Tant nies qed jieqfu ma’ dawk li qed ibatu – u dan kuljum, f’kull ħin. Kif tisma’ ftit li xejn fuq dan? Kif dawn qishom ma jagħmlux aħbar? Hu veru li aħna lkoll għandna nwasslu aktar it-tajjeb li jsir, imma qatt ma rridu ninsew li s-Saltna ta’ Alla tikber l-aktar b’dal-mod li ma jagħmilx aħbar – fil-ħajja ta’ kuljum, meta kultant lanqas aħna ma nindunaw, bħalma ż-żerriegħa tkun midfuna fl-art, imma hemmhekk tkun qed tikber is-Saltna ta’ Alla.
Fl-affarijiet ta’ kuljum
Ħa nsemmi xi eżempji ta’ dak li nistgħu nagħmlu aħna li jkunu affarijiet żgħar u ordinarji imma li bihom tinbena s-Saltna ta’ Alla: meta – fir-rispett tal-miżuri li għandna nosservaw minħabba l-pandemija – inżuru lil xi ħadd li hu waħdu jew waħedha; meta nagħmlu telefonata jew nibagħtu messaġġ ta’ inkoraġġiment; meta nfarrġu lil min għaddej minn żmien diffiċli, u meta nkunu mezz ta’ solidarjetà lil min jinsab fil-bżonn; meta nagħmlu l-ħidma tagħna fid-dar jew fl-uffiċċju, ħidma li kultant tista’ tkun monotona ħafna għax nagħmlu l-istess ħaġa, imma nagħmluha b’dedikazzjoni, bi mħabba u b’paċenzja. Insemmi, pereżempju, il-ħidma tal-għalliema li, meta jieħdu s-sejħa tagħhom b’dedikazzjoni, jistgħu jagħmlu tant ġid – il-ħidma tagħhom hi proprju bħal din iż-żerriegħa li qiegħda bil-mod il-mod tikber u tħalli l-frott.
Hu eżempju sabiħ ħafna dak ta’ tant ġenituri li jiddedikaw ruħhom għal uliedhom, u t-trobbija tat-tfal hi bħal din iż-żerriegħa li bil-mod il-mod tħalli l-frott. Insemmi l-ħajja ta’ kuljum ta’ ġenituri dedikati għal uliedhom, ibda minn meta jkunu żgħar ħafna u jagħmlu minn kollox għal uliedhom; imbagħad jikbru ftit iktar, u kultant ikunu qishom ix-xufiera ta’ wliedhom, iwassluhom hawn u hemm, jerġgħu jmorru għalihom, u dan għal diversi drabi. Din tkun il-ħajja ordinarja, ġurnata wara l-oħra. Ġesù qed jgħid: hemm tikber is-Saltna ta’ Alla. Meta din il-ħidma tagħna nagħmluha bi mħabba, b’dedikazzjoni, b’impenn – hemm tikber u tissaħħaħ is-Saltna ta’ Alla, bħal żerriegħa li ħadd mhu qed iħares lejha imma tagħmel il-frott u frott bnin.
Noffru dil-ħidma tagħna
Nixtieq li t-talba li nagħmlu llum fil-quddiesa tkun li aħna nkunu dejjem dawk li naħdmu b’dal-mod li semma Ġesù fis-Saltna tiegħu. Ikun sabiħ li fil-bidu ta’ kull ġurnata aħna noffru lill-Mulej il-ħidma tagħna tal-ġurnata, b’talba li din il-ħidma nagħmluha dejjem bl-ispirtu tiegħu ta’ mħabba u ta’ ġenerożità, u li naqdu d-dmirijiet tagħna b’responsabbiltà. Nitolbuh lill-Mulej biex jgħinna ħalli din il-ħidma tagħna tkun bħal żerriegħa li tikber u tiżviluppa u tħalli l-frott. Lill-Mulej nitolbuh biex bl-għajnuna tiegħu dak li nagħmlu fil-ħajja ordinarja jħalli ħafna ġid, u b’hekk tikber u tissaħħaħ is-Saltna tiegħu.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju